Meta l-gvern Grieg bagħat l-aħħar lista ta’ riformi li biħsiebu jdaħħal, xorta ma kkonvinċewx lill-pajjiżi Ewropej li qed isellfuh il-flus, li dawn l-mizuri se jkunu biżżejjed. Reġgħu talbuh jagħmel aktar impenji li jkunu aktar ċari u sodi. Kellhom jerġgħu jitlaqqgħu t-tekniċi. Il-Prim Ministru Grieg irranġa biex imur sa Moska jiltaqa’ mal-President Putin.
Il-kummissarju Ewropew għall-affarijiet ekonomiċi, is-soċjalist Franċiż Moscovici, li ma tantx iħares b’għajn ħanina lejn il-partit tal-gvern Grieg, is-Siriza, wissa li l-Greċja tinsab membru taż-żona ewro u minn hemm li għandha tistenna appoġġ mhux minn Moska. Ministru Grieg ħabbar li meta l-fondi li għandu l-gvern Grieg jaslu fil-qiegħ, l-ewwel se jaħseb biex iħallas lill-ħaddiema u l-pensjonanti tiegħu: mhux se jpoġġihom fil-kju wara l-ħlas li għandu jagħti lill-Fond Monetarju Internazzjonali.
Sa Jum il-Għid, kull min hu mdaħħal fil-kriżi Griega deher jaħseb li l-biċċa kollha tinsab qrib sew ix-xifer, jekk mhux eqreb minn qabel. Imma għall-Griegi, l-Għid Ortodoss jiġi wara dak iċċelebrat fl-Ewropa “tal-punent”. Bejn iz-zewġ ċelebrazzjoniiet tal-Għid, il-gvern ta’ Tsipras donnu kien qed ilesti proposti ġodda għall-hekk imsejħa riformi. Biex jissodisfa lill-Ewropej u lill-Fond Monetarju Internazzjonanali kien se jsegwi kwazi sal-aħħar il-proġetti ta’ privatizzazzjoni imħejjija mill-gvern ta’ qablu. Il-Ministru Grieg tal-finanzi Veroufakis reġa’ kkonferma mal-Fond Monetarju Internazzjonali li se jħallas lura il-flus dovuti minnu lill-Fond sa nofs ix-xahar ta’ April. U hekk spiċċa jagħmel.
Sadattant baqgħu joħorġu stejjer dwar kif il-flus tal-gvern Grieg kienu dejjem qed imajnaw. Mistoqsija kbira kienet meta eżatt se jixxottaw għal kollox. Mill-Ġermanja bdew joħorġu stejjer fil-midja dwar kif il-ħruġ tal-Greċja miz-zona ewro kien qed isir inevitabbli. Madankollu kull ħaġa li fil-pubbliku u fil-privat qalet u għamlet il-kanċellier Merkel kienet turi li hi xejn ma trid li din il-ħaġa sseħħ.
L-istorja tkompli.

***

ĊIPRU

Kif kompliet l-istorja ta’ Ċipru. Hawn ukoll għaddej pjan ta’ salvataġġ li sentejn ilu ħoloq diżgwid kbir. Minkejja d-daqs żgħir tiegħu, meta Ċipru nqalgħulu problemi finanzjarji kbar, kien donnu li jekk Ċipru jikkrolla, se jwaqqa lid-dinja miegħu. Wara, naħseb jien, ħarġet ir-raġuni vera għaliex qamu daqstant diffikultajiet. L-Ewropej ma tantx riedu jagħtu l-għajnuna lil Ċipru peress li l-gzira baqgħet ikkakkmata wisq, fil-fehma tagħhom, mar-Russja. L-investimenti Russi fil-gżira kienu ilhom li tawhom f’għajnhom. (Dan ma jfissirx li fit-tmexxija finanzjarja ta’ pajjiżhom, iċ-Ċiprijotti m’għamlux żbalji mil-aqwa. Għamlu.)
Fil-ftehim li l-Ewropej imponew fuq Ċipru għas-salvataġġ finanzjarju li offrewlu, l-kundizzjonijiet kienu mill-aktar iebsa. Fosthom kien hemm mizura maħsuba biex depożitanti fil-banek Ċipriotti jitilfu parti mill-flus li kellhom depozitati billi jibdluhom f’ishma tal-bank fejn poġġew flushom. Dan qajjem agħa kbir. Peress li għadd sostanzjali ta’ ċittadini Russi kienu ddepożitaw fondi fil-banek ta’ Ċipru, b’riżultat ta’ din il-miżura, investituri Russi spiċċaw b’sehem ħafna akbar minn qabel fil-banek Ċiprijotti.
Is-sitwazzjoni tant kienet gravi li Ċipru kellu jdaħħal kontrolli fuq il-ħruġ ta’ kapitali mill-pajjiż. Imkien qabel ħaġa bħal din ma twettqet fiż-żona tal-ewro. Filfatt, tikkontradixxi l-prinċipji li suppost jitħaddmu fiż-żona, fejn il-kummerċ u ċ-ċaqliq tal-kapital mistenni li jkun ħieles għal kollox.
Fl-aħħar, Ċipru kien beda jingħata l-għajnuniet meħtieġa minnu: qatra ċkejkna mqabbla mas-saħħa tal-finanzi li jinsabu fiż-żona ewro imma xorta waħda, il-kondizzjonijiet li tpoġġew fuq il-gżira baqgħu strinġenti għall-aħħar. Fosthom kien hemm il-mod kif jiġu trattati l-ftehimiet ta’ min ikun xtara propjetà residenzjali fil-gżira billi ħa self minn bank u jiġrilu li minħabba l-kriżi ma jistax jonora l-obbligi tiegħu.
Il-mexxejja taż-żona ewro u l-Fond Monetarju Internazzjonali riedu li f’kwistjonijiet hekk, ikun hemm proċeduri ċari u ħfief ħalli l-banek iwaqqfu s-self. Imma l-miżura li kellha ddaħħal dil-kondizzjoni iebsa twaħħlet għal darba tnejn fil-Parlament ta’ Ċipru fejn id-deputati urew li xejn ma għoġbithom. Biex Ċipru jkompli jirċievi l-għajnuna finanzjarja li jeħtieġ, irid isolvi din il-kwistjoni. Mhix se tkun ħaġa ħafifa.
Minkejja l-kontroversja, il-qagħda finanzjarja ta’ Ċipru tjiebet. Bil-mod il-kontrolli fuq iċ-ċaqliq tal-fondi barra mill-pajjiż tħaffew sakemm matul dil-ġimgħa żżarmaw għal kollox. Madankollu l-qagħda ekonomika u soċjali għadha mwiegħra. Anki f’Ċipru, seħħ l-istess malintiż li ilu jbejjet fl-istrateġija li segwiet iż-żona tal-ewro biex tikkombatti l-kriżi li mminatha sa mis-sena 2008.
Il-fehma kienet li jekk tissewwa l-qagħda finanzjarja tal-gvernijiet, l-ekonomiji Ewropej se jirpiljaw. Sa issa dan għadu ma seħħx.

***

L-INVESTIMENTI TA’ JUNCKER

Wara kollox bdew deħlin flus ġodda fil-fond għall-investiment strateġiċi li jrid iwaqqaf il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker. Il-proposta tiegħu hi li sa nofs is-sena jkun tellaq dan il-Fond li għandu jlaħħaq aktar minn tliet mitt biljun ewro. Juncker stieden lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex huma wkoll ipoġġu flejjes ġodda fil-fond. Għall-ewwel deher li ftit kien hemm entużjażmu fost l-istati membri biex jagħmlu hekk.
Forsi ċaqalqithom il-propagnada bla waqfien li l-Kummissjoni Ewropea għamlet matul il-ġimgħat biex tippromwovi l-viżjoni ta’ Juncker. Forsi l-istati membri raw li kien jeħtiġilhom juru li qed jieħdu inizjattivi ġodda għall-ħolqien ta’ investimenti, inkella l-votanti se jwaħħlu fihom għall-istaġnar ekonomiku li baqa’ jifni lill-Ewropa. Hu x’inhu, bdew deħlin fl-aħħar impenji ta’ fondi ġodda minn gvernijiet nazzjonali. Qed jagħmlu dan mhux direttament per mezz tal-Ministeri tal-Finanzi imma per mezz ta’ banek nazzjonali ta’ investiment. B’dal-mod, il-Ġermanja, Franza u l-Italja wegħdu s-somom ta’ 8 biljun ewro kull wieħed; Spanja ta’ biljun ewro u nofs; il-Lussemburgu, pajjiż Jean Claude Juncker, ta’ 80 miljun ewro.
Mhumiex ammonti spettakolari. Imma se jagħtu spalla tajba lill-fond Juncker, anki jekk iservu l-aktar bħala turija li l-proposta magħmula mil-President tal-Kummissjoni Ewropea issa qiegħda tirrombla. (Forsi anki l-gvern Malti messu jagħmel kontribut lejn il-Fond.) Sadattant fil-Parlament Ewropew tressqu aktar minn elf emenda għar-regolament li bih hu propost li l-Fond jitwaqqaf legalment.