Qed jiżdied l-għarfien fl-Ewropa li jeħtieġ politika aktar qawwija biex jiġi żviluppat aktar u aħjar il-qasam diġitali – dak jiġifieri tal-kompjuters u tat-telekomunikazzjonijiet fost setturi oħrajn li jħaddmu dejjem aktar mezzi elettroniċi.

Ftit ilu, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dokument twil sew fejn tat ħarsa lejn kif qed jopera bħalissa dan il-qasam u x’baqagħlu jagħmel biex itellaq mal-kompetituri ta’ barra l-Ewropa. Il-fatt hu li l-qasam diġitali waqa’ lura. L-ażjendi fih qed isibu li l-kompetituri ewlenin tagħhom barra l-Ewropa rnexxielhom diġà jirbħu vantaġġ fuqhom.

Biex tagħqad, ħafna mill-impriżi ż-żgħar tal-Ewropa jew ftit jafu kif jużaw il-qasam diġitali, jew għadhom ċassi quddiem l-idea li jistgħu jużawh.

Fil-proposti tagħha, il-Kummissjoni ħaditha bħala ħaġa ovvja li jekk ikun hemm suq wieħed “diġitali” mal-Ewropa kollha, l-impriżi ż-żgħar u oħrajn se jkunu jistgħu jimirħu mal-kontnent biex ibigħu il-produzzjoni tagħhom.

Mhux argument li jimpressjonani wisq. L-istess ħaġa kienet tintqal meta l-pajjiżi membri tal-Unjon Ewropea neħħew kull protezzjoni bejniethom (ta’ tariffi u barrieri simili fil-kummerċ).

Xorta waħda, sal-lum, maġġoranza kbira ħafna ta’ impriżi żgħar fl-Ewropa baqgħu joperaw biss fis-suq nazzjonali tagħhom.

***

Ġudikatura

Il-frattarija li ppruvaw jagħmlu xi wħud dwar l-aħħar ħatriet li għamel il-gvern fil-ġudikatura hi ipokrita daqs għajtiet simili li smajna fl-aħħar sentejn mill-istess nies jew il-kuġini tagħhom.

Konna ilna snin twal għaddejja b’ħatriet fil-ġudikatura li setgħu jiġu attakkati bl-istess mod jew kważi; fil-qasam tal-liġi, sa ftit taż-żmien ilu ma kienx hemm għalfejn tipponta lejn min xi darba jew oħra kien ”attivist” biex tinduna li tkun imdawwar minn sostenituri akkaniti tal-PN.

U fost il-ġudikatura ġew appuntati nies li kienu għamlu żmien fuq quddiem tal-PN, bħall-ħabib tiegħi ”Peppinu” Cassar, eks-segretarju parlamentari Nazzjonalista. Ħadd ma tkellem kontra l-ħatra tiegħu u qeda dmirijietu b’mod eżemplari.

Ninsab konvint li l-maġistrati u mħallfin ġodda se jagħmlu bħalu.

***

HSBC

Ilu ħafna, kont mexxejt kampanja kontra l-mod kif l-HSBC tħalla jixtri l-Mid-Med Bank. Ftit wara, ċerti nies li kienu ħaduha kontrija fuq hekk, ġew jgħiduli baxx baxx li ”kellek raġun”. Issa t-tilwima bejn il-bank u l-impjegati tiegħu twalet wisq. Diffiċli tifhem għaliex.

Smajt li għaddej tfesfis fil-widnejn li l-HSBC qed jara kif jitlaq mill-gżira. Mhux l-ewwel darba li smajna dat-tfesfis. Jiġri x’jiġri, tidher ċara x’inhi t-tattika tal-bank: jekk jiddeċiedi li jitlaq, irid ikollu xi skuża. Biss l-iskuża ma tistax tkun tali li tnaqqas il-prezz taċ-ċedoli (shares) fil-bank; l-HSBC hu magħruf għal kif jara biex dejjem ibigħ bl-aqwa prezz u jixtri bl-irħas.