Xi kultant nistħajjel li s-soċjetà Maltija baqgħet tinqasam f’zewġ sezzjonijiet li għandhom perspettivi dwar il-ħajja kompletament differenti minn ta’ xulxin. Ingħidu aħna, fir-rigward tal-passatempi u tad-delizzji li nipprattikaw, sezzjoni tal-poplu tgħozzhom b’fidi għamja fis-siwi tagħhom.
Sezzjoni oħra tara l-istess modi ta’ kif tqatta’ l-ħin ħieles bħala antikwati, strambi u f’ċerti kazi anti-soċjali.
Ninnota li l-qasma ma tippernjax l-aktar fuq differenzi bejn ġenerazzjonijiet daqskemm fuq klassijiet soċjali.
Fost dawk li jipprattikaw il-kaċċa u l-insib, iħobbu l-logħba tal-boċċi, jgħoġobhom l-għana, jiddelettaw bil-festi tal-irħula ssib l-aktar (għalkemm mhux biss) ħaddiema tal-fabriki, tal-bini, tal-lukandi, b’mod ġenerali tal-“id”.
Min hu “kontra” issibu mill-klassi tan-nofs – mill-ħaddiema tal-“pinna” mill-professjonjiet jew min-negozju.
Jista’ jkun li qed nintelaq għall-istereotipi meta nikteb dan.
Ingħidu xi ngħidu, is-soċjetà tagħna hi waħda klassista. Se tkun ħaġa interessanti tifli kif in-nies se tivvota fir-referendum li riesaq dwar il-kaċċa u l-insib.

***

BLA SIMPATIJA

Ftit li xejn għandi simpatija mal-argument tal-Partit Nazzjonalista li l-mod kif tqassmu s-siġġijiet parlamentari bejn il-partiti wara l-aħħar elezzjoni poġġihom f’qagħda inġusta. Skont huma, jekk fhimt tajjeb, minħabba fl-izball waqt l-għadd tal-voti, il-proporzjon ta’ deputati li għandhom hu (ftit) anqas mill-proporzjon tal-voti li ġabu.
Sa fejn naf jien, ħadd ma jemmen li l-izbalji matul l-għadd tal-voti saru għal tal-apposta.
Issa fi snin imgħoddija l-Partit Nazzjonalista bbenefika għal darba wara l-oħra mill-fatt li kellu numru ta’ siġġijiet proporzjonalment ogħla sew mill-proporzjon ta’ voti li ġab fil-pajjiz.
Kelliema ewlenin tal-PN ma kienu jaraw xejn ħazin f’hekk – ħaġa li kienet tiġri għax il-konfini elettorali tfasslu b’mod li taw vantaġġ lill-PN. Biex jaħarbu milli jirrispondu għal din l-inġustizzja, il-mexxejja tal-PN kienu jistaħbew wara l-argument li l-elezzjoni tal-1981 kienet tathom minoranza ta’ siġġijiet meta ġabu l-maġġoranza tal-voti…

***

KARMENU

Ħadt gost ħafna niltaqa’ ma’ Karmenu Vella fi Brussell. Kien ili ma narah. Spjega lil David Casa u lili kif qed jizviluppa x-xogħol ġdid tiegħu bħala Kummissarju Ewropew. Għandu portafoll mifrux u ta’ sfida dwar oqsma – is-sajd u l-ambjent – li huma diffiċli. Iqajmu kontroversji u kontestazzjoni.
Karmenu ma jidhirx mifxul b’dan. Tkellem b’mod ċar u ffokat dwar il-ħidma tiegħu. Dwar is-sajd Ewropew, minn dak li qal f’temp ta’ ftit minuti tgħallimt ħafna. Dwar l-ambjent, apprezzajt kif qed jgħarbel b’realizmu u attenzjoni l-kwistjonijiet il-kbar li se jkun qed jaffaċċja.
Qed ikollu jivvjaġġa ħafna. Imma dik parti mill-ħajja ta’ min jidħol għall-kariga ta’ Kummissarju.
Ma tistax ma tixtiqlux ħidma mill-aqwa, kif kapaċi jagħti.

Alfred Sant
26 ta’ Frar 2015