Il-kriżi tar-refuġjati għadha fl-aqwa tagħha, donnha li ma tridx titlaq. Hemm min qed iħares lejn iċ-ċifri tal-immigranti li għadhom deħlin u jsostni li l-aqwa tagħha għadu ġej. L-aqwa diġà jinsab magħna, qed jgħidu oħrajn, wara l-kaos li nqala’ dil-ġimgħa fil-fruntiera ta’ bejn il-Greċja u l-Maċedonja hekk kif immigranti sfrondaw il-barrieri li nbnew bejn iż-żewġ pajjiżi.
Din kienet il-ġimgħa li matulha kellhom isiru tħejjijiet tekniċi qabel jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew biex jingħata sura l-“ftehim” li ntlaħaq fil-bidu tax-xahar bejn il-mexxejja Ewropej u dawk tat-Turkija. Imma waqt li kien għaddej dax-xogħol tekniku, il-kritika dwar il-“ftehim” u dwar kif ma setax jitwettaq bis-serjetà ma qatgħux. L-agħar fil-biċċa hu li ħafna mill-Ewropej qed iħossuhom skomdi li se jkollhom jiddependu daqshekk fuq it-Turkija, pajjiż li għal diversi raġunijiet – fosthom id-direzzjoni awtoritarja li ħa l-gvern – iqanqal ħafna riżervi. Raġunijiet oħra huma l-konflitt li għadu jbaqbaq bejn il-gvern Tork u ċ-ċittadini Torok Kurdi li jridu jisseparaw mit-Turkija; il-wegħda li saret lit-Turkija li se jkomplu n-negozjati għad-dħul tagħha fl-Unjoni Ewropea (ħaġa li qanqlet il-veto ta’ Ċipru); u l-wegħda li daqt iċ-ċittadini Torok ikunu jistgħu jivvjaġġaw fl-Ewropa bla viża. Id-dubji mistennija jippersistu anki wara d-deċiżjonijiet li jkun ħa l-Kunsill Ewropew.
Qam id-diskors li l-“ftehim” sar għax kienet il-kanċellier Merkel li mbottatu ‘l quddiem. L-argument sar ukoll madankollu li difettuż kemm hu difettuż il-“ftehim”, talanqas qed jipprovdi mezz kif il-kriżi tista’ tiġi kontrollata, anke jekk bl-għajnuna tat-Turkija fi żmien meta l-Ewropej ma jafux fejn jinsabu eżatt magħha.

IL-ĠERMANJA TIĊĊASSA

Veru, il-kanċellier Merkel kellha bżonn xi forma ta’ ftehim biex tilqa’ għall-kritika li dejjem qed tinġema’ kontra t-tmexxija tagħha. Fi tliet elezzjonijiet reġjonali li nżammu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-partit tas-CDU imexxi mill-kanċellier, spiċċa ħażin ħafna. M’hemmx dubju li hi l-kriżi tar-refuġjati li taħti għat-telfiet li ġarrab. Il-partit tal-lemin estrem AfD għamel rebħiet qawwija, preċiżament għax rikeb fuq il-biżgħat tal-Ġermaniżi dwar il-kriżi tar-refuġjati. Din baqgħet tiddomina l-aħbarijiet u l-programmi ta’ diskussjoni fit-televixin Ġermaniż.
Quddiem dan ir-riżultat, il-mexxej tal-partit alleat tas-CDU fil-Bavarja, Seehofer, reġa’ fetaħ bil-kbir il-kritika tiegħu għall-politika ta’ Merkel. Saħaq fuq il-ħtieġa ta’ bidla, inkella l-alleanza CDU-CSU se taqa’ lura sew u anki tinqasam. Biss Merkel ma tat l-ebda sinjal li lesta tibdel il-linja tagħha dwar ir-refuġjati. Tidher li temmen li l-Ġermanja trid turi ruħha ġeneruża lejn dawk li qed ifittxu l-kenn u li l-wasla tar-refuġjati għad tkun ta’ ġid kbir lil pajjiżha. Fih, l-anzjani qed isiru dejjem aktar numerużi u ilu jintqal li hemm bżonn ta’ ħaddiema żgħażagħ ġodda jekk l-ekonomija mhijiex se togħtor.
It-tensjonijiet politiċi u soċjali li qamu qed jimminaw din il-viżjoni. Mhux biss fil-Ġermanja, imma anke fil-bqija tal-Unjoni Ewropea. Merkel qed tagħti l-impressjoni ta’ lider li tinsab imdgħajfa bil-kbir. Ftit tax-xhur ilu, kienet tissemma bħala l-aktar mexxejja qawwija fl-Ewropa. Leħinha għadu qawwi imma qed ikollha dejjem aktar tikkalkola b’kawtela x’passi ’l quddiem se tieħu, mhux biss ġewwa l-Ġermanja imma anki barra. Hawn, il-kritika tal-prim ministru Ungeriż Viktor Orban u tal-alleati tiegħu fil-pajjiżi Balkani qed issir aktar skomda, la parti akbar mis-soċjetà Ġermaniża qed tivvota għal partit b’ideat li huma bħal ta’ Orban. Ir-reżistenza tqawwiet sew kontra politika li biha l-Unjoni Ewropea għandha tiftaħ dirgħajha għall-immigranti li qed jaslu mis-Sirja bħala refuġjati.
Lil hinn minn din il-kontroversja, qed tinbidel il-fehma tal-Ġermanja bħala l-potenza Ewropea li mingħajr il-grazzja tagħha ma jista’ jsir xejn. Bilfors, fil-mod kif il-mexxejja Ġermaniżi jpoġġu l-argumenti u l-għażliet tagħhom, saru aktar ċassi.

SPANJA, IR-RENJU UNIT, IS-SLOVAKKJA…

Inkwetanti fl-istorja hu li sentiment ta’ eżitazzjoni u inċertezza ma jinħassx biss fil-Ġermanja imma f’pajjiżi oħra tal-Unjoni.
Fi Spanja, għadhom qed jiddiskutu kif se jsolvu l-problemi maħluqa mir-riżultati elettorali ta’ Diċembru li għadda. Waqt li nkisret il-fasla elettorali ta’ żewġ partiti li daqqa jkun wieħed daqqa jkun l-ieħor li jmexxi l-gvern, issa li l-elettorat iddeċieda li jagħti ċans tajjeb lil erba’ partiti, ma tistax tinstab maġġoranza parlamentari stabbli.
U l-istess fl-Irlanda… u fis-Slovakkja fejn l-għażla ta’ koalizzjoni bejn il-partiti li jinsabu fil-parlament wara l-aħħar elezzjoni tiddependi minn kompromessi li ftit ikollhom x’jaqsmu ma’ xinhu l-aħjar għall-pajjiz kollu kemm hu.
Lanqas tista’ tinsa lir-Renju Unit, fejn it-tellieqa tar-referendum dwar jekk il-pajjiż għandux jitlaq jew le mill-Unjoni Ewropea, qed tiddomina l-ħajja politika u toħloq aktar inċertezzi.

IL-KAŻ TONI ABELA

Sadattant matul dil-ġimgħa fi Brussell saret laqgħa tal-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar kontroll fuq il-baġit. Matulha, kellu jsir l-iskrutinju ta’ sitt persuni nominati mill-gvernijiet tagħhom biex iservu fuq il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Fosthom, nominat mill-gvern Malti, kien hemm Toni Abela. Kont prezenti għas-smigħ tiegħu mill-kumitat u minnufih deher li l-mistoqsijiet li sarulu kienu fil-biċċa l-kbira avvelenati minn dokumenti anonimi li tqassmu lid-deputati matul l-aħħar ġimgħa. Reġgħu qajmu l-allegazzjonijiet foloz li saru waqt l-aħħar elezzjoni ġenerali dwar li Toni Abela kien għalaq għajnejh għal traffikar tal-kokaina. Dik kienet gidba lampanti li meta stħarrġuha l-pulizija, twarrbet minnufih.
Id-deputati prezenti ma setgħux ikunu jafu d-dettalji ta’ din l-istorja. Biex tispjegahom trid iz-zmien u mhux bilfors kulħadd se jsegwi. Is-sitwazzjoni kienet waħda fejn tajn li jintefa’ se jħalli t-tbajja warajh; waqt li biex toqgħod turi l-falsità tal-akkuzi, se taħli l-ħin li suppost qed jintuza biex turi l-kompetenza professjonali tiegħek. Biex tagħqad, id-deputati tal-kumitat għażlu li ma jirrikonoxxux li ħiliet legali huma daqstant siewja fix-xogħol ta’ awditur; mentri huma. Taw wisq anqas importanza milli messhom lill-esperjenza u kompetenza ta Dr Abela fil-qasam legali.
Hi ħaġa tal-mistħija li f’materja Ewropea hemm Maltin — jekk jixirqilhom jissejħu hekk — li m’għandhom l-ebda skruplu jxerrdu akkużi foloz u kalunnji kontra ħaddieħor f’fora Ewropej. Jekk mingħalihom li b’hekk se jagħmlu dannu lill-partit li huma kontrih jinsabu ngannati bil-kbir: id-dannu jkunu qed jagħmluh lil kulħadd, lill-pajjiż kollu, inkluż il-partit li jappoġġjaw. Jekk mingħalihom li b’hekk se jkunu qed jagħmlu ħsara lill-persuna konċernata, hemm kelma waħda biss tixirqilhom ħalli tfisser min huma: vili.

Facebook Comments

Post a comment