It-tħejjijiet biex jiġi varat il-fond Juncker (Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jew EFSI fl-inizjali ”Ingliżi” tiegħu) jinsabu għaddejjin b’pass imgħaġġel. Il-Fond se jirkeb fuq allokazzjoni ta’ ftit biljuni ewro mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u tal-Bank għall-Investiment Ewropew u fuq ftit aktar biljuni ta’ garanziji biex itella’ somma ta’ xi 315 biljun ewro għal aktar investimenti fl-Ewropa.

Sa xahrejn oħra, il-proċess legali li bih qed jitwaqqaf suppost se jkun għadda mill-Parlament Ewropew u riesaq għal ftehim aħħari bejn il-Kunsill tal-Ministri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament. Matul is-sajf il-Fond mistenni jibda jopera u b’hekk inaqqas xi ftit in-nuqqas ta’ investimenti li ilu jinħass fl-Ewropa.

Jeżisti xettiċiżmu kbir dwar dan il-proġett mitqies bħala ta’ ”ftit wisq, tard wisq”.

Biss, hemm mewġa akbar ta’ fehmiet, anki fost id-dubjużi, li jsostnu li ”aħjar hekk, milli xejn”.

***

Kunsilli lokali

Ħadt sehem fil-laqgħa li ttellgħet mill-Partit Laburista f’Ħal Luqa bħala parti mill-attivitajiet tal-Partit għall-elezzjonijiet lokali li riesqa. L-attendenza kienet tajba ħafna, l-organizzazzjoni impekkabbli u l-Prim Ministru Joseph Muscat bħas-soltu eċċellenti fil-mod kif ifisser l-ispjegi u l-argumenti.

Qed jagħmel sew il-Partit Laburista li jieħu l-elezzjonijiet lokali bis-serjetà. Veru li ma jiddeterminawx it-tmexxija tal-pajjiż, imma fit-tmexxija lokali l-Partit Laburista dejjem kellu, kollox ma’ kollox, biex jiftaħar. Mhux l-anqas illum. Meta konna stinkajna biex il-partiti jibqgħu barra mill-elezzjonijiet lokali, il-Partit Nazzjonalista baqa’ dieħel bir-ras ħalli jużahom b’mod partiġjan, biex ifixkel lill-Partit Laburista.

Allura hemm bżonn li kull min jemmen fil-Laburiżmu Malti, ukoll jekk għal xi ħin iħossu xi ftit imwarrab, joħroġ jagħti l-appoġġ tiegħu jew tagħha lill-PL anki fl-elezzjonjijiet lokali li resqin.

***

Riflessjoni

L-eloġji meritati li saru b’tifkira ta’ mħallef distint wara l-mewt riċenti tiegħu fakkruni fid-darba waħda, ilu ħafna, li tkellimt miegħu f’xi tul. Konna żgħażagħ studenti, jien bilkemm tmintax, li ridna nwaqqfu magażin fejn studenti u oħrajn setgħu jippubblikaw kull xorta ta’ fehma ”ħielsa”. Ridna niksbu s-sussidju mogħti mill-Kunsill tal-Università għal inizjattivi studenteski u l-Imħallef, li kien membru tal-Kunsill, aċċetta ġentilment li jirċevina f’daru biex inkellmuh dwar dil-proposta. Konna f’nofs is-snin sittin tas-seklu l-ieħor.

Semagħna b’attenzjoni, għamel xi mistoqsijiet u fl-aħħar dar fuqi u staqsieni: jekk jgħaddulkom artiklu favur l-ateiżmu, tippubblikawh? Weġibt xi ħaġa fis-sens li kull artiklu jiġi mifli skont il-merti tiegħu.

Imbagħad qalilna kif hu ma kienx jista’ jaġixxi bħala mħallef kieku ma kellux fidi soda fl-eżistenza ta’ Alla. Tkellem b’mod sobriju, bla emfasi ta’ xejn. Għadni sal-lum nirrifletti dwar l-implikazzjonijiet kollha tal-istqarrija tiegħu.

Is-sussidju mill-Università konna ħadnieh.

Facebook Comments

Post a comment