Hekk kif l-istituzzjonijiet Ewropej resqin lejn il-ġimagħtejn ta’ btala għall-Ewwel tas-Sena, qed joħorġu dejjem aktar ċari l-linji tad-dibattitu l-kbir li se jkun kruċjali għall-Unjoni Ewropea u għaż-żona ewro fix-xhur li ġejjin. Fil-fatt, matul ix-xhur li għaddew, id-dibattitu kien diġà qed jikkarga.
Ħafna — mhux bla raġun — iqisu li l-kwistjoni kollha tista’ tispiċċa waħda ta’ ħajja jew mewt għall-proġett Ewropew. Ma jistax ikun li l-ekonomija Ewropea tibqa’ staġnata kif kienet fl-aħħar snin. Mhux biss qed taqa’ lura mqabbla mal-ekonomiji ta’ kontinenti oħra, imma l-ispiża soċjali li tirriżulta meta miljuni ta’ żgħażagħ u ħaddiema oħra jibqgħu bla xogħol għal żmien twil wisq tista’ ssir mhux sostenibbli.
Sa issa, bil-Ġermanja timbotta… imma anki pajjiżi oħra min-Nord magħha… l-importanza baqgħet tingħata lil politika li biha l-baġits nazzjonali jinġabu taħt dixxiplina fiskali biex ma jispiċċawx b’defiċits. Baqa’ jintqal li b’hekk, l-ekonomiji se jinħelsu mill-piżijiet tal-ineffiċjenzi kkawżati mill-operat żejjed tal-gvernijiet u mid-djun. Imma issa għaddew is-snin, diversi pajjiżi baqgħu jmexxu politika ta’ awsterità u xorta l-ekonomiji baqgħu staġnati.
Il-kurrent li qam fl-aħħar żminijiet, prominenti l-aktar fost is-soċjalisti, kien għal nefqa ġdida favur aktar investimenti li setgħu jagħtu nifs meħtieġ lill-ekonomiji. Il-forzi tal-lemin ma jaqblux ma’ dan. Ibassru li jerġa’ jwassal għal nefqa li tiġi akbar mid-dħul u għal ħala ta’ fondi publiċi. B’hekk l-operat tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro ikomplu jixxekklu.
Quddiem id-dwejjaq tal-popli bil-konsegwenzi ta’ din il-politika, irrankat il-ħeġġa politika kontra l-awsterità. Illum, wara li l-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker vara l-programm ta’ investiment strateġiku tiegħu għal, qed igħid, 315 biljun ewro, il-Kummissjoni Ewropea qed tistqarr fil-miftuħ li l-politika ekonomika Ewropea trid tintrabat ma’ tliet direzzjonijiet ta’ ħidma. Dawn huma l-konsolidament fiskali, magħruf bħala awsterità, jew issikkar taċ-ċinturin biex titrażżan in-nefqa tal-gvern; ir-riformi hekk imsejħa strutturali, li bihom is-suq tax-xogħol fost oħrajn isir aktar “flessibbli”; u t-twettiq ta’ proġetti ġodda ta’ investiment biex iħeġġu l-attività ekonomika.

***

LUX

Lux hi kelma li ntużat ħafna dan l-aħħar minħabba r-rapporti li ħarġu fil-midja dwar kif mil-Lussemburgu kienu qed joffru matul is-snin arranġamenti speċjali ta’ taxxa lill-kumpaniji l-kbar. L-iskandlu li qam dwar din il-biċċa għadu sejjer.
Imma dil-ġimgħa l-kelma ngħatat prominenza għal raġuni oħra — l-għoti mill-Parlament Ewropew tal-premju Lux għall-aħjar film Ewropew tas-sena. Kien hemm proċess ta’ nominazzjonijiet minn pajjiżi differenti u fl-aħħar xhur, il-films li ġew impoġġija bħala finalisti, ntwerew fil-pajjiżi tal-Unjoni, inkluża Malta.
Hi inizjattiva li jixirqilha kull appoġġ. Sibtha ftit stramba li ċ-ċerimonja tat-tħabbir tar-rebbieħa saret waqt seduta plenarja tal-Parlament imma xorta waħda, l-okkażjoni kienet ħelwa. Resqu r-reġisti u xi atturi tal-aħħar tliet finalisti. Tħabbar ir-rebbieħ. Kien il-Pollakk Pawel Pawlikowski bil-film “Ida”, miġbud bil-griż u teknika primittiva għal tal-apposta.
Il-votazzjoni dwar min jirbaħ għamluha d-deputati Ewropej infushom. Mill-bidu nett ma xtaqtx nipparteċipa f’din l-għażla. Ma naqbilx li għandhom ikunu nies imdaħħla fil-politika li jifformaw il-ġurija għal konkors li strettament għandu jkun artistiku. Għall-politiċi tiswa f’termini ta’ relazzjonijiet publiċi. Imma dak mhux bizzejjed.

***

IL-PROGRAMM TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa ppreżentat il-programm ta’ ħidma għaż-żmien li ġej. Fih stqarret li se tkun qed tissimplifika kemm jista’ jkun il-mod ta’ tmexxija. Numru ta’ regolamenti li kienu qed jitħejjew, u oħrajn li ilhom jiġu diskussi, se jitwarrbu għal kollox. Oħrajn se jitqassru. L-emfażi se jitpoġġa fuq oqsma li l-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker ilu jsemmi, bħal per eżempju l-qasam tal-kompjuters fejn jintqal li jekk jitwaqqaf suq diġitali wieħed Ewropew, tkun qed tingħata spinta qawwija ‘l quddiem lill-investiment fl-Ewropa.
Parti importanti mill-programm tirreferi m’hemmx għalfejn ngħidu, għall-pjan ta’ Juncker biex iwaqqaf fond ta’ investiment. Dil-ħaġa kellha titqajjem fil-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fit-tarf tal-ġimgħa, u l-pjan kollu ta’ ħidma tal-Kummissjoni kien maħsub biex jittella’ wkoll għad-diskussjoni quddiem il-Kunsill. Waqt li l-proposti ta’ Juncker qed isibu kapijiet tal-gvern li jfaħħruhom u jaqblu magħhom, dak li hu jixtieq l-aktar — jiġifieri li jersqu gvernijiet ‘il quddiem biex iwegħdu li se jallokaw flejjes tagħhom għall-fond li jrid iwaqqaf — kien għadu ma seħħx lejliet il-Kunsill Ewropew. L-ebda stat ma wiegħed li se jipparteċipa.
Fil-fatt il-Kunsill Ewropew tal-aħħar tal-ġimgħa kien mistenni l-aktar li jsegwi aġenda ftit jew wisq bla sorpriżi billi jikkonċentra l-aktar fuq materji li ilhom għaddejja minn żmien ilu.

***

KAPITALI TAL-MILIED

Strasburgu tiftaħar li hi, jew trid tkun, “il-kapitali tal-Ewropa”. Għal żmien il-Milied, dil-belt ukoll timtela’ b’fieri kollha gabbani minn fejn ibigħu ħlewwiet, inbejjed sħan, kunservi u prodotti tradizzjonali. Kull triq, kull bini, kull rokna jkunu mixgħula bi dwal ikkuluriti jteptpu. Ma kontx naf li Strasburgu tiddeletta daqstant bil-Milied.
Imma l-aktar li stagħġibt kien għax donnha l-belt tiddeċiedi f’dan iż-żmien li tabbanduna l-aspirazzjoni tagħha bħala kapitali tal-Ewropa.
Minn ħafna trammijiet u bini, id-dwal ipproklamaw lil Strasburgu bħala l-kapitali tal-Milied.
Ovvja li n-nies ta’ Strasburgu jogħġbuhom iż-żewġ deskrizzjonijiet ta’ belthom. Imma bejni u bejn ruħi staqsejt x’jippreferu l-aktar. Ikkonkludejt li l-kapitali tal-Ewropa togħġobhom għax iddaħħlilhom il-flus, waqt li l-kapitali tal-Milied jippreferuha għax iġġibilhom il-ferħ

***

VOT DWAR IL-PALESTINA

Il-Parlament Ewropew għadda b’maġġoranza kbira riżoluzzjoni mressqa mill-partiti kollha jew kważi, biex tħeġġeġ li l-Palestina tingħata rikonoxximent bħala stat. L-inizjattiva kienet l-aktar tas-soċjalisti imma biex waslu għall-għan tagħhom, kellhom jagħmlu kompromess fuq it-test tar-riżoluzzjoni.
Dwar kif għandu jsir ir-rkonoxximent tal-Palestina ntgħażlet formola ta’ kliem li mhijiex daqshekk ċara. Il-kontroversja l-kbira hi jekk ir-rikonoxximent għandux jingħata minn issa bla kondizzjoni, jew jekk għandux ikun wieħed mir-riżultati ta’ negozjati bejn Iżraeljani u Palestinjani li jwasslu għall-paċi. Il-partit tal-popolari l-aktar, u anki l-liberali, imma anqas, huma favur din it-tieni triq. Minħabba r-rieda xejn ġenwina li baqa’ juri Iżrael fil-proċessi tal-paċi (sa minn wara l-assassinat ta’ Rabin), ma nafx fejn qatt din it-tieni triq tista’ twassal.
Għar-riżoluzzjoni, intgħazlet formola ta’ kliem li tgħid kif ir-rikonoxximent għandu jimxi id f’id mal-proċess ta’ negozjati għall-paċi. Hu diffiċli tifhem x’jistgħu jfissru kliem bħal “id f’id” f’tilwima ħarxa u dejjiema bħal dik ta’ bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.

***

SPJEGA

F’ħafna sitwazzjonijiet parlamentari trid tivvota mal-grupp tiegħek b’solidarjetà u biex issostni l-koerenza politika, anki meta jkollok dubji kbar dwar xi jkun qed jiġi deċiż. Personalment xejn ma għoġobni l-kompromess li ntlaħaq — u li s-soċjalisti u d-demokratiċi aċċettaw fil-Parlament Ewropew — dwar ir-rikonoxximent li għandu jingħata lill-Palestina bħala stat sovran. Biss fhimt li aħjar wieħed jivvota favur il-kompromess milli xejn.
Ukoll fhimt li jkun xieraq li nagħmel spjega miktuba dwar il-vot tiegħi. Fiha, fissirt għaliex ivvotajt kif ivvotajt, u ddikjarajt li min-naħa tiegħi, nappoġġja bla riżervi l-għarfien inkondizzjonat tal-Palestina bħala stat.

***
Nibgħat l-isbaħ xewqat tiegħi għal Milied hieni lill-qarrejja kollha ta’ it-torċa, lill-editur u l-istaff editorjali, kif ukoll lill-familji tagħhom.

21 ta’ Diċembru 2014