Dan hu zmien ieħor fejn il-ħidma Ewropea qed tnaqqas fir-ritmu hekk kif numru ta’ pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea jerġgħu jsibu ruħhom impenjati aktar fi ġrajjiet politiċi interni. Għal min interessat jara li l-politika Ewropea tissoda u tiġi zviluppata, l-appuntamenti elettorali fil-pajjizi membri jinħassu bħala distrazzjoni. Imma ħafna drabi huma dawn l-appuntamenti li jispiċċaw jiddeterminaw kif l-istess pajjizi se jiddeċiedu dwar materji Ewropej. Bħalissa mill-ġdid, il-kalendarju elettorali Ewropew reġa’ mtela’.

IR-RENJU UNIT

L-aktar li nsegwu aħna l-Maltin hu dak li jkun qed jiġri fir-Renju Unit fejn kampanja elettorali oħra tinsab riesqa lejn tmiemha. Osservaturi qed iħabbru bidla sħiħa fil-kultura politika Ingliża għax qed jintqal li għat-tieni darba, se jkollu jkun hemm koalizzjoni, jirbaħ min jirbaħ. Mil-lat Ewropew, l-akbar mistoqsija hi x’jiġri jekk biex imexxu l-koalizzjoni, ikun hemm il-konservattivi fuq quddiem. Dawn għandhom proposta biex isejħu referendum dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ fl-Unjoni Ewropea jew le.
Jekk il-koalizzjoni tkun immexxija mill-Partit Laburista din il-mistoqsija ma tqumx — aktar u aktar jekk il-Laburisti jmexxu bi sħab man-Nazzjonalisti Skoċċiżi. Għax stramberija fil-biċċa hi li għalkemm in-Nazzjonalisti Skoċċiżi jridu l-indipendenza ta’ pajjiżhom, iridu wkoll jibqgħu fl-Unjoni Ewropea.

ITALJA

Fl-Italja, barra mill-kriżi tal-immigrazzjoni rregolari, l-gvern Taljan kellu jaffaċċja rewixta fost id-deputati li jsostnuh. Qamet dwar il-bidliet li jrid idaħħal fil-liġi elettorali — dan biex jiżgura li meta partit jirbaħ anki maġġoranza relattiva, jkun jista’ jmexxi b’maġġoranza assoluta mill-Parlament. Id-diżgwid li qam wassal lill-Prim Ministru Renzi biex jorbot il-liġijiet elettorali li jrid idaħħal ma’ vot ta’ fiduċja.
Kemm jekk jgħaddi, kemm jekk jintilef, vot bħal dan iqanqal tensjoni u diżgwid li jżid fl-impressjoni ta’ instabbiltà. L-Italja trid toqgħod b’seba’ għajnejn li minħabba f’hekk l-ekonomija ma tibqax lura u batuta, kif ġralha fl-aħħar sentejn, tlieta.

SPANJA

Fi Spanja iż-żewġ partiti l-kbar tal-popolari u tas-soċjalisti raw żewġ partiti ġodda – Podemos u Ciudadanos – jinbtu mix-xejn u jixorbulhom bejn terz għal nofs tal-votanti tagħhom. Resqin xhur ta’ elezzjonijiet lokali u reġjonali li se jwasslu għaż-żamma ta’ elezzjoni ġenerali. L-ekonomija reġgħet qed tirpilja għalkemm il-qgħad għadu għoli ħafna.
L-agħar għall-gvern tal-Prim Ministru tal-popolari Mariano Rajoy hu li baqa’ ħiereġ fil-publiku tagħrif dwar sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni li ma hemmx li jbattu. Involuti hemm nies li kienu, uħud ġieli għadhom, f’karigi għolja ta’ tmexxija tal-partit tiegħu u tal-istat. Dan qed ikompli jżid id-diżillużjoni dwar il-politikanti fost l-elettorat, problema li kkontribwiet għall-iżvinar fl-appoġġ li qed iġarrbu l-partiti tradizzjonali l-kbar.

FRANZA

Fi Franza din is-sena wkoll hi mmarkata b’sensiela ta’ elezzjonijiet lokali u reġjonali li qed jaraw lill-partit soċjalista tal-President Hollande jaqla’ ċamata wara l-oħra. Il-qagħda ekonomika u soċjali tal-pajjiż donnha li b’xejn ma tista’ titjieb. Ir-riformi li qed jipprova jdaħħal il-gvern biex jimmodernizza l-ekonomija qed isibu rezistenza qawwija, mhux l-anqas għax inaqqsu vantaġġi soċjali li ħafna ċittadini u ħaddiema kienu jqisu tagħhom bi dritt.
Il-President Hollande spiċċa l-aktar president impopolari minn meta twaqqfet il-ħames repubblika Franċiża. Ħafna qed ibassru li meta tasal l-elezzjoni presidenzjali, Hollande mhux se jfittex it-tieni mandat. Nissuspetta li qed jgħaġġlu fil-konklużjoni tagħhom. Biex jerġa’ jsir President, Hollande jeħtieġlu jqatta’ l-blat. Ftit jista’ jkollu distrazzjoni akbar minn din l-isfida.

IL-ĠERMANJA

Il-problema tista’ tidher li hi għal kollox differenti fil-Ġermanja. Hemmhekk ħadd ma jiddubita li l-kanċellier Merkel għadha b’saħħitha, popolari u lesta biex tirbaħ l-elezzjoni li jmiss għall-kanċellier. Tant hu hekk li l-partit soċjalista li jinsab f’koalizzjoni magħha qed ikollu diffikoltà biex isib mexxejja li lesti joħorġu kontra tagħha. Ħadd ma jara li għandu ċans tajjeb biżżejjed kontra tagħha.
Forsi wieħed jista’ jgħid li l-Ġermanja l-aktar pajjiż li ma qed ikollha l-ebda distrazzjoni li tfixkilha milli tiffoka sew fuq l-iżviluppi fl-Unjoni Ewropea. Dwatr l-aqwa suġġetti Ewropej fil-fatt, il-Ġermanja għadha qed tmexxi minn quddiem.
Politikament dan qed joħloq problema kbira għas-soċjalisti. Biex jidħlu f’koalizzjoni ma’ Merkel, insistew li hi ddaħħal miżuri soċjali. Fl-aħħar, qablet li tagħmel hekk. Il-miżuri kienu popolari ħafna. Merkel ħadet il-krettu għalihom.

AKTAR ELEZZJONIJIET

Sadattant, hemm elezzjonijiet li għadhom kemm saru… bħal fil-Finlandja, mirbuħ, jekk dik hi l-kelma, minn partit konservattiv… li se jkollu jsib partiti oħra ma’ min jiftiehem biex iwaqqaf gvern. In-negozjati jinsabu għaddejja.
U hemm elezzjonijiet oħra li riesqa, bħal fil-Portugall għall-bidu tal-ħarifa, fejn is-soċjal demokratiċi fl-Oppożizzjoni mistennija li jiġu minn quddiem. Xorta se jkollhom jekk jiġri hekk, isibu ma’ min jirranġaw koalizzjoni.
Id-distrazzjonijiet politiċi mill-ħidma tal-Unjoni Ewropea ma jiġux biss minn elezzjonijiet riesqa. Jiġu wkoll mil-logħba ta’ kif jitwettqu l-koalizzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali wara li l-elezzjonijiet ikunu saru.