Ħafna jgħidu – u naħseb għandhom raġun – li l-problemi kbar li qed taffaċċjja l-Unjoni Ewropea fl-aħħar żminijiet, jinħassu aktar qawwija għax l-ekonomija Ewropea baqgħet turi dgħufija. Meta n-nies tkun qed taqla’ tajjeb l-għajxien tagħha, hi ħaġa aktar ħafifa li ssolvi problemi li jinqalgħu f’soċjetà.
Mis-sena 2008 meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja dinjija, sal-lum, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, meħuda flimkien, kienu f’riċessjoni – jew meta rpiljaw, kellhom tkabbir ekonomiku dgħajjef ħafna. Terġa’, dil-ħaġa ġrat b’rankatura aqwa fiż-żona tal-ewro. Il-Ġermanja kienet forsi l-eċċezzjoni, għalkemm anki hawn, it-tkabbir ekonomiku tagħha kien aqwa fi snin oħra.
X’inhuma l-fatturi li żammew lill-ekonomija Ewropea milli tirpilja bil-kbir?

L-INVESTIMENTI

Fuq quddiem nett, ngħid jien, hemm il-fatt li l-investimenti, kemm min-naħa tal-gvernijiet u awtoritajiet publiċi, kemm mis-settur privat, baqgħu baxxi – jew anqas milli kieku reġgħu laħqu l-livelli ta’ qabel l-2008. Skont ċerti stimi li saru ftit tax-xhur ilu, it-tnaqqis fl-investimenti mal-Ewropa kollha baqa’ ta’ bejn il-500 biljun għat-800 biljun ewro fis-sena.
Għaliex dan jikkontribwixxi għal ritmu ekonomiku dgħajjef?
Minnu nnifsu, l-investiment hu ħidma ekonomika ġdida. Min qed jinvesti, qed jonfoq flusu f’bini, uffiċċji, fabriki, lukandi, impjanti ġodda jekk fis-settur privat; jekk fis-settur publiku, f’bini ta’ skejjel, toroq u stabbilimenti oħra. Biex dan kollu jitwettaq, jinħolqu impjiegi ġodda jew ikunu sostnuti impjiegi diġà eżistenti. Mhux l-anqas, l-investiment jagħti sinjal ta’ fiduċja f’li jkun għaddej, sentiment li jwassal imbagħad biex in-nies u l-impriżi jonfqu aktar u allura jkattru r-ritmu ekonomiku.
Barra minn hekk, l-investiment jissettja l-pedamenti għall-ħidma ekonomika tal-futur. Fin-nuqqas tiegħu, il-fabriki u stabbilimenti produttivi oħra jiqdiemu, jnaqqsu mill-effiċjenza tagħhom u meta jispiċċaw għal kollox, ma jkunx hemm x’jeħdilhom posthom.
X’wassal biex l-investimenti baqgħu lura fl-Ewropa?
Wara l-kraxx tal-2008, daħlet prudenza ġdida fit-tmexxija tal-ekonomiji. Il-gvernijiet speċjalment fiż-żona tal-ewro, bdew isegwu dixxiplina stretta fl-issettjar tal-baġits ta’ kull sena. Din obbligathom inaqqsu drastikament id-defiċits tagħhom, u għalhekk irażżnu n-nefqa li jagħmlu minn sena għal sena. F’għażla bejn trażżin tan-nefqa kurrenti – bħal pagi ta’ impjegati, jew xiri ta’ materjali biex il-ħidma tal-gvern tista’ tkompli – u trażżin tan-nefqa kapitali, fuq investiment publiku, x’aktarx li l-preferenza tibqa’ tingħata, għal raġunijiet politiċi ovvji, lil tnaqqis tal-ispiża kapitali. Hekk ġara fl-Ewropa.
Ukoll wara l-2008, fil-banek Ewropej iddaħħlu regoli ta’ tmexxija li imponew attenzjoni akbar għal kif il-banek isellfu u jsellfu. Dan beda jagħmel is-self lejn l-azjendi privati aktar diffiċli, meta l-istess azjendi kienu qed iqisu li l-qagħda ekonomika se tkun diffiċli u allura, jaqblilhom ma jtellqux proġetti ġodda.

L-INFLAZZJONI

B’riżultat tal-ħidma kajmana li baqgħet isseħħ fl-ekonomiji Ewropej, kienet ħaġa naturali li l-bejgħ u x-xiri minn kumpaniji u individwi pjuttost staġnaw. F’sitwazzjoni hekk, il-prezzijiet ukoll jistaġnaw, u anki kif ġara fl-Ewropa, jibdew jinżlu.
Issa hi ħaġa ħażina li l-prezzijiet jiżdiedu b’rata għolja “żżejjed”. Fl-imgħoddi konna nisimgħu bosta twissijiet kontra l-inflazzjoni qawwija. Imma bl-istess mod, hu ħażin li l-prezzijiet jinżlu “wisq”. Jiġri li n-nies tixtri anqas għax tistenna li l-prezzijiet se jinżlu aktar. Sadattant, l-azjendi jibqgħu lura milli jinvestu: jikkalkolaw li l-prezz ta’ dak li se jipproduċu se jibqa’ jaqa’ u jissarfilhom f’anqas dħul.
L-esperti finanzjarji tal-banek ċentrali Ewropej isostnu li l-mira għandha tkun biex il-prezzijiet fl-Ewropa jitilgħu bir-rata ta’ 2 fil-mija. Sal-lum, ninsabu bogħod sew milli nilħquha. L-aktar li ż-żieda tal-prezzijiet qarrbet lejn dal-livell kien meta bdiet tmiss il-1 fil-mija fis-sena. Biex joħroġ minn dan l-isqaq, il-Bank Ċentrali Ewropew fl-aħħar għamel kif kien ilhom li għamlu banek ċentrali oħra barra ż-żona tal-ewro, bħal fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti u fil-Ġappun. Beda jixtri bi kwantitajiet kbar kull xahar, iċ-ċedoli ta’ self tal-gvernijiet.
Dan kellu l-effett li ppompja biljuni fuq biljuni ta’ ewro fl-ekonomiji. Meta jkun hemm daqstant flus “żejda” fl-idejn, suppost li jfur il-bejgħ u x-xiri. Suppost jogħlew il-prezzijiet u jiċċaqlaq l-investiment, waqt li jaqa’ l-valur tal-ewro mqabbel ma’ dak ta’ muniti oħra. Kif imbassar, iva, il-valur tal-ewro niżel sew imqabbel ma’ muniti oħra. Imma l-prezzijiet ftit li xejn iċċaqalqu, u l-istess l-investiment.
Hu minnu li fl-istess żmien, il-prezzijiet taż-żjut u ta’ materji primi essenzjali oħra tbaxxew sew fuq is-swieq internazzjonali. Allura kkontribwew mad-dinja kollha, inkluża fl-Ewropa, għal tnaqqis fil-prezzijiet. Imma tista’ tgħid imkien daqskemm ġara fl-Ewropa, il-prezzijiet ma żammew lanja hekk batuta.

IL-QGĦAD

Li jġibna għall-qgħad, illum l-aktar fenomenu soċjali inkwetanti fl-Ewropa. B’investiment kajman u bil-politika ta’ awsterità li tmexxiet biex il-finanzi tal-gvernijiet (u tal-banek) jerġgħu jinġabu f’bilanċ, il-qgħad sploda. Miż-żmien meta kien f’rekord ta’ għoli, naqas xi ftit. Xorta għadu f’livelli li l-Unjoni Ewropea rari rat bħalhom qabel.
Biex tagħqad, ħafna mill-investimenti li saru kienu indirizzati biex iżidu fl-impjant teknoloġiku u b’hekk inaqqsu mill-ħtieġa ta’ ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol. Ukoll, il-liġijiet ta’ ħarsien tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ġew illaxkati f’ħafna pajjiżi. Dan kellu jsir – hekk intqal – biex iħajru lill-kumpaniji jingaġġaw in-nies, peress li kienu qed jibqgħu lura meta jsibu li jekk jitgħabbew bil-ħaddiema, ma jkunux jistgħu jeħilsu minnhom malajr fil-każ li l-kumpanija tmur żmerċ. Biss, b’riżultat tal-illaxkar li sar, anki fejn bdew jinħolqu impjiegi ġodda, bħal fi Spanja, instab li l-biċċa l-kbira minnhom qed ikunu prekarji.
Mhux ta’ min jistagħġeb li minħabba l-qgħad għoli u x-xogħol prekarju li qed jinħoloq, il-konsum fl-Ewropa mhux sejjer tajjeb. B’hekk, qamet sitwazzjoni paradossali: bil-valur baxx tal-ewro, il-bejgħ barra ta’ prodotti u servizzi Ewropej sar kompetittiv sew. Qed jikber bilanċ favur l-Ewropa fil-kummerċ barrani: l-Ewropa qed tbigħ barra ħafna aktar milli qed tixtri minn barra. Biss, dan mhux qed iservi biex iqanqal tkabbir ekonomiku serju jew biex joħloq impjiegi ġodda. Sempliċement qed iservi biex ipatti għall-fatt li l-Ewropej għadhom qed jikkonsmaw u jixtru bin-nieqes.
Fejn se naslu b’dan kollu? Il-prospetti għal xi bidla serja fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi Ewropej għadhom fjakki ħafna. Li ma tantx jawgura tajjeb għal kif il-problemi strateġiċi kbar l-oħra quddiem l-Ewropa jistgħu jiġu solvuti.
Hemm xi mod kif is-sitwazzjoni tinbidel?
Jien wieħed minn minoranza li temmen li għandhom jinbidlu r-regoli tat-tmexxija Ewropej biex jippermettu investimenti ġodda u kbar mill-gvernijiet u awtoritajiet publiċi. Din hi fehma li bħalissa għadha titqies ereżija. Ta’ spiss wisq l-Ewropej qed jidhru li jridu jsolvu l-problemi tal-lum billi jindirizzawhom skont il-problemi li qajmet il-kriżi tal-2008. Imma minn dak iż-żmien sal-lum, iċ-ċirkostanzi nbidlu.

Facebook Comments

Post a comment