Dwar id-daħla tal-Belt, lest bil-qalb nidher dinosawru. Ma togħġobni xejn. Anqas u anqas nimpressjona ruħi meta nisma’ l-mod assurd kif jipproġettawha l-periti tal-uffiċċju ta’ Piano u forsi l-maestro nnifsu, responsabbli biex jiddisinnjawha.
Għalija rnexxielhom ikissru l-karattru ta’ belt kapitali li kienet tissintetizza fil-firxa tagħha l-binjiet arkitetturali ta’ zmienha fl-Ewropa. Dazgur li bil-kuntratti li ħadu għal xogħolhom għandhom kull interess ifaħħru li wettqu m’għola s-smewwiet.
Ħalqu l-bruda ta’ modernità nkaxxata fejn messhom ħeġġew iċ-ċaqliq ta’ ħajja biezla u ferrieħa, Mediterranea.
Anqas u anqas nimpressjona ruħi bil-krib dwar fejn se jitpoġġa l-Monti. Ninsab konvint li kieku l-periti ta’ Piano ngħataw kuntratt għat-tfassil tal-postijiet tal-bejgħ, kienu jkunu qiegħdin illum lilhom ukoll ifaħħruhom m’għola s-smewwiet.

***

PODEMOS

Ir-rebħa tas-Siriza fil-Greċja waddab is-serċlajt politiku fuq moviment ieħor li qed jagħmel avvanzi spettakolari. Il-Podemos fi Spanja ilu ftit aktar minn sena li twaqqaf minn nies pjuttost zgħazagħ. Ħafna minnhom ma kinux imdaħħla fil-ħidma politika qabel. Bdew jaħdmu flimkien bħala parti mill-moviment ta’ ċittadini Spanjoli li kienu jiddimostraw fit-toroq u l-pjazez, “l-inkorlati”.
Issa Podemos qed iħabbatha mal-partiti tal-popolari u tas-soċjalisti fit-tellieqa għall-voti tal-elezzjoni ġenerali Spanjola li jmiss.
Il-mexxejja ta’ Podemos marru għall-mitings li organizzaw Siriza fil-kampanja elettorali Griega u raw fir-rebħa tas-Siriza inkoraġġiment ġdid għall-moviment tagħhom. Qed jorganizzaw fi Spanja dimostrazzjonijiet ta’ appoġġ għall-gvern ta’ Tsipras.
Infirxet mal-Ewropa kwazi kollha linja ta’ ħidma politika, mix-xellug u mil-lemin, li qed twarrab lill-partiti l-kbar “tradizzjonali” għax mhijiex tara fihom ħajt ta’ wens.

***

POLAR
Il-ġeneru tal-istorja tad-didektivs magħquda man-nisġa tat-thriller – “polar” isejħulhom kotba hekk – saret waħda mill-aqwa friegħi tal-letteratura moderna. Telqet mill-Iskandinavja, inkluza l-Islanda u waslet tista’ tgħid kullimkien. Uħud mill-pajjizi, bħal fl-Italja, issa jagħrfu li hemm kittieba f’dan il-ġeneru li lil hinn minn Andrea Camilleri, jitqiesu bħala reġjonali fl-ambjentament u fl-għazla tal-karattri tagħhom.
L-istess ħaġa ġrat u qed tiġri minn Spanja sal-Ġermanja. Wieħed jistaqsi għaliex seħħ dan l-izvilupp f’ġeneru ta’ kitba li ħa s-sura fi zmien Edgar Allan Poe u Gaboriau, wara li l-idea ta’ kif tiddeduċi x’ikun ġara fil-passat mit-traċċi li jħallu warajhom il-bnedmin spuntat fir-rumanzi ta’ Fenimore Cooper. Hemm insibu passaġġi fejn l-Indjani kienu juru min għadda minn naħa jew oħra tal-foresta skont it-traċċi li jkun ħalla warajh.
Jista’ jkun li fid-dinja “moderna” tagħna, irridu dejjem inkunu zguri li t-tiftix għall-verità, tkun xi tkun dil-verità anki jekk “biss” psikoloġika, tista’ tasal lejn rizoluzzjoni.
Il-ġeneru tal-“polar” wasal ukoll Malta, b’rumanzi bħal tal-ispettur Gallo.

Alfred Sant
02 ta’ Frar 2015