Il-ħarifa fi Brussell dis-sena baqgħet ezitanti. Ma niftakarhiex hekk. Jiġu jiem li qishom is-sajf – mhux is-sajf Malti li jtaqqlek bir-riħ isfel, l-aktar lejn Settembru, imma s-sajf sħun u frisk li fiċ-ċentru tal-Ewropa meta ma jinġemax is-sħab, jagħmlu l-isbaħ staġun. (Għalkemm dis-sena qaluli, minn daqshekk, kien sajf tax-xita.)
Imbagħad matul il-ġimagħtejn li għaddew, għal jum jew tnejn, it-temp idur għall-griz u l-kiesaħ, qisna se naqilbu għax-xitwa. Sakemm nerġgħu lura għat-temp sajfi.
Nistħajjel li ħafna minn dawk li kienu maqbuda fid-diskorsi dwar Kummissarji u baġits Ewropej ftit indunaw bil-burdati tat-temp.

***

IL-KUMMISSARJU MIBDUL

L-eks Prim Ministru tas-Slovenja Bratusek nominata bħala Kummissarju u viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, kellha vot qawwi kontra tagħha fil-kumitati tal-Parlament Ewropew li dehret quddiemhom. Fl-aħħar, iddeċidiet li tirtira l-kandidatura tagħha. Uħud fil-Parlament Ewropew bdew jgħidu kif dan wera s-saħħa l-ġdida li rabba l-Parlament fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea.
Biss minnufih qamet problema mhux mistennija. Bit-tluq ta’ Bratusek, filli l-arranġamenti biex il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida taħt Juncker issib postha sal-bidu ta’ Novembru kienu mexjin bla intoppi, u filli kollox waqa’ lura. Dan għax min se jinħatar minflok Bratusek kien se jkollu jgħaddi qabel mill-manglu li jiġi interrogat minn kumitat jew aktar tal-Parlament. Biex Juncker u n-nies tiegħu jidħlu fil-kariga għall-bidu ta’ Novembru, il-kalkolu kienu li ħtiġilhom jitpoġġew għall-vot fil-laqgħa plenarja tal-Parlament tal-ġimgħa d-dieħla. Kif dil-ħaġa setgħet issa titlaħħaq fil-ħin, issa dehret problema mhux zgħira.
Biex tagħqad, qam dizgwid fuq min kellu jiġi appuntat mis-Slovenja wara li Bratusek telqet. Is-soċjalisti fil-Parlament Ewropew qalu li biex l-affarijiet jitlaħħqu fil-ħin, ikun aħjar li l-gvern Sloven, li hu koalizzjoni ta’ partiti uħud minnhom ġodda, jappunta deputata Ewropea Slovena mill-grupp soċjalista. B’hekk ukoll kien ikun qed izid in-numru ta’ soċjalisti fil-Kummissjoni Juncker.
Naturalment, il-gvern Sloven xejn ma ggosta dan l-indħil. Minflok iddeċieda fuq nomina ta’ ministru Slovena mara oħra, Violeta Bulc.

***

GĦAĠLA

Mela, wara li Juncker iltaqa’ ma’ Bulc, iddeċieda li mhux se jagħtiha l-istess portafoll bħal ma kien se jagħti lil Bratusek. Xi ħadd mill-Kummissjoni l-ġdida se jkollu jiċċaqlaq biex jieħu l-inkarigi li kien se jkollha Bratusek, waqt li Bulc trid tassumi l-portafoll tagħha.
Mhux importanti li nsemmu liema karigi marru għand min. L-importanti hu li fl-għaġla li qamet, dawn il-karigi u kif se jitwettqu minn min dieħel għalihom se jkollhom mill-ġdid jiġu mistħarrġa mill-kumitati tal-Parlament mil-lum għal għada.
Diġà kien hemm problemi b’Kummissarji nnominati li baqgħu vagi fit-tweġibiet tagħhom għax qalu li kienu ġodda għax-xogħol li ngħataw. Imma huma talanqas kellhom tliet ġimgħat biex isibu saqajhom. Bulc se titla’ quddiem kumitat tal-Parlament Ewropew nhar it-Tnejn, kwazi l-għada tal-ħatra tagħha. Wieħed jiddubita kemm tagħmel sens għaġla bħal din, maħluqa wara kollox minn problema li setgħet ġiet evitata. Qattusa għaġġelija, kien jgħid il-Malti, tagħmel il-frieħ għomja.

***
DIZAPPUNTANTI

Il-marda tal-ebola issa resqet sew qrib l-Ewropa. Xahrejn ilu kont saqsejt lill-Kummissjoni Ewropea dwar xinhu jsir fuq livell Ewropew biex ikun hemm pozizzjoni integrata Ewropea dwar din it-theddida kbira, mhux biss bħala problema ta’ saħħa. Imma wkoll bħala problema ta’ sigurtà, ħarsien kontra d-danni ekonomiċi li jistgħu jirrizultaw u koperazzjoni medika, fost oqsma oħra. Saqsejt dil-mistoqsija biex nara jekk hemmx xi għarfien tal-bzonn ta’ tħejjija integrata, għax kull ma kont naf li qed isir kienu inizjattivi l-aktar ta’ natura umanitarja.
Fit-tweġiba li fl-aħħar tatni, l-Kummissjoni Ewropea elenkat l-inizjattivi meħuda kontra l-ebola fuq livell Ewropew. Kwazi kont naf b’kull ħaġa li semmiet. Imma deher ċar li ftit li xejn kien tħaddem xi pjan integrat Ewropew.
U sal-lum, hekk għadhom għaddejjin l-affarijiet. Din l-Ewropa tgħaġġibni. Fejn hemm lok għal ħidma integrata tibqa’ ma ssirx; fejn politika Ewropea ftit tagħmel sens, jibqgħu jinsistu li jdaħħluha bl-għeruq u x-xniexel. Zgur kien hemm u għad hemm bzonn urġenti li quddiem it-theddida tal-ebola, l-Ewropa tmexxi strateġija waħda, magħquda u effettiva. In-nuqqas tagħha hu tassew dizappuntanti, jekk mhux agħar.

***

IL-BAĠIT FRANĊIZ

Ma jidhirx li d-diskussjonijiet dwar il-baġit tal-gvern Franċiz, u m’hemmx x’tgħid, il-kontroversji wkoll, daqt se jieqfu. Ninsabu quddiem sfida għal kif fiz-zona tal-ewro u fl-Unjoni Ewropea, ġew zviluppati l-mizuri ta’ ħarsien għat-tmexxija ekonomika u finanzjarja.
Filli Franza kienet waħda mill-protagonisti għal kif dawn il-mizuri tħasslu. Filli, meta l-logħba daret kontriha, għamlitha ċara li ma tridx jew ma tistax tosserva r-regoli li hi stess għenet biex jinħolqu. Bla ma ġabet il-qbil ta’ ħadd, iddikjarat li se tipposponi b’sentejn iz-zmien li fih kellha tiġi f’linja mar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku – li sar il-Bibbja tal-Ewropa għal kif għandek tmexxi l-ekonomija u l-finanzi.
Min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, xejn ma kien hemm pjaċir b’din l-istorja. Imma l-Kummissjoni waslet biex tagħlaq il-ħanut ħalli minflokha tidħol Kummissjoni ġdida. U l-Kummissarju li jmexxi l-oqsma tal-ekonomija u t-tassazzjoni se jkun il-Franċiz Moscovici.
Tensjoni kbira tinħass min-naħa Ġermaniza: m’hemm l-ebda apprezzament għal kif il-gvern Franċiz qatagħha ħesrem u sostna li ma kellux triq oħra ħlief li jtawwal iz-zmien li fih se jkun qiegħed inaqqas id-defiċit tal-baġit tiegħu. Biċ-ċirkostanzi ekonomiċi kif inhuma, qed jgħidu l-Franċizi, ma rawx triq oħra.
Biss dan l-argument qed iqajjem id-dwejjaq tal-pajjizi z-zgħar li qed ikollhom ibaxxu rashom meta jgħidulhom: ara kif tnaqqas l-ispiza tiegħek biex ma jkollox defiċit kbir wisq, għax inkella… Allura dan jgħodd għal pajjizi zgħar biss? Pajjiz kbir bħal Franza meta jiġi l-waqt, jista’ jiġi jaqa’ u jqum mir-regoli li suppost jorbtu lil kulħadd bl-istess mod?

***

L-EKONOMIJI: ‘IL FUQ JEW ‘L ISFEL?

Fil-fatt, il-mistoqsija l-kbira qed tkun: ekonomikament, fejn sejra l-Ewropa? Il-bixriet ta’ kif sejrin l-affarijiet reġgħu ħzienu. Forsi l-Ġermanja ftit se tkun tista’ tagħmel pressjoni fuq Franza biex din tobdi r-regoli stretti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Hi wkoll tinsab f’xifer ta’ riċessjoni skont ċerti pronostki. U jekk il-Ġermanja se togħtor, se tagħmel dan ma’ oħrajn.
Il-biza’ hu li l-ekonomija tal-Ewropa tinsab maqbuda fi tnalja. Ma tistax tonfoq jew tisparpalja (agħzel int liema hi l-aħjar kelma) il-flus daqskemm jixtiequ l-politiċi tagħha, ħalli b’hekk jistimolaw l-impjiegi. U meta toqgħod lura milli tonfoq, qed issib li qiegħda tkabbar l-effetti tal-istaġnar ekonomiku li ilu s-snin ma jridx iċedi, u dan tista’ tgħid – mal-Ewropa kollha.

***

KITTIEBA FI BRUSSELL

Waħda mill-affarijiet kurjuzi li zviluppaw fi Brussell fl-aħħar għaxar snin hi n-numru ta’ kittieba zgħazagħ tal-Malti li qed jgħixu b’mod permanenti f’dil-belt. Dil-ġimgħa ltqajt ma’ tnejn minnhom: fuq l-ajruplan minn Malta kien hemm Ġuze Stagno; u f’kafe qrib il-bini tal-Parlament Ewropew iltqajt ma’ Alex Vella Ġera.
Il-klima u l-atmosfera ta’ xogħol fil-Belġju tidher li għamlitilhom tajjeb, mhux l-anqas fil-ħidma artistika tagħhom. Nimmaġina li d-distanza minn Malta u fl-istess ħin il-qrubija lejha li ngħidu xi ngħidu tibqa’ tħossha (anki jekk fil-forma ta’ imħabba-mibegħda, love-hate bl-Ingliz) iservu bħala pjattaforma għal ezerċizzji kreattivi ġodda. Niftakar l-esperjenza minn snin twal ilu – ma nafx jekk m’hemmx nostalġija fit-tifkira.
Nistħajjel ukoll li l-istess ħaġa qed tiġri fost kittieba ta’ pajjizi oħra Ewropej “zgħar”, li wkoll jinsabu fi Brussell. Ma narax għaliex dak li qed jiġri fil-kaz tal-kittieba Maltin m’għandux jiġri wkoll ma’ kittieba ta’ pajjizi oħra.

Facebook Comments

Post a comment