In-negozjati li jinsabu għaddejja bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea għall-ħolqien ta’ zona komuni ta’ kummerċ u investimenti bejn iz-zewġ naħat, imsejħa TTIP, saru suġġett ta’ kontroversja politika kbira tul l-aħħar xhur. Kemm fl-Ewropa, kemm fl-Istati Uniti.
In-negozjati jfittxu li bejn iż-żewġ kontinenti jkun hemm l-istess regoli ta’ tmexxija li jirregolaw il-kummerċ u l-investiment fl-aqwa oqsma tal-ekonomija. Suppost jitneħħa ħafna mix-xkiel li għadu jeżisti fin-negozji li jsiru bejn azjendi taż-żewġ naħat. Dax-xkiel ma jikkonsistix bħal fl-imgħoddi, minn tariffi ta’ dwana jew sisa protettiva. Huma prattikament inġabu fix-xejn b’negozjati li saru bejn ħafna mill-pajjiżi tad-dinja kollha (qbil bejniethom li għen biex tinfirex il-globalizzazzjoni mal-ekonomiji tal-kontinenti differenti).

X’HEMM FIN-NOFS

L-akbar xkilijiet ekonomiċi bejn Amerikani u Ewropej ġejja minn regolamenti differenti dwar servizzi u prodotti (fil-mod kif issir ir-riċerka dwarhom; fil-mod kif jinħadmu; fil-mod kif jinbiegħu; fil-mod kif jintlaqtu minn regolamenti dwar saħħa publika, ambjent u insomma patafjun ta’ miżuri simili). Jekk dawn ir-regolamenti jinġabu l-istess għat-tnejn waqt li jitneħħew ċerti projbizzjonijiet li ż-żewġ naħat baqgħu jżommu fuq ċerti aspetti tal-kummerċ u l-investiment, is-suq ewro-amerikan isir l-akbar wieħed fid-dinja.
Il-propagandisti tal-ftehim jsostnu li l-benefiċċji li jirriżultaw minn dil-ħaġa jkunu enormi. Jissarrfu f’benefiċċji kbar għall-konsumaturi u għan-negozji ż-żgħar. Tal-ewwel tiżdidilhom l-għażla bi prezzijiet kompetittivi. Tat-tieni jaraw li l-prospetti tagħhom għal swieq akbar u ġodda se jitjibulhom.
Tkun ħaġa għaqlija li wieħed jibqa’ b’saqajh mal-art quddiem stqarrijiet bħal dawn. Kull meta jitilqu negozjati li se jwasslu lejn xi ħaġa mixtieqa minn ċerti elites Ewropej (jew Amerikani) ma jonqsux l-istudji li jagħtu stimi impressjonanti ta’ x’se jkunu l-effetti. Wara, anki meta r-riżultati joħorġu differenti sew, l-istess studji malajr jintesew.
Fit-teorija, li jitneħħa kull xkiel għall-kummerċ tinstema’ bħala xi ħaġa sabiħa. Fil-prattika jista’ jkun hemm oġġezzjonijiet u diffikultajiet li jpoġġu theddida għall-impjiegi jew l-istil ta’ ħajja ta’ miljuni ta’ persuni. Matul in-negozjati li ilhom mas-sentejn għaddejja kienu dawn il-punti prattiċi li kellhom jiġu maħlula.
Għalija hi ħaġa ċara li l-akbar gwadann minn ftehim bħal dan se jkun tal-kumpaniji multinazzjonali (KMN) il-kbar. Għal xi zmien, l-argumenti kontra l-ftehim kienu jikkonsistu propju f’dan: li se jiswa biss biex iħaxxen il-profitti tal-KMN. Imma jekk fl-istess waqt il-konsumaturi u l-familji tassew imorru għall-aħjar, l-argument jitlef parti mis-saħħa tiegħu. Għax hu minnu li meta l-produczzjoni u l-bejgħ ikunu jistgħu jsiru fuq skala akbar, l-ispiza biex tipproduċi u tbigħ tonqos. B’hekk, il-konsumatur jista’ jiggwadanja għax iħallas anqas.
Biex jitrażżan l-argument li bit-TTIP, se jkunu l-KMN li jmorru l-aħjar, beda jintqal li l-kumpaniji z-zgħar u ta’ daqs mezzan kienu se jispiċċaw l-aqwa benefiċjarji minn ftehim. Tnediet kampanja ta’ persważjoni f’das-sens li għadha għaddejja, għalkemm niddubita kemm waslet ’il bogħod.

X’JINTERESSA LILL-AMERIKANI

Fil-kalkoli li jsiru, tqum il-mistoqsija: X’qed ifittxu z-zewġ naħat?
Min-naħa Amerikana, hemm interess kbir fl-oqsma tal-farmaċewtika (mediċini maħruġa mill-kumpaniji l-kbar wara li jizviluppawhom b’riċerka fil-laboratorji tagħhom), tal-elettronika, tal-ikel u tal-enerġija – kemm bħala kummerċ, kemm bħala investiment. Iridu li dawn l-oqsma jitħaffu permezz ta’ regolamenti komuni.
Min-naħa tal-Ewropej il-biza’ hu li dan jiġi jfisser li fl-ikel per ezempju, jiġu addottati standards Amerikani li l-Ewropej iqisu bħala baxxi wisq. L-Amerikani jsostnu li hemm setturi fejn l-istandards Ewropej huma bil-wisq agħar minn tagħhom.
Fil-qasam tal-enerġija, il-biża’ Ewropew hu li peress li l-Amerika għandha aċċess għal enerġija tagħha, se tikseb vantaġġ fuq l-Ewropa li jkollha timporta l-enerġija minn barra l-fruntieri tagħha. Dan se jzid il-pressjoni fuq l-Ewropa ħalli tillaxka r-regolamenti tagħha ta’ ħarsien tal-ambjent. Bħalissa t-teknika li biha jiġi mfittex iz-zejt, imsejħa ”fracking”, hi projbita f’ħafna stati Ewropej għax tirrekjedi li artijiet vasti jinqalgħu mill-qiegħ. Biex ma taqax lura, jibzgħu li l-Ewropa se jkollha ddaħħal dal-proċess b’dannu ambjentali qawwi.
Bizgħat simili jissemmew dwar l-uzu ta’ qmuħ minn żrieragħ li jkunu mibdula ġenetikament. Dawn huma aċċettati bil-kbir fl-Istati Uniti imma fl-Ewropa għad hemm reżistenza kbira għalihom. Żona waħda ta’ kummerċ u investiment bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa se tippermetti li z-zrieragħ mibdula ġenetikament jiċċirkolaw bla problemi mal-irkejjen kollha tagħha?

X’JINTERESSA LILL-EWROPEJ

Min-naħa tagħhom, l-Ewropej għandhom oqsma li dwarhom jixtiequ li jtejbu l-qagħda tal-kumpaniji tagħhom fis-suq Amerikan, fosthom prodotti tal-biedja, il-qasam tax-xiri li jagħmel is-settur publiku fl-Amerika li hu riżervat bil-qawwi għal ditti Amerikani u l-oqsma finanzjarji. Bħall-Amerikani għandhom interess fil-qasam tal-prodotti tal-mediċini. F’das-settur, iż-żewġ naħat isostnu li għandhom interess komuni li jġibu r-regolamenti tagħhom f’dal-qasam fuq l-istess binarju. Jekk ħaġa bħal din isseħħ, il-mediċini ġodda bħal dawk kontra l-kanċer jew kontra l-mard tad-dimenzja, għandhom jaslu aktar malajr fuq is-suq. Minn hekk, mhux biss jibbenefikaw il-KMN tal-mediċini, imma anki ċ-ċittadini.
Madankollu, l-Ewropej, speċjalment il-Franċiżi, jinsabu attenti wkoll biex ma jiftħux beraħ is-suq kulturali tagħhom, bħal fil-qasam tal-films. Jibżgħu bir-raġun li l-industriji tagħhom f’dal-qasam, jinbelgħu mill-magna ta’ Hollywood. In-naħa Amerikana xejn ma ħadet gost bl-insistenza tal-Ewropej biex fid-diskussjonijiet idaħħlu dak li sejħu “l-eċċezzjoni kulturali”. Il-Franċiżi jidhru determinati li ma jċedux pulzier fuq dal-punt.
Filfatt, miż-żewġ naħat qed iqumu lmenti dwar kif sejrin l-affartijiet. Għal darba tnejn, il-ministru Franċiż responsabbli min-negozjati gerger fl-aħħar xahar dwar kif l-Amerikani mhuma jagħmlu l-ebda offerta serja, waqt li l-Ewropej offrewlhom diġà pakkett interessanti. Unjins Amerikani u Ewropej qed iħarsu b’suspett kbir lejn il-ftehim propost, għax jibżgħu li se jkun ifisser it-telfa ta’ impjiegi.
L-Ewropej igergru wkoll mis-segretezza li qed tinżamm madwar in-negozjati. U argument kbir li qam fl-Ewropa hu dwar esiġenza Amerikana li meta tinqala’ tilwima bejn azjenda u gvern Ewropew, din titressaq quddiem arbitri privati biex tinħall.
Dan spiċċa parti ewlenija mill-kontroversji fl-Ewropa dwar it-TTIP. Jixraqlu artiklu għalih waħdu! Hi kontroversja li għadha tiżviluppa.
Mhux ħaġa tqila tifhem mela, kif in-negozjati dwar it-TTIP x’aktarx ma jintemmux malajr malajr, anki jekk qed isiru sforzi kbar biex id-diskussjonijiet jirrankaw. Għal xi żmien, il-mira kienet li jintemmu qabel il-President Obama jasal għall-aħħar tal-kariga tiegħu. Jekk dil-ħaġa sseħħ, ftit tkun bogħod minn miraklu.

Facebook Comments

Post a comment