Fl-aħħar żmien, l-Ewropa donnha kienet għaddejja minn kriżi għall-oħra. Fil-bidu tas-sena kellna l-kriżi tal-ewwel attakk terroristiku f’Pariġi. Imbagħad il-kriżi tal-immigrazzjoni rregolari minn nofs il-Mediterran. Wara, l-kriżi dwar il-qagħda tal-Greċja bħala membru taż-żona tal-ewro. Terġa’, it-tieni kriżi tal-immigrazzjoni rregolari dieħla mill-Balkani. Matul dan kollu, baqa’ għaddej it-tħassib dwar it-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa li għalkemm tjieb fl-aħħar xhur, għadu fjakk. U issa l-kriżi tat-tieni attakk terroristiku f’Pariġi, ħafna aktar qawwi mill-ewwel wieħed.

IFITTXU ALLEATI

Mhux biss Franza imma l-Ewropa kollha kienet ixxokkjata bil-kobor tat-tieni attakk u bl-għadd importanti ta’ mejta u midrubin, kollha ċivili, li ħalla warajh. Id-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ urġenza mat-territorju kollu Franċiż u l-iżviluppi mħabbra dwar il-qbid ta’ dawk responsabbli, waqt li kkalmaw il-paniku tal-bidu, sostnew it-tensjoni fi Franza u barra minnha. Fl-istess ħin, seħħet fawra impressjonanti ta’ solidarjetà lejn il-poplu Franċiż li qabżet kemm il-fruntieri u kemm id-differenzi politiċi u ideoloġiċi.
Id-Daex, l-għaqda ta’ estremisti Iżlamiċi li qed tippreżenta ruħha bħala stat iżlamiku, jew kalifat, imwaqqaf fit-territorji tal-Iraq u s-Sirja, ħadet ir-responsabbiltà għall-attakk li għall-ewwel darba fl-Ewropa kien qed jittella’ permezz ta’ kumbattanti kamikaze, lesti biex joqtlu lilhom infushom fl-istess attakk li qed imexxu. Pariġi ġiet fil-mira għax fil-ġimgħat li għaddew Franza kienet involuta fl-attakki bl-ajru li saru fuq il-binjiet tad-Daex fis-Sirja. Il-President Hollande ddeskriva dak li ġara bħala “att ta’ gwerra” — ħaġa li ħolqot aspettattiva li pajjiżu se jsaħħaħ il-ħidma militari tiegħu kontra d-Daex. Sa liema bogħod Franza se tieħu dan il-pass, għadu mhux magħruf.
Żgur li biex jagħmel hekk, il-gvern Franċiż ma jistax jitlaq waħdu; se jeħtieġ alleati. Matul dil-ġimgħa, invoka klawsola li qatt ma ntużat sa issa fit-trattati Ewropej, fejn il-pajjiżi membri jwiegħdu l-appoġġ u s-soldarjetà tagħhom lil kull membru ieħor li jsofri attakk fuq l-integrità territorjali tiegħu. Il-Kunsill tal-Ministri Ewropej unanimament qabel mat-talba Franċiża, għalkemm x’se tiġi tfisser fil-prattika għadu mhux magħruf.
Sadattant, hi u tħares madwarha biex tara min jista’ jidħol alleat magħha fil-ħidma ta’ sigurtà u tpattija militari li se jkollha tidħol għaliha, Franza kellha tibda tkejjel b’miżura oħra lir-Russja, li hi wkoll għamlet intervent qawwi fis-Sirja u bl-isplużjoni ta’ ajruplan Russu mimli turisti fuq il-peninsola ta’ Sinaj, intlaqtet hi wkoll bil-kbir mit-terroriżmu Iżlamiku.
Oġġettivament, Franza u r-Russja għandhom fuq hiex, dwar il-problema tas-Sirja, iqisu lil xulxin bħala alleati. Biss, ċaqliq diplomatiku ta’ dat-tip jaffettwa il-koerenza tal-Unjoni Ewropea li diġà fl-aħħar xhur, kellha problemi kbar biex issostni politika komuni fir-rigward tar-Russja.

DWAR XENGEN
Kemm ilu li seħħ it-tieni attakk terroristiku fuq Pariġi, waħda mill-aqwa kontroversji kienet dwar x’għandu jiġri mis-sistema ta’ Xengen, li fi ħdan l-Unjoni Ewropea tkopri l-maġġoranza kbira tal-pajjiżi membri f’żona waħda. Permezz ta’ Xengen, dawn il-pajjiżi jħallu liċ-ċittadini tagħhom u lil oħrajn minn barra l-Unjoni li jkunu daħlu f’pajjiżhom, jivvjaġġaw kullimkien fiż-żona bla ħtieġa ta’ kontrolli u passaporti. L-attentati terroristiċi qed jiġu ppjanati u finanzjati minn barra l-Unjoni; imma uħud minn dawk li qed iwettquhom huma ċittadini Ewropej. Xengen tippermettilhom jiċċaqalqu minn pajjiż għall-ieħor bl-akbar ħeffa. Fil-fatt jidher li l-attakki ta’ Pariġi ġew organizzati mill-Belġju.
Diġà, is-sistema ta’ Xengen ġiet taħt pressjoni kbira matul ix-xhur li għaddew minħabba l-mewġa ta’ rifuġjati li telqu mit-Turkija lejn il-Balkani. F’ħin jew ieħor, l-istess Ġermanja, l-Awstrija u pajjiżi oħra kellhom jiddeċiedu biex għal żmien limitat, jerġgħu itellgħu l-kontrolli mal-fruntieri tagħhom.
L-ilħna biex Xengen tiġi riformata bil-kbir, anki biex tiġi żmantellata, x’aktarx se jiżdiedu fiż-żmien li ġej. Madankollu ħafna mexxejja u pajjizi Ewropej iqisu li Xengen hu wieħed mill-aqwa kisbiet tal-Ewropa. Hu turija ta’ kif qed jirnexxilhom jibdlu l-kontinent Ewropew f’pajjiz wieħed b’mod li ċ-ċittadini tal-pajjizi kollha, jew kwazi, jqisu bħala ħaġa tajba għax jistgħu jmorru bla xkiel kull fejn iridu fl-Ewropa.
Xengen ukoll ikkontribwiet biex it-turizmu fl-Ewropa jikber sew. Jekk jidħlu restrizzjonijiet ġodda jew aktar minn hekk jekk Xengen jiżżarma, barra mid-daqqa politika li dan ifisser, x’aktarx li t-turizmu wkoll jaqla’ daqqa. Min-naħa l-oħra, bl-insigurtà li jġib miegħu it-terrorizmu, x’aktarx li dan ukoll se jnaqqas l-aptit tal-Ewropej għall-vjaġġi.

BAĠITS

Minkejja t-tensjoni mqanqla mit-terrorizmu, l-Kummissjoni Ewropea baqgħet għaddejja bix-xogħol tagħha li tissorvelja l-baġits tal-gvernijiet membri għas-sena d-dieħla ħalli tgħid x’jidhrilha minnhom. Sar ezerċizzju ta’ kull sena dan, li jfakkrek xi ftit fl-iskola tan-nuna, fejn it-tfal tal-klassi jintqalilhom x’qed jagħmlu ħazin fil-pitazzi tal-kitba tagħhom u li jridu jirranġawh, kif ukoll x’jistgħu jagħmlu aħjar.
Aħna f’Malta smajna kif il-baġit tal-gvern Malti ngħata marka pożittiva, ħaġa li kienet mistennija. Filfatt, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-baġits kollha (ħlief tal-Portugall li għad irid jitlesta) kienu ftit jew wisq konformi mal-kondizzjonijiet tal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà. Dan il-Patt bejn l-istati membri issa jfisser fid-dettall kif għandhom jizammu l-bilanċi tal-baġits, u kif għandu jitnaqqas id-dejn nazzjonali. Il-Kummissjoni għamlet kritika pjuttost minuri fuq aspetti ta’ baġits bħal dawk ta’ Franza (għalkemm għad hemm xettiċizmu qawwi dwar kemm iċ-ċifri Franċizi jistgħu jiġu fdati), tal-Awstrija u tal-Finlandja.
Fl-istess ħin, qamu mistoqsijiet dwar x’se jiġri jekk stati membri jmorru zmerċ fil-kalkoli tal-ispiza tagħhom minħabba li jkollhom jonfqu aktar biex ilaħħqu mal-bzonnijiet tar-refuġjati li l-Ewropa qed tilqa’. F’dal-kaz, qed isostnu minn issa (u hemm l-Italja u l-Awstrija f’dal-kamp), li l-ispiza ekstra li se jkollhom jidħlu għaliha m’għandhiex titqies bħala spiza “normali” għall-fini tar-regoli dwar il-baġit; anzi għandha titwarrab mill-kalkoli li tagħmel il-Kummissjoni Ewropea. Din tal-aħħar irrispondiet li meta jasal il-waqt, se tagħti kont ta’ dawn il-fehmiet billi skont hi, ir-regoli Ewropej jipprovdu għaċ-ċirkostanzi li qed jinqalgħu.
U segwiet f’dit-triq Franza fil-jiem ta’ wara l-attakki ta’ Pariġi. Sostniet li se jkollha tagħmel sforz ġdid u qawwi fil-qasam tas-sigurtà interna u dak militari. Zgur se jkollha tonfoq ħafna aktar milli previst fil-baġit attwali. Dawn l-ispejjez zejda għandhom jitpoġġew fil-ġenb fit-trattament tal-pajjiz taħt ir-regoli finanzjarji Ewropej. Franza hi mitqiesa bħala l-aktar pajjiz li rnexxielu jizgiċċa minn dawn ir-regoli. Did-darba, il-Franċiżi għandhom raġuni ħafna aqwa minn qatt qabel għaliex għandhom jitħallew jagħmlu hekk.

Facebook Comments

Post a comment