L-Unjoni Ewropea għaddejja minn żminijiet inċerti. Il-Brexit – il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni – ġie attivat mill-Prim Ministru Ingliża May. Jeżistu dubji serji dwar kif l-Istati Uniti biħsiebhom iġibu ruħhom fix-xena internazzjonali, bil-bidliet li qed toħloq l-amministrazzjoni Amerikana ta’ Donald Trump.
Resqin negozjati iebsa għall-Ewropej. Fihom, iridu jżommu l-għaqda bejniethom. Iridu għall-futur li jkollhom relazzjoni tajba mar-Renju Unit. Imma bl-ebda mod ma jistgħu jagħtu l-impressjoni li barra l-Unjoni, kwalunkwe pajjiż Ewropew jista’ jmur “aħjar” milli meta jkun ġewwa, jew anke juri li m’hemmx differenza bejn barra u ġewwa. Ħaġa bħal dik tiftaħ il-periklu li aktar pajjiżi membri jitħajru jsegwu fit-triq tal-Brittaniċi, speċjalment hekk kif qed jiżdiedu l-forzi populisti li qed jirkbu fuq l-iskuntentizza bit-tmexxija tal-Ewropa li issa nfirxet sew.
F’dit-taħwira, ta’ spiss nisimgħu kif is-sitwazzjoni kkomplikat ruħha minħabba l-fatt li dis-sena nzertat waħda li fiha qed iseħħu elezzjonijiet Ewropej kruċjali. Ħalliha li fost dawn l-elezzjonijiet, kienet tissemma dik Olandiża, fejn il-biża’ kien li se jirranka bil-kbir il-partit lemini estrem u “populista” ta’ Gert Wilders. L-elezzjoni Olandiża ġiet u telqet. Il-partit ta’ Wilders ma marx tajjeb daqs kemm kien mistenni. F’dak il-pajjiż, it-tmexxija politika ftit se tinbidel, b’koalizzjoni ta’ diversi partiti tradizzjonali u “moderati” fit-tmun.
It-tensjoni politika madankollu baqgħet. Waqt li bħalissa il-kampanja presidenzjali fi Franza tinsab għaddejja bla nifs, fil-ħarifa mistennija l-elezzjoni Ġermaniża għat-tmexxija federali. X’inhu jiġri? Hemm xi manipulazzjoni għaddejja biex lill-eletturi Ewropej ibeżżgħuhom bil-babaw?

GĦALIEX IMPORTANTI

Għaliex l-elezzjonijiet fi Franza u l-Ġermanja qed jittieħdu daqstant b’serjetà?
Minkejja l-preżenza tal-Italja bħala membru sa mill-bidu nett tal-ħolqien tal-Unjoni Ewropea, u minkejja l-wasla snin wara bħala membri tar-Renju Unit u ta’ Spanja fost oħrajn, ir-realtà fl-Ewropa baqgħet din: biex jittieħdu deċiżjonijiet qawwija fi ħdan l-Unjoni, dejjem kien meħtieġ li l-Ġermanja u Franza jiftehmu bejniethom dwar x’għandu jsir. Dil-ħaġa kienet tgħodd kemm meta fi ħdan l-Unjoni kellha titfassal politika ġdida (bħal bit-twaqqif taż-żona tal-ewro), u kemm meta l-Unjoni ħteġilha tilqa’ għall-isfidi li jinqalgħu (bħal meta faqqgħet il-kriżi mar-Russja dwar l-Ukrajna).
Il-predominanza li kisbet ir-rabta Franza-Ġermanja tiftiehem. Dawn iż-żewġ pajjiżi huma l-akbar fl-Unjoni, jinsabu fil-qalba tal-Ewropa, kienu l-aqwa protagonisti fil-gwerer li qamu matul l-aħħar sekli, u t-tnejn għandhom kull interess li l-ġlied tal-imgħoddi jittajjar darba għal dejjem. L-istorja tal-Unjoni turi li għal deċennji sħaħ, mexxejja Franċiżi u Ġermaniżi, anki meta ħaddnu ideoloġiji differenti, sabu kif jiftehmu bejniethom, speċjalment wara li l-ġeneral de Gaulle spiċċa minn President Franċiż. B’hekk kien hemm kollaborazzjonijiet profondi bħal ta’ bejn il-President Franċiż Mitterrand u l-kanċellier Ġermaniz Kohl li għadhom jissemmew b’rispett u ammirazzjoni.
Biss fl-aħħar għaxar/ħmistax-il sena, l-affarijiet bejn iż-żewġ pajjiżi ma baqgħux irrankati daqshekk tajjeb. Min-naħa Franċiża, l-Presidenti Chirac, Sarkozy (it-tnejn mil-lemin) u Hollande (soċjalista) mhux dejjem kienu fuq l-istess binarji bħal-kanċelliera Schroeder (soċjal demokratiku) u Merkel (kristjan demokratika).
Kienu snin li matulhom, il-Ġermanja rkuprat ekonomikament. Matul is-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, għaqqdet fiha t-territorji u l-poplu tal-eks Ġermanja tal-Lvant wara li waqa’ l-ħajt ta’ Berlin. Il-piżijiet li daħlet għalihom minħabba din l-għaqda tawha diksata ekonomika kbira. Biex tfieq minnha, wettqet politika ta’ awsterità ħarxa. Imma meta fieqet minnha, kellha ekonomija li bdiet tirrombla bil-qawwi, kif għadha tagħmel sal-lum.
Mentri Franza, wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008, għotrot u għadha ekonomikament imgħaxxa sal-lum. Fir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, Franza qed tidher bħala d-dgħajfa. Ħaġa bħal din ma toffrix pedament tajjeb biex fuqu ż-żewġ pajjiżi jibnu ftehimiet li bihom jistgħu jippretendu li se joffru gwida lill-bqija tal-Ewropa.
Għalhekk l-elezzjonijiet fiż-żewġ pajjiżi qed jingħataw din l-attenzjoni kollha. Se jkunu elezzjonijiet li jtellgħu mexxejja li jkunu jistgħu jaqblu dwar deċiżjonijiet importanti għall-futur tal-Ewropa?

XELLUG U LEMIN IMĦARBTA

L-aktar elezzjoni problematika hi dik għal min se jkun President ta’ Franza. Ftit ġimgħat wara, iridu jinżammu elezzjonijiet oħra għall-Parlament Franċiż. Is-soltu dawn iwasslu biex il-President elett il-ġdid jingħata maġġoranza ta’ deputati lesti li jmexxu ’l quddiem il-programm tiegħu ta’ ħidma.
Did-darba, fil-kampanja presidenzjali tħarbat kull tbassir dwar l-andament politiku. Ħames snin ilu, bir-rebħa ta’ Francois Holande għas-soċjalisti, dawn spiċċaw supremi fl-irkejjen politiċi kollha tal-pajjiż. Imma Hollande ma rnexxilux iwettaq l-aqwa wegħdi li għamel, speċjalment dwar tkabbir ekonomiku u tkattir ta’ impjiegi. Minflok, kellu jaċċetta li skont ir-regoli taż-żona tal-ewro, biex jilqa’ għall-ħofor finanzjarji fil-baġit tal-gvern, idaħħal politika ta’ issikkar taċ-ċinturin.
Barra milli damet wisq biex tagħti xi riżultati, swiet lilu u lill-partit soċjalista qares. Sadattant, il-populiżmu nazzjonalista proklamat l-aktar mill-partit tal-Front Nazzjonali mmexxi minn Marine Le Pen baqa’ javvanza. Hollande iddeċieda li ma jerġax joħroġ għall-elezzjonijiet presidenzjali.
Bħalissa, il-partit soċjalista jinsab mifrud mill-qiegħ. Il-kandidat tiegħu, Benoit Hamon, li ntgħażel b’vot nazzjonali fost is-soċjalisti, jinsab fl-aħħar post tal-intenzjonijiet tal-vot, skont is-sondaġġi. Mexxejja soċjalisti oħra, fosthom l-eks Prim Ministru Vals, li ma ntgħażilx bħala l-kandidat tas-soċjalisti, stqarrew li mhumiex se jivvotaw lil Hamon. Jarawh xellugi wisq u mhux konvinċenti.
Il-partit lemini tar-Repubblikani wkoll kellu kampanja tassew diffiċli. Ir-Republikani għażlu bħala l-kandidat tagħhom lill-eks Prim Ministru Fillon. Ippreferewh għal pereżempju, l-eks President Sarkozy nnnifsu. Imma minnufh wara li ntgħażel, faqqa skandlu dwar kif Fillon bħala deputat Franċiż, kien irranġa biex jimpjega lil martu bħala assistenta tiegħu fil-Parlament… mingħajr ma kellha xogħol x’tagħmel. Il-flejjes li għaddew b’dal-mod laħħqu kważi miljun ewro fuq żmien ta’ tmien snin…
Għal ġimgħa wara l-oħra, minflok imexxi kampanja elettorali, Fillon li kien telaq biex jippreżenta lilu nnifsu bħala politiku rett u sod, kellu jaffaċċja l-akkużi li baqghu isirulu. Il-kampanja dwar Konrad Mizzi hawn Malta lanqas tibda ħdejn dak li kellu jgħaddi minnu Fillon, li ra ċ-ċansijiet tiegħu ta’ rebħa – fil-bidu tajba – jmajnaw sew.

KIF SE TITMEXXA FRANZA WARA L-ELEZZJONI?

U issa allura, l-pronostku hu li l-għazla li se jkollhom quddiemhom il-Franċiżi hu bejn Le Pen, u Emanuel Macron. Tal-aħħar jaħbat eks-ministru tal-ekonomija tal-President Hollande, li ħareġ għal rasu, bla tikketta ta’ partit. Għadu relattivament żagħżugħ, waqqaf “moviment” tiegħu li jgħid li la hu xellugi u lanqas lemini, u saq ’il quddiem fil-popolarità, skont is-sondaġġi. Hu mistenni jirbaħ l-elezzjoni fit-tieni rawnd tagħha jekk jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ Le Pen, kif x’aktarx jiġri. Issa naraw.
Macron qed jiddikjara ruħu bħala favur il-proġett tal-għaqda Ewropea u se jkun lest imexxih ’il quddiem. Ma jużax id-diskors ta’ Fillon, dwar kif l-Ewropa magħquda, trid tingħaqad madwar il-ġnus li jsawruha (kif kien isostni de Gaulle). Irid jissoda l-għaqda fi ħdan iż-żona tal-ewro u biħsiebu jappoġġja inizjattivi biex l-ewro jkollu l-baġit u l-ministeru tal-finanzi tiegħu.
Dil-pożizzjoni ta’ min jista’ jkun il-President il-ġdid ta’ Franza messha sserraħ l-imħuħ, speċjalment fil-Ġermanja. Macron żar Berlin għal darba tnejn matul il-kampanja presidenzjali. Allura xinhi l-problema?
Fost oħrajn, iqumu żewġ punti: il-politika Ewropea li qed jipproponi Macron, ftit hi differenti minn dik li pprova jmexxi Hollande. Kemm se jirnexxilu jwettaqha aktar milli rnexxielu dan?
Imbagħad hemm l-argument li Macron mhux se jkollu partit stabbilit warajh biex jappoġġjah, peress li telaq “waħdu” biex jirbaħ il-presidenza. Meta jirbaħha, lil min se jsib biex isostnilu l-politika tiegħu fil-Parlament. Hu jargumenta li hekk kien għamel il-ġeneral de Gaulle meta waqqaf il-ħames repubblika, kif tissejjaħ ir-repubblika Franċiża tal-lum. Biss de Gaulle kellu storja warajh ta’ eroj nazzjonali li kontra kull periklu, f’isem Franza, sfida lin-Nażi matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Min-naħa tiegħu, Macron ħadem bħala bankier u bħala uffiċjal publiku qabel serva għal ftit żmien f’wieħed mill-gvernijiet maħtura minn Hollande.
Il-problema se tkun din: Franza tinsab riesqa lejn gvern effettiv jew se tispiċċa aktar imħarbta milli kienet fl-aħħar snin?
Mhux ta’ b’xejn li l-inċertezzi qed jinkwetaw lill-Ewropej tal-qalba… mhux l-anqas f’Berlin.

Facebook Comments

Post a comment