Din kienet ġimgħa li d-deputati Ewropej, jew il-maġġoranza tagħhom, qattgħu bogħod minn Brussell (jew Strasburgu). Kienet zmien maħsub biex l-istess deputati jzuru l-kostitwenzi li tellgħuhom u jzommu f’kuntatt magħhom. Jien qed nipprova nagħmel dan ukoll billi kemm jista’ jkun kull ġimgħa, nerġa’ niġi Malta. Talanqas ikollok il-Ġimgħa, parti mis-Sibt u parti mill-Ħadd li matulhom tkun tista’ zzomm ruħek aġġornat direttament dwar x’inhu għaddej f’pajjizek.
Allura wkoll din il-ġimgħa serviet biex jiġu jzuru Malta l-assistenti li qed jgħinuni fix-xogħol parlamentari tiegħi fi Brussell. Anki huma jridu jkunu jafu kif naħdmu f’pajjizna, xinhuma l-problemi li l-aktar jaffettwaw lill-Maltin u l-Għawdxin. Matul iz-zjara li għamlu, kellhom laqgħat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fil-One TV u radjo, f’ministeri tal-gvern, f’ċentri Laburisti f’Malta u f’Għawdex. B’hekk nittama li issa jafu aħjar xinhu l-interess tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’Malta u fl-Ewropa tal-lum.

***

KLIMA

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru li jġib flimkien lill-Prim Ministri u kapi tal-istat tal-pajjizi membri fl-Unjoni Ewropea poġġa fuq quddiem nett tal-ħidma tiegħu ftehim dwar miri li l-Unjoni trid tilħaq sas-sena 2030 fl-oqsma tal-enerġija u tal-ħarsien tal-klima. Kien hemm differenzi kbar bejn il-pajjizi membri – bejn dawk li riedu li jissettjaw miri qawwija għal kif l-Unjoni għandha tnaqqas fil-ħolqien ta’ gassijiet li jzidu l-effett ta’ serra fl-atmosfera tad-dinja; u l-pajjizi li riedu jkunu aktar kawti. Fost tal-aħħar kien hemm bil-qawwi l-Polonja, li tiddependi ħafna mill-faħam biex tiġġenera l-enerġija tagħha mentri dan hu rizors li jikkontribwixxi bil-kbir għaz-zieda fi sħana tal-klima.
Il-kompromess li nstab kien għal tnaqqis ta’ 40 fil-mija sas-sena 2030, fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li joħolqu gassijiet li jzidu l-effett ta’ serra, fuq dak l-użu li kien qed isir ta’ dawn is-sorsi sas-sena 1990. Il-kompromess milħuq tkebbeb f’ħafna kondizzjonijiet tekniċi maħsuba biex jizguraw li l-ebda pajjiz membru ma jispiċċa f’qagħda diffiċli hu u jwettaq il-mizuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri. Fost dawn il-kondizzjonijiet, kien hemm qbil fil-prinċipju biex jsir investiment fi proġetti li jkabbru l-uzu ta’ enerġija li tiġi ġenerata minn sorsi li ma jkomplux irendu l-klima aktar sħuna.
Għad irridu naraw kemm u kif il-ftehim li ntlaħaq mill-Kunsill Ewropew se jitwettaq fis-snin li ġejjin. Sa issa, mhux il-pajjizi kollha sabu li jistgħu jonoraw il-ftehimiet simili li diġà saru fl-imgħoddi; Malta kienet fost dawk li kellhom problemi kbar b’hekk.

***

VJAĠĠ LURA

Uħud, wara li qraw bħal-lum ġimgħa dwar il-problemi li nqalgħu meta sħabi d-deputati Maltin fil-Parlament Ewropew u jien konna telgħin lejn Strasburgu ġimagħtejn ilu, ġiethom il-kurzità jistaqsuni x’seta’ nqala’ agħar minn hekk fil-vjaġġ lura. Lejn Strasburgu, l-ajruplan li kellu jeħodna Ruma biex minn hemm inkomplu lejn Strasburgu, l-ewwel iddewwem li ma ngħidlekx, u kellna nibdlu t-titjiriet lil hinn minn Ruma. Imbagħad it-titjira ġiet kanċellata, għax intqal li l-bdoti kienu ilhom sigħat aktar milli suppost fuq xogħolhom. U għalhekk mill-ġdid bdilna r-rotta, tlaqna bla nifs fuq titjira Air Malta lejn Brussell fejn qattajna lejl u l-għada mill-ġdid lejn Strasburgu.
X’seta’ ġara agħar minn hekk fit-triq lura? Dan:
Konna bbukkjati (id-deputata Nazzjonalista Therese Commodini Cachia u jien) fuq titjira ta’ waranofsinhar, konfermata u mħallsa, tal-Air France minn Strasburgu sa Pariġi (Orly) u minn hemm lejn Malta fl-istess serata. Fiċ-“check-in” tal-ajruport ta’ Strasburgu informawna li l-Air France kienet ċekknet l-ajruplan lejn Pariġi u għoxrin passiġġier, fosthom aħna, tilfu posthom.
It-taħwid u l-għadab kienu enormi. Taħt pressjoni kbira, l-istaff tal-Air France fl-ajruport kellhom jaraw kif jirranġaw vjaġġ ieħor għall-għoxrin passiġġier li ġew ittraduti b’dal-mod. Fil-kaz tagħna l-Maltin irranġaw biex intiru lejn Lyons, minn hemm lejn Brussell u minn hemm bl-Air Malta lejn il-Gudja. Fuq din l-aħħar titjira lħaqna l-aħħar zewġ biljetti, fid-denb nett tal-ajruplan.
Tal-mistħija kif l-Air France u l-Alitalia saru jitmejlu bil-passiġġieri tagħhom. Mhux ta’ b’xejn li qed jitilfu l-appoġġ tal-konsumaturi.

***

IL-KONT LI JRID JITĦALLAS

Bidliet fl-istatistika li tinġabar mill-Unjoni Ewropea dwar l-ekonomiji tal-membri tagħha, wasslu biex ikunu mibdula l-istimi ta’ kemm kull membru irid iħallas fondi lill-Unjoni bħala miżata għas-sħubija tiegħu. Il-miżata tiġi kkalkolata skont kemm l-ekonomija tkun kibret, b’rabta wkoll mat-tkabbir li jkun seħħ f’pajjiżi oħra.
Dan wassal biex il-Ġermanja fost oħrajn sabet li diġà ħallset iżżejjed skont il-kalkoli l-antiki, u bil-kalkoli ġodda, se tingħata ħlas lura. L-inkwiet inqala’ għax fost il-membri kien hemm min se jkollu jħallas aktar sew milli diġà ta. L-agħar li mar kien ir-Renju Unit, li qalulu li se jkollu jagħti aktar minn zewġ biljun ewro iżjed. Il-Prim Ministru Ingliż Cameron qanqal frattarija dwar hekk. Qal li ma kinux wissewh x’se jiġri. Mexxejja ta’ pajjiżi oħrajn qalu li l-biċċa kienu rawha ġejja…
Malta wkoll qalgħetha. Se jkollha tħallas tlettax-il miljun ewro aktar. Skont l-istimi tal-baġit għal dis-sena, kellna nħallsu 87 miljun ewro bħala l-mizata għall-2014. Jekk din l-istima kienet korretta, biż-żieda li dabbarna, dis-sena Malta se tkun ħallset mitt miljun ewro lill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

***
IMPRESSJONIJIET FOLOZ

Għal dawk li emmnu matul is-snin il-ħrafa li Malta se tirċievi fondi bl-amment mill-Unjoni Ewropea, l-aħbar li qed inħallsu daqstant miljuni bħala l-mizata tagħna se tkun xokk. Dejjem kont kontra li s-sehem tagħna fl-Ewropa, ikun xi jkun, jinbena fuq impressjonijiet foloz. Trid dejjem tgħid il-verità, kif inhi.
L-istess dwar il-VAT. Niftakar kemm kien jingħad li din hi taxxa mill-aktar effiċjenti biex taqbad lil min irid jevita li jħallasha. Kull meta, ilu ħafna, argumentajt li fil-fatt, il-kuntrarju kien minnu, uħud kienu jizzuffjettaw. Il-konkluzjonijiet li qed jagħmlu studji tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħlas tal-VAT (tista’ taqra dwarhom aktar ’l isfel f’dan l-artiklu) juru min kellu raġun.
Il-punt mhuwiex li tgħid qed tara min kellu raġun! Il-punt hu li ma nistgħux nibqgħu nibnu l-appoġġ għall-għazliet politiċi u ekonomiċi quddiemna fuq impressjonijiet foloz.

***

BENELUX

Żvilupp interessanti dan l-aħħar kien li l-pajjiżi tal-Benelux – il-Belġju, l-Olanda u l-Lussemburgu – qatgħuha li jerġgħu jibdew isostnu l-kollaborazzjoni ta’ bejniethom. Il-Benelux kien ftehim li nbeda bħala għaqda doganali bejn it-tliet pajjizi fis-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor, inxtered għal oqsma oħra fejn it-tliet ġirien kienu jaħdmu flimkien, imma mbagħad bl-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, l-għaqda ta’ bejniethom pjuttost inħallet fil-ħidma tal-Unjoni l-kbira.
Illum il-membri tal-Benelux donnhom qed iħossu li reġa’ jaqblilhom jikkordinaw il-ħidma tagħhom biex anki fi ħdan l-Unjoni Ewropea, kemm jista’ jkun jitkellmu b’leħen wieħed. B’hekk jakkwistaw saħħa akbar fost it-38 membri tal-Unjoni.

***

IL-ĦOFRA FIL-VAT

Fl-imgħoddi meta kienet se tidħol f’Malta it-taxxa tal-VAT, l-argument kien ikun li din hi taxxa effiċjenti għax bil-mod kif inhi mibnija, ma tippermettix lil min jiskansaha. Ir-realtà hi għal kollox differenti… kif qed jerġa’ jidher sew minn studji li fl-aħħar sentejn il-Kummissjoni Ewropea bdiet tagħmel dwar kemm mill-VAT li suppost qed titħallas fil-pajjiżi membri, verament jinsabu deħlin fondi.
L-aħħar sena li dwarhom saru l-kalkoli hi l-2012. Hawn instab li mal-Unjoni kollha, intilfu 16 fil-mija tad-dħul li suppost kien ġej mill-VAT, jew totall ta’ ewro 177 biljun. Ir-rata li biha ntilfu l-fondi jvarja minn pajjiż għal ieħor. L-aktar li rnexxielhom idaħħlu fondi qrib ta’ kemm suppost irċevew kienu l-Finlandja u l-Olanda li tilfu biss 5 fil-mija tad-dħul mill-VAT li messhom ġabru.
Il-pajjiż li l-aktar qed jitlef mid-dħul li suppost jagħmel mill-VAT hu r-Rumanija. Din qed tispiċċa minn taħt b’44 fil-mija tal-fondi li messha ddaħħal mill-VAT. Sadattant, il-Greċja u l-Italja t-tnejn tilfu mat-33 fil-mija tad-dħul li kellu jkollhom mill-VAT fis-sena 2012
Ir-riżultat għal Malta wkoll xejn mhu sabiħ. Fl-istudju tal-Kummissjoni Ewropea hu stmat li Malta tilfet fis-sena 2012, 31 fil-mija jew kważi t-terz tal-fondi li messha daħħlet mill-VAT. Ammont li jlaħħaq mal-240 miljun ewro għas-sena 2012 biss.

2 ta’ Novembru 2014

Facebook Comments

Post a comment