L-aqwa aħbar Ewropea fl-aħħar ġimgħat ma kinitx qed tinħema fi Brussell imma f’Pariġi u f’Berlin. Jidher li r-rabtiet bejn iż-żewġ kapitali reġgħu lura għan-“normal” jew aktar. Jissemmew l-episodji tal-qtil tal-edituri ta’ Charlie Hebdo u l-kraxx tal-ajruplan tal-Germanwings bħala l-fatturi emottivi li daħħlu kimika ġdida, aktar simpatika bejn il-President Hollande u l-kanċellier Merkel. Forsi li hekk hu. It-tnejn saru japprezzaw lil xulxin aħjar.
Biss is-sinjali li kienet dieħla koperazzjoni ġdida bejn iż-żewġ gvernijiet ilhom iteptpu. Meta l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħti aktar żmien lil Franza biex tikkoreġi d-defiċit fil-baġit tagħha, l-kelliema uffiċjali Ġermaniżi baqgħu pjuttost kwieti, anki jekk il-politiċi tal-partiti li jappoġġjaw lil Merkel fetħu kritika qawwija. (Filfatt il-president tas-CSU, il-partit demokrsitjan tal-Bavarja rriżenja dil-ġimgħa bi protesta dwar il-politika Ewropea.)
Imbagħad ħarġet l-aħbar li ma tantx qanqlet kummenti li rappreżentanti taż-żewġ naħat kienu ltaqgħu biex jiddiskutu x’se jagħmlu dwar il-fond għall-investiment strateġiku li jrid ivara l-president tal-Kummissjonii Ewropea Jean Claude Juncker. Ftehmu li ż-żewġ pajjiżi jippreżentaw proġetti flimkien biex jiġu finanzjati minn dan il-Fond malli jitwaqqaf.
U fl-aħħar jiem, tlaqqgħu madwar l-istess mejda l-kabinetti ta’ Hollande u Merkel. Din l-okkażjoni ilha tinżamm regolarment tul snin twal, bħala parti minn trattat ta’ ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi. Imma ta’ spiss kienet qisha qed issir biex tkun saret. Mhux dis-sena. Matul il-laqgħa sar qbil dwar żviluppi ta’ investiment u riċerka komuni li jista’ jkollhom effett importanti fuq medda tat-tul. Fost proġetti li ġew maqbula hemm wieħed per eżempju għall-iżvilupp miż-żewġ pajjiżi waħidhom għal-bidu ta’ ajruplan żunżana (drone) Ewropew li jkun jista’ jintuża għal skopijiet militari.
M’hemmx dubju li l-Ġermanja u Franza reġgħu qed jaħdmu id f’id. Mhux bilfors li sħabhom l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea se jogħġobhom dan l-iżvilupp.

RIŻULTATI

Madankollu, bħal ma jiġri dejjem f’demokraziji, ftehimiet bejn gvernijiet jibqgħu sodi sakemm idumu f’posthom il-gvernijiet. Merkel sa issa tidher f’qagħda politika soda ħafna. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Hollande. Fl-elezzjoni tad-dipartimenti Franciżi li għadhom kemm saru il-Partit Soċjalista qala’ tkaxkira kbira. Id-dipartimenti Franċiżi huma entijiet lokali li għandhom poteri siewja fit-tmexxija ta’ bliet u rħula. Is-soċjalisti fl-aħħar sentejn tal-Presidenza ta’ Hollande tilfu l-appoġġ b’mod spettakolari fost il-poplu Franċiż, mhux l-anqas għax bil-qgħad dejjem tiela’, il-votanti tagħhom tilfu l-fiduċja fihom.
L-aktar li mar tajjeb b’dawn l-elezzjonijiet kien il-partit tal-lemin immexxi mil-ġdid mil-eks Presient ta’ Franza Nicholas Sarkozy. Il-Front Nazzjonali tal-lemin estrem immexxi minn Marine Le Pen ma rebaħ maġġoranza fl-ebda elezzjoni imma xorta waħda kkonferma kemm sar sod għax dabbar kważi kwart mill-voti li ntefgħu. Is-sitwazzjoni saret delikata u diffiċli ħafna għas-soċjalisti. Fi ftit xhur oħra għandhom isiru l-elezzjonijiet reġjonali fejn hu mistenni li jerġgħu jaqilgħu taptipa kbira.
Bħalissa mal-Ewropa għaddej staġun ieħor ta’ elezzjonijiet. Fi Spanja wkoll dan inbeda b’elezzjoni fl-Andalusia. Rebħu s-soċjalisti (li ilhom fuq quddiem f’dan l-istat, mitqies bħala fortizza tagħhom) imma marru ħażin ħafna l-popolari tal-Prim Ministru Rajoy. Dan kien qed jistrieħ fuq is-suċċess ekonomiku li beda jidher fl-aħħar xhur biex iżidlu fil-popolarità. Imma l-ġrieħi kkawżati mil-awsterità għadhom bogħod milli jfiequ. Biex tgħaxxaqha, baqgħu jitperrċu każi ġodda ta’ korruzzjoni fi ħdan il-partit tal-popolari.
Tidher stabbilita sew issa l-qasma tax-xenarju politiku Spanjol bejn erba’ partiti, fejn il-popolari mistennija jibqgħu jmorru ħażin fl-elezzjonijiet lokali li jmiss qabel tasal l-elezzjoni ġenerali. Hawn ukoll is-soċjalisti mhux bilfors imorru tajjeb daqs kemm marru fl-Andalusia. U allura qed tikber il-probabbiltà li dalwaqt Spanja wkoll tispiċċa mmexxija minn koalizzjoni.
Wieħed ma jridx jinsa jsemmi l-elezzjonijiet ġenerali fir-Renju Unit, li ttellqu dil-ġimgħa u fejn mil-ġdid, it-tbassir hu li r-riżultat se jkun wieħed li jirrekjedi koalizzjoni fil-gvern. Imma dwar l-elezzjonijiet Ingliżi nisimgħu u naqraw biżżejjed…

ĦALIB FL-EWROPA

Riħ kiesaħ u b’saħħtu venven mat-toroq ta’ Bruxelles din il-ġimgħa, kif għamel – ġieli b’saħħa ta’ uragan – fi bliet oħra Ewropej. Ma tantx ipprovda wens għall-bdiewa li ħarġu jipprotestaw kontra bidla fil-politika Ewropea dwar il-ħalib. Se jitneħħew il-kwoti li kienu jgħidu kemm għandu jipproduċi kull pajjiż u effettivament kull raħħal, biex jibbenefika minn prezz garantit. Se tintuża issa sistema aktar “flessibbli” ta’ kif jiġu aġevolati l-produtturi b’mod li jirrifletti aħjar l-eżiġenzi tas-suq. Mhux possibbli fi ftit kliem tagħti rendikont ta’ dil-bidla.
Madankollu kif dejjem jiġri, r-raħħala u l-għaqdiet tagħhom ma kienu kuntenti biha; uħud se jmorru tajjeb forsi, oħrajn żgur se jmorru ħażin. U bħas-soltu l-protesti. Fil-pjazza Luxembourg quddiem il-Parlament Ewropew, ir-raħħala nġabru bl-inġenji tagħhom u kebbsu l-ħġejjeġ. Ir-riħ u l-kesħa ma tantx għenu. Ma jidhirx li l-bidla fil-politika Ewropea tal-biedja se titreġġa’ lura.

***

L-AĦĦAR ŻVILUPPI

Il-lista ta’ riformi li biħsiebu jdaħħal il-gvern Grieg ma kkonvinċewx lill-pajjiżi Ewropej li jsellfuh il-flus, li se jkunu biżżejjed. Reġgħu talbuh jagħmel aktar impenji li jkunu aktar ċari u sodi. Se jerċgħu jitlaqqgħu t-tekniċi. Il-Prim Ministru Grieg kellu jmur sa Moska jiltaqa’ mal-President Putine. Il-kummissarju Ewropew għall-affarijeit ekonomiċi, is-soċjalist Franċiż Moscovici, li ma tantx iħares lejn is-Siriża b’għajn ħanina, wissa li l-Greċja tinsab membru taż-żona ewro u minn hemm li għandha tistenna appoġġ mhux minn Moska. Ministru Grieg ħabbar li meta l-fondi li għandu l-gvern Grieg jaslu fil-qiegħ, l-ewwel se jaħseb biex iħallas lill-ħaddiema u l-pensjonanti tiegħu: mhux se jpoġġihom fil-kju wara l-ħlas li għandu jagħti lill-Fond Monetarju Internazzjonali.
Sa Jum il-Għid, kull min hu mdaħħal fil-kriżi Griega deher li għadu qrib sew ix-xifer, jekk mhux eqreb qrib minn qabel. Imma għall-Griegi, l-Għid Ortodoss jiġi wara dak iċċelebrat fl-Ewropa “tal-punent”.