Għada mistenni jinżamm summit bejn il-mexxejja taż-żona ewro dwar il-futur tal-Greċja. Is-sinjali kollha juru li mhuma jaslu mkien in-negozjati bejn dan il-pajjiz u l-pajjizi tal-ewro u istituzzjonijjiet li fl-aħħar snin sellfuh il-biljuni tal-ewro, suppost biex joħroġ mill-krizi finanzjarja li daħal fiha mis-sena 2010 talanqas. Fil-fatt il-Greċja baqgħet imkaħħla fi krizi u riċessjoni, waqt li l-poplu tagħha baqa’ jġorr piżijiet soċjali enormi.
Wara li l-partit tas-Siriza rebaħ l-elezzjoni Griega kmieni dis-sena, telaq għal negozjati biex iħaffef il-kondizzjonijiet li kienu marbuta mas-self mogħti lill-Greċja mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Bank Ċentrali Ewropew u l-pajjizi membri taz-zona ewro. Mill-bidu tan-negozjati deher ċar li se jkunu diffiċli. Effettivament il-Griegi riedu li jitħaffulhom il-pizijiet finanzjarji waqt li jingħataw aktar fondi biex ikunu jistgħu jibqgħu fil-wiċċ. Imma biex jiġri tal-aħħar, il-kredituri tal-Greċja riedu jsostnu l-kondizzjonijiet li taħthom ingħata s-self. Dan kien kontra l-wegħdi li bihom is-Siriza rebaħ l-elezzjoni.
Matul il-ġimgħat li għaddew, iż-żewġ naħat kienu maqbuda f’din il-lotta. Għall-Ewropej, tista’ tispiċċa biss billi l-Prim Ministru Grieg jaċċetta l-kondizzjonijiet tagħhom, għax huma għamlu biżżejjed konċessjonijiet u hu le. Iriduh jaċċetta kondizzjonijiet li fl-aħħar jistgħu jwasslu biex il-flus li diġà taw lill-Greċja, u l-flejjes ġodda li l-Greċja teħtieġ, jitroddu lura xi darba. Is-sabiħa hi li parti mill-fondi li għandha bżonn il-Greċja trid tintuża biex il-pajjiż iħallas lura lill-Ewropej u lill-Fond Monetarju Internazzjonali ta’ obbligi fuq self li huma diġà tawh fl-imgħoddi.
Matul dax-xahar il-Greċja għamlet numru ta’ maniġġi biex tipposponi kemm tista’ tard dax-xahar ħlasijiet li kellha tagħmel lill-Fond Monetarju Internazzjonali. Issa tinsab riesqa lejn id-deċiżjoni finali. Jekk ma tħallasx, tmur f’falliment u l-probabiltà tkun li jkollha toħroġ miż-żona ewro. Maġġoranza sostanzjali tal-poplu Grieg, aktar minn tliet kwarti, ma tridx dan.
Għall-ewwel darba dil-ġimgħa, uffiċjali għolja tal-Unjoni Ewropea tkellmu fil-beraħ dwar falliment tal-Greċja. L-Ewropej isostnu li bil-miżuri ta’ ħarsien li ttieħdu fiż-żona ewro fl-aħħar snin, il-falliment tal-Greċja u l-ħruġ tagħha mill-ewro ma jwassalx għal kriżi. Mhux kulħadd jaqbel dwar hekk.
Fis-swieq finanzjarji tad-dinja daħal nervożiżmu ġdid dwar dak li qed jiġri. Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi esprima ruħu b’mod kawt ħafna dwar il-problema quddiem il-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament Ewropew. Hu awgura li l-Greċja tiċċaqlaq biżżejjed fl-aħħar jiem li baqa’ ħalli tkun tista’ tingħata l-flus ġodda li teħtieġ. Fis-swieq tal-kambju, il-valur tal-ewro niżel għal wieħed mill-aktar livelli baxxi tiegħu.

***

L-IMMIGRAZZJONI GĦAL DARB’OĦRA

Jekk l-istorja tal-Greċja ilha għaddejja, telenovela oħra li x’aktarx titwal aktar minn tal-Greċja hi l-ġrajja tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa. Wara li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-pjan tagħha biex l-Ewropa tilqa’ għall-immigranti li waslu għandha fl-aħħar ġimgħat, bil-kwoti dwar kif għandhom jitqassmu fost il-pajjiżi membri, tqajmu riżervi fuq hekk fost il-membri. Minkejja li matul dil-ġimgħa l-ministri li għandhom responsabbiltà għall-intern reġgħu ltqagħu, il-proposti tal-Kummissjoni taħt skuża jew oħra għadhom iġġammjati.
Qam l-inkwiet bejn l-Italja, il-Ġermanja u Franza. Ma tlumux, il-Prim Ministru Taljan Renzi jinsab maqbud fi tnalja: l-immigranti deħlin f’pajjiżu u jrid jara x’se jagħmel bihom; il-preżenza tagħhom qed tqanqal diżgwid fl-Italja, fejn numru ta’ amministrazzjonijiet reġjonali qed jisfidaw il-pjan tal-gvern ħalli jqassam l-immigranti mat-territorju Taljan; sadattant l-għajnuna mwiegħda mill-Ewropa m’hemmx li tiġi.
Jidher li l-gvern Taljan qabad it-triq li jagħlaq għajnejh u jħalli lill-immigranti jitilqu mill-Italja lejn Franza u l-Ġermanja. Bit-tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri taħt l-arranġamenti ta’ Xengen, ħaġa bħal din tista’ ssir faċilment. Xejn ma għoġbithom din il-biċċa lill-Franza u l-Ġermanja. Ipprotestaw bil-qawwi.
Il-verità tibqa’ li dwar l-immigrazzjoni fl-Ewropa, ħadd ma jrid jidher ikreh għax donnu qed jitmellaħ mil-lat umanitarju. Imma meta l-pajjiżi tal-Unjoni jiġu biex iġorru xi biċċa mill-piżijiet, politikament qed jitmeżimżu. Parti sostanzjali mill-elettorati, jekk mhux maġġoranza, huma kontra l-immigrazzjoni u qed ikunu l-partiti hekk imsejħa “estremi” li qed jirbħu minn dan id-dwejjaq. Sadattant, l-immigranti qed jibqgħu jaslu.

***

TAXXI GĦAL DARB’OĦRA

Fil-qasam tal-politika dwar tassazzjoni wkoll, l-istorja tkompli. Fi tmiem is-sena li għaddiet, faqqa l-iskandlu ta’ Luxleaks — meta nstab kif għal snin twal, il-Lussemburgu kien qed jipprovdi rifuġju għall-kumpaniji multinazzjonali biex jeħilsu mit-taxxi jekk jiftħu uffiċċju hemm. Minn dak iż-żmien, fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni Ewropea tmexxew inizjattivi għal regoli ġodda biex fuq skala Ewropea, jrażżnu prattiċi dwar tħaddim ta’ taxxi minn kumpaniji u stati li jingħataw diversi titoli: ippjanar ta’ taxxa “agressiv”; nuqqas ta’ trasparenza; ċaqliq moħbi ta’ profitti eċċ eċċ.
Il-Parlament għandu żewġ kumitati jiltaqgħu regolarment fuq das-suġġett. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea dil-ġimgħa ħarġet abbożż ta’ regoli dwar kif għandhom jiġu mħaddma s-sistemi ta’ taxxi mill-pajjiżi membri. Il-Kummissjoni qed tisħaq fuq il-ħtieġa li jiddaħħal mal-Ewropa kollha, mudell wieħed — imsejjaħ “konsolidat” — ta’ kif il-kumpaniji jżommu l-kontijiet tal-operat tagħhom u jikkalkolaw il-profitti li jagħmlu. Trid iddaħħal il-prinċipju li t-taxxi jiġu ċċarġjati fil-post fejn isiru l-profitti. Prinċipju ieħor li se tagħfas fuqu għandu x’jaqsam mal-ħtieġa li d-deċizjonijiet dwar taxxa fuq kwalunkwe kumpanija jkunu trasparenti kull fejn u kull meta jittieħdu.
Irridu nistennew biex naraw kif il-gvernijiet Ewropej se jilqgħu dawn il-proposti lil hinn mill-kliem sbieħ tal-bidu. Uħud minnhom zgur mhux se jieħdu gost jaraw lill-Kummissjoni Ewropea tindaħal fil-mod kif titmexxa t-tassazzjoni tagħhom. Sa issa dan għadu qasam li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istati membri u jrid ikun hemm qbil unanimu bejniethom biex jittieħdu inizjattivi fih.

Facebook Comments

Post a comment