Il-gvern qed jagħmel tajjeb li jara kif iqatta’ mill-burokrazija. Hi biċċa xogħol iebsa li niddubita kemm tista’ tirnexxi fi żmien qasir.
Min-naħa l-oħra, lanqas irridu nagħtu t-tort għal kull ma jiżgarra fit-tmexxija tal-amministrazzjoni publika lil dawk li jaħdmu fl-uffiċċji tagħha, meta hemm fatturi oħra li joħolqu rebus. Bħall-fatt li ta’ spiss wisq, id-direttivi amministrattivi jinbidlu malajr u bla attenzjoni biex wieħed jiżgura li meta tibdel regolament, m’intix qiegħed bla ma tinduna, taffettwa kif regolament ieħor li jidher li m’għandu x’jaqsam xejn ma’ li qed tbiddel, fil-fatt tkun affettwajtu sew.
Jew bħall-ħtieġa biex tizgura li dak li qed isir se jkun magħruf fil-ħin miċ-ċittadini jew korpi kollha interessati.
Tort ta’ nuqqasijiet hekk jinħoloq dewmien liema bħalu.
Biss l-agħar forma ta’ burokrazija, l-aktar qerrieda tal-inizjattiva, hi dik li temmen kif ix-xogħol li għandu jsir qed isir, sar u se jitlesta sempliċement għax intbagħtet ittra jew illum, e-mail.
L-avviżi u d-direttivi joħorġu wara xulxin mingħajr tħejjija xierqa u għax inħarġu x-xogħol sar.
Sadattant, kollox jibqa’ fejn kien.

***

MAL-PARLAMENTI NAZZJONALI

F’laqgħat li saru dil-ġimgħa fil-Parlament Ewropew, deputati mill-parlamenti nazzjonali kellhom seduti ma’ deputati Ewropej. Matulhom iddiskutejna l-mod kif qed jitwettaq l-eżami li ta’ kull sena l-Kummissjoni Ewropea tagħmel tal-ekonomiji Ewropej u tal-arranġamenti li jkunu qed ilestu l-pajjizi membri fil-baġits annwali tagħhom.
Il-fatt hu li għalkemm il-baġit tal-gvernijiet irid jgħaddi mill-parlament nazzjonali, l-“indħil” fih tal-Kummissjoni Ewropea jibqa’ mbiegħed għal kollox mill-ħidma parlamentari li d-deputati nazzjonali jkunu qed iwettqu. Huma ma jħossuhom xejn konċernati jew impenjati mill-proposti u l-kummenti tal-Kummissjoni.
Hu sew li saru dawn il-laqgħat sabiex id-deputati nazzjonali jħossuhom imdaħħla aktar fil-ħidma għaddejja minn Brussel f’qasam li jaqa’ fil-prerogattiva tagħhom. Imma dan l-għan mhux se jintlaħaq f’qasir zmien.

***

EVAŻJONI TA’ TAXXA

F’Malta bħal f’pajjizi Ewropej oħra, l-evazjoni tat-taxxa hi rampanti. Għandna l-istimi tal-Ewrostat dwar l-evazjoni tal-VAT (li l-ministru tal-finanzi ikkontesta); hemm l-evazjoni tat-taxxa fuq id-dħul, fejn isir kull sforz minn ħafna biex id-dħul jasal għand il-benefiċjarju b’mod li jaħrab mill-iskrutinju tal-uffiċċji tat-taxxa; u hemm l-isforzi bla waqfien biex multi u taxxi oħra jiġu injorati miċ-ċittadini u kumpaniji.
Ir-retorika politika kontra dan qed tizdied fl-Ewropa peress li l-awsterità qed iddejjaq firxa dejjem usa’ ta’ ċittadini. F’Malta tidwi anqas għax l-ekonomija hi f’rankatura, minkejja li n-numru ta’ ċittadini f’riskju ta’ faqar baqa’ jizdied. Kieku l-affarijiet kienu mod ieħor, kien ikollna ħafna aktar sentiment fostna wkoll, kontra l-evazjoni tat-taxxa.

Alfred Sant
05 ta’ Frar 2015

Facebook Comments

Post a comment