Igħaddu s-snin u ssib li jkollok tibdel drawwiet li mingħalik se jibqgħu miegħek għal dejjem. Hekk ġrali fl-aħħar ġimgħat. Kulmeta nattendi kungressi jew konferenzi jew ma nafx xiex aktar, dejjem għamilt minn kollox biex ma noqgħodx nilbes il-kartuna jew baġġ li jagħtuk biex izzomm imdendel minn għanqok ħalli tintgħaraf min int. Dejjem qiestha proċedura ta’ dwejjaq, li tpoġġik fl-istess keffa bħall-klieb jew qatates fil-wirjiet tal-annimali.
Biss fl-aħħar xahrejn li bdejt nattendi l-Parlament Ewropew bħala membru kelli nibdel id-diska. M’hemmx x’tagħmel, tant hemm proċeduri x’issegwi, tant hemm labirinti ta’ kuriduri li tista tintilef fihom, tant hemm uffiċċji moħbija u kontrolli elettroniċi li trid tosserva, li biex ma titlifx wisq zmien tuza kulma jiġik għal idek. U b’hekk issa, qisni wieħed mill-esibiti f’wirja tal-klieb, kull fejn immur inġorr fuq sidri bħal labtu kbir ikħal li juzaw id-deputati. Hu wkoll labtu maġiku għax bih tista’ taqbez il-kontrolli elettroniċi u ssib kemm għajnuna trid kull fejn tmur.
L-aħħar li lbist labtu kien meta ta’ tifel, ommi kienet tlibbes lil ħuti u lil labtu kannella tal-Madonna tal-Karmnu.

***

AKTAR DWAR ĦATRIET

Il-manuvrar u n-negozjati dwar kif se jitqassmu l-ħatriet fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida baqgħu għaddejja sal-mument meta Jean Claude Juncker ħabbar il-proposti tiegħu dwar min se jmexxi xiex. Il-persuni kienu ntgħazlu mill-gvernijiet, li għall-ewwel ma sabulux ħatriet ta’ nisa daqskemm hu xtaq. Fl-aħħar, Juncker irnexxielu jgħaqqad disa’ nisa. Għall-bidu kien hemm dubji dwar kemm seta’ jasal għal dan in-numru. Imma jidher li matul is-sajf, irnexxielu jikkonvinċi għadd ta’ gvernijiet li ħaġa bħal din kienet essenzjali biex il-Kummissjoni tiġi approvata mill-Parlament Ewropew. Il-kompromessi li wasslu għal dan ir-rizultat m’hemmx għalfejn ngħidu, baqgħu mistura.
Minkejja li l-President il-ġdid tal-Kummissjoni ftit seta’ ħa gost b’ċerti nomini li sarulu, speċjalment minn gvernijiet tal-grupp politiku li jappartjeni għalih, il-lemin-ċentru, irnexxielu jqassam il-portafolli fosthom b’mod tassew makakk jew stuz (agħzel int liema kelma taqbel l-aktar) waqt li zamm il-wegħdiet li kien għamel lill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew meta resaq quddiemhom biex jivvotawlu. Per ezempju lis-soċjalista Franċiz Moscovici nkarigah minn affarijiet ekonomiċi u finanzjarji, tassazzjoni u dwana. Hekk kien wiegħed li se jagħmel qabel il-vot fil-Parlament Ewropew. Biss Moscovici se jaqa’ taħt is-sorvelja ta’ Jyrki Katainen, mil-lemin ċentru, li nħatar Viċi President għall-impjiegi, tkabbir ekonomiku, investiment u kompettività.
Is-soċjalisti u gruppi politiċi oħra sabuha diffiċli jieħdu linja waħda, jew favur jew kontra l-proposti ta’ Juncker. Uħud mill-ħatriet għoġbuhom, oħrajn anqas jew le. U allura t-tendenza kienet li jistennew u jaraw kif se timxi dil-Kummissjoni qabel niġġudikaw dwarha. Forsi dak li ried Juncker.
Għalija m’hemmx dubju dwar xinhu jiġri. B’mod stuz jew makakk, sejjaħlu li trid, Juncker qed jirnexxielu jsaħħaħ bil-kbir id-dominanza tal-lemin politiku fl-ogħla livelli u taħthom tal-Kummissjoni Ewropea.

***

KARMENU VELLA

Il-Kummissarju ġdid Malti Karmenu Vella ingħata fil-Kummissjoni ta’ Juncker il-portafolli tas-sajd, tal-ambjent u tal-affarijiet marittimi. Hi ħatra ta’ sfida qawwija b’xogħol kbir li jrid isir fiha għax it-tliet oqsma huma delikati u jaqilgħu ħafna kontroversji. Fihom jiddeffsu lobbies ekonomiċi u soċjali kbar mill-Ewropa kollha. Fil-fatt, il-perit Vella ngħata ħidma ħafna aktar impenjattiva milli ngħataw kummissarji li ġejjin minn pajjizi ħafna aktar influwenti minn tagħna.
Jien konvint li Karmenu mhux biss se jkun kapaċi jilqa’ għall-isfida imma anki jmexxi d-dekasteri tiegħu b’galbu u inizjattivi ġodda. Hu bniedem li kapaċi jistudja xi ħaġa li tkun ġdida għalih u jitgħallimha fi ftit zmien. Hu bniedem prattiku li jikkonċentra fuq kif l-affarijiet se jizviluppaw fir-realtà mhux fuq il-karta. U hu bniedem dħuli, li jaf imur man-nies, anki jekk ikunu “kontra” tiegħu. Kollha kwalitajiet li se jiswewlu ħafna fi Brussel u fi Strasburgu.
Hu jista’ jkun perswaz li d-deputati Ewropej minn Malta — talanqas zgur is-soċjalisti fosthom — se jkunu lesti li jagħtuh mill-qalb l-għajnuna kollha tagħhom meta u jekk ikollu bzonnha. Nawguralu.

***

SERVIZZI FINANZJARJI

Fost il-ħatriet li Juncker iddeċieda u li qanqlu l-aktar interess kien hemm dik tal-Ingliz Lord Hill, magħmul responsabbli tal-istabbiltà finanzjarja, tas-servizzi finanzjarji u tas-swieq kapitali. Ir-Renju Unit mhux membru taz-zona ewro, għandu interessi kbar fis-servizzi finanzjarji u ma jridx wisq regolamenti fuqhom. Taħt il-gvern konservattiv, ir-Renju Unit mexa lejn politika li qed tagħmilha ħaġa aktar possibbli li wara li jinzamm referendum, il-pajjiz joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Ħafna, speċjalment fuq ix-xellug, ma setgħux jifhmu kif f’dawn il-kondizzjonijiet, Juncker kellu jgħaddi l-portafoll tas-servizzi finanzjarji lil Ingliz. Biss toqgħod taħseb fuqha, mhijiex deċizjoni daqshekk ċassa. Lord Hill se jkun fl-aħjar pozizzjoni biex jara li l-interessi Inglizi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji jibqgħu mħarsa. B’hekk titnaqqas it-tentazzjoni għall-Brittaniċi li jħallu l-Unjoni Ewropea. U wara kollox hemm pajjizi oħra li bl-istess mod bħar-Renju Unit, se jkunu attenti biex l-interessi tagħhom fis-servizzi finanzjarji ma jiġux imminati.
Fosthom il-Lussemburgu. U Malta.

***

DISKUSSJONI DWAR IL-KUMMISSARJI

Il-kumitati differenti tal-Parlament Ewropew bħalissa qed iħejju biex fil-ġimgħat li ġejjin, jilqgħu fosthom lill-Kummissarji l-ġodda ħalli jintervistawhom dwar il-ħidma futura tagħhom, qabel jivvotaw fuq il-ħatriet tagħhom.
Il-grupp tad-deputati soċjalisti ltaqa’ din il-ġimgħa bix jiddiskuti x’pozizzjoni se jieħu waqt li jsiru dawn l-“interrogatorji”. Kien hemm numru li ħarġu bi proposti dwar liema linja għandha tittieħed lejn dan jew l-ieħor minn dawn il-Kummissarji.
F’intervent qasir li għamilt sħaqt li ħafna minn dawn il-kalkoli magħmula mid-deputati mhumiex se jiftehmu mill-elettorati; dawn ma jinteressawx ruħhom fi kwistjonijiet dwar jekk Ċikku jew Peppu ixaqlibx izzejjed lejn il-lemin jew lejn ix-xellug, kif dawn id-direzzjonijiet politiċi jiftehmu fi Brussel.
Bil-maqlub, bħalissa fost il-popli Ewropej it-tħassib baqa’ jagħqad dwar l-impjiegi u l-qgħad; iz-zieda fil-problemi soċjali fosthom il-prekarjat, il-pensjonijiet u l-faqar; u l-krizijiet madwar l-Ewropa li qed iġibu eqreb lejna t-theddid ta’ gwerra. Li messna nagħmlu hu li kull Kummissarji jintalab il-veduti tiegħu fuq dawn il-materji tal-akbar importanza, u ma jimportax liema portafoll ta’ ħidma ngħata, jispjega kif se jkun qed jgħin biex dawn il-punti ta’ krizi jittaffew.

***

TAXXA FUQ IS-SERVIZZI FINANZJARJI

Appuntu reġa’ qam id-diskors dwar il-ħtieġa li l-proposti biex tiddaħħal taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux biss diskors. L-Italja u Franza li l-aktar kienu impenjati fuq dan il-proġett iltaqgħu biex mill-ġdid għas-sena d-dieħla jagħtuh ir-rankatura. Din kienet naqset sew hekk kif qamu intoppi tekniċi. Negozji ta’ ċedoli u ishma isiru bil-biljuni kull ġimgħa. Jekk jiġu soġġetti għal taxxa ta’ perċentwali baxxa, din xorta tissarraf f’fondi qawwija meta tapplikaha għall-geġwiġija ta’ negozji li jkunu qed isiru.
Bankiera u konsulenti finanzjarji madankollu ilhom iwissu li t-taxxa proposta se toħloq problemi kbar u tkisser is-settur tagħhom. Mhux kulħadd jemminhom, għax kulħadd jistennihom li se jgħidu xi ħaġa hekk.
Għandha tkun ħaġa interessanti li wieħed jara kif il-kummissarju l-ġdid dwar servizzi finnazjarji se jqis dan il-proġett ta’ taxxa li għalkemm ilu fuq il-mejda, u ltaqa ma’ mitt elf oġġezzjoni, baqa’ ħaj u jferfer.

FONDI GĦAL ĊIPRU

Ċipru kien imissu jirċievi pagament ieħor fis-self li qed jagħtuh il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea taħt kondizzjonijiet sodi ħafna, biex jgħinuh izomm fil-wiċċ finanzjarjament u ma jfallix. L-ewro grupp, li jikkonsisti mill-ministri tal-finanzi taz-zona ewro, hu inkarigat li jissorvelja xi jkun qed jiġri f’Ċipru biex jizgura li l-pajjiz qed jonora l-obbligi li daħal għalihom.
Il-Parlament Ċiprijott fl-aħħar ġimgħat għadda liġijiet ġodda dwar kif jistgħu jiġu rkuprati djar u propjetajiet oħra li s-sidien tagħhom ikunu fallew jew qrib il-falliment. L-ewrogrupp qies li dan kien ifisser li Ċipru reġa’ lura mill-impenji li daħal għalihom biex is-sistema finanzjarja tiegħu titnaddaf mill-problemi finanzjarji li tinsab imgħobbija L-ewrogrupp waqqaf pagament sostanzjali li kien appikk li jsir favur Ċipru. L-istorja zgur mhijiex se tieqaf hawn.

14 ta’ Settembru 2014

Facebook Comments

Post a comment