Il-Prim Ministru Grieg Tsipras għamel wegħda ċara lill-poplu Grieg dwar ir-referendum li organizza ġimgaħtejn ilu. Jekk jivvotaw le għall-offerta ta’ aktar għajnuna finanzjarja lill-Greċja kif magħmula mill-pajjiżi taż-żona ewro, kienu se jsaħħulu idu u fin-negozjati li jsiru wara, se jikseb kondizzijonjiet aħjar. B’maġġoranza sostanzjali, l-Griegi vvotaw le.
L-Ewropej xandruha mill-bidu: il-poplu Grieg jaqbillu jivvota iva fir-referendum għax jekk jgħid le, huma se jaffaċċjaw lill-gvern Grieg b’kondizzjonijiet aktar iebsa. Hekk ġara. Fi sfond ta’ flus li qed jixxottaw fil-banek u negozji qed jinxfu mill-ħidma, b’ħafna kolpi ta’ xena, in-negozjati bejn Tsipras u “sħabu” l-Prim Ministri u kapijiet tal-istat Ewropew żvolġew f’maratona konfuża fejn l-aqwa rwol ħaditu l-Ġermanja. L-Ewropej baqgħu jisħqu fuq kif kienu tilfu kull fiduċja f’Tsipras. Jekk se jagħtuh l-appoġġ finanzjarju li kellu bżonn biex iżomm il-banek miftuħa u jkun jista’ jiffinanzja l-bżonijiet materjali ta’ pajjiżu, se jkollu jaċċetta miżuri tassattivi mill-aktar iebsa.
In-negozjati kienu drammatiċi, mhux biss twal. Tsipras kellu jibla’ kollox. Kien mingħajr xi forma ta’ appoġġ finanzjarju biex iżomm il-banek għaddejja. Ma kellux miżuri lesti biex jilqgħu għal x’jiġri jekk jispiċċa mtajjar miż-żona tal-ewro, kif il-ħin kollu kien mhedded li se jiġrilu. U aċċetta kondizzjonijiet agħar sew minn dawk li l-poplu Grieg kien irrifjuta fir-referendum.
Mhux ta’ b’xejn li qam il-kliem dwar kif il-Greċja kienet ġiet umiljata.

XI ASPETTI TAL-FTEHIM

Fost il-kondizzjonijiet fil-ftehim, hemm it-tneħħija ta’ rati speċjali tal-VAT għall-gżejjer Griegi, it-tnaqqis ta’ benefiċċji fil-qasam tal-pensjonijiet, il-privatizzazzjoni ta’ assi ewlenin tal-istat fi żmien qasir, bidla radikali fil-mod kif jiġu ngaġġati u mkeċċija l-ħaddiema u liberalizzazzjoni wiesgħa f’ħafna setturi tal-ekonomija Griega. Kollox marbut ma’ dati preċiżi dwar kif u meta jridu jitwettqu l-miżuri u kif u meta l-Parlament Grieg irid japprovahom – skadenzi qosra għall-aħħar. Bosta mill-miżuri se jkollhom l-effett li jtaqqlu l-awsterità fil-Greċja li tant ilhom isiru protesti kontriha.
Sadattant, in-naħa Ewropea stqarret li jekk jiġu obduti l-kondizzjonijiet tagħha, tara kif se tirranġa bex tikkonsidra t-talba Griega għal aktar finanzi. Fi żmien aktar qarib, kienet tara kif se tipprovdi għajnuna temporanja biex is-sistema finanzjarja Griega ma tikkollassax għal kollox.
Miżura li uriet is-sens ta’ sfiduċja li daħal fin-negozjati kienet dik li jitwaqqaf fond taħt tmexxija Ewropea fejn jitpoġġew il-flus li għandhom jidħlu mill-privatizzazzjoni ta’ assi Griegi, sa totall ta’ 50 biljun ewro. Dal-fond ikun garanti għall-ħlasijiet lura li l-Ewropej jistennew li jirċievu fuq is-self mogħti minnhom lill-Greċja. Għandu jservi wkoll biex il-banek tal-pajjiż jerġgħu jitpoġġew fuq saqajhom.
Ftit setgħet instabet miżura aktar umiljanti. Anzi, l-proposta għall-bidu kienet li dal-fond fejn jinżammu l-flejjes mill-bejgħ tal-assi Griegi jitpoġġa fil-Lussemburgu. Il-“kompromess” spiċċa li jitpoġġa fil-Greċja imma taħt kontroll Ewropew.

L-EWROPEJ

X’wassal lill-mexxejja Ewropej biex juru daqstant għebusija mal-Greċja. Jissemma l-fatt li n-negozjaturi ta’ Tsipras, inkluż hu nnifsu, fl-aħħar xhur eżasperaw lill-Ewropej bit-tattiċi tagħhom ta’ ħela ta’ żmien u retorika fil-vojt. Uħud mill-gvernijiet, fuq quddiem nett il-Ġermanja u l-Finlandja għandhom elettorati u deputati fil-parlament nazzjonali li huma għal kollox kontra l-idea li l-Greċja tibqa’ tirċievi l-flus. L-uniku mod kif setgħu jagħlqulhom ħalqhom hu billi jissottomettu lill-Greċja għal kondizzjonijiet tant iebsa li ma tkunx tista’ toħroġ minnhom.
U hemm il-punt ukoll li fl-aħħar, uħud mill-mexxejja waslu għall-konklużjoni li m’hemmx triq oħra: ikun aħjar jekk il-Greċja titlaq miż-żona ewro. Dil-ħaġa ma togħġobx lil kulħadd.
Fil-fatt kien hemm rapporti ta’ diżgwid bejn Franza u l-Ġermanja fuq hekk. Franza baqgħet tisħaq fuq il-punt li dħul fl-ewro hemm; ħruġ le. Dwar hekk, il-Ġermanja bidlet il-pożizzjoni tagħha. Jidher li l-kanċellier Merkel xejn ma apprezzat il-fatt li grupp tekniku ta’ uffiċjali minn Franza kienu għenu lill-gvern ta’ Tsipras ilesti l-proposti tiegħu qabel tpoġġew quddiem is-summit Ewropew.

IL-GRIEGI

Il-qbil ta’ Tsipras mal-proposti Ewropej għadu qed jipprovoka diżgwid kbir fil-partit tiegħu. L-eks ministru Veroufakis ħareġ bil-miftuħ kontra. Tsipras innifsu stqarr fuq it-televixin Grieg u wara fil-Parlament Ewropew li l-ftehim kien ħażin u kellu jiffirmah għax ma kienx għad baqa’ triq oħra quddiemu. Issejjaħ strajk fost ħaddiema tas-settur publiku u nżammet dimostrazzjoni vjolenti fiċ-ċentru ta’ Ateni.
Quddiem l-esiġenza Ewropea li sal-Erbgħa, il-ftehim milħuq jgħaddi mill-Parlament Grieg Tsipras kellu jikkuntenta bil-voti tal-partiti fl-Oppożizzjoni biex iġib l-approvazzjoni ta’ maġġoranza parlamentari. Deputati tas-Siriża, f’numru mhux żgħir, ivvotaw kontra jew ma marrux għall-vot. Dan qed joħloq diżgwid politiku kbir fi ħdan is-Siriża. Malajr xterdu x-xnigħat ta’ elezzjoni bikrija.

SE JIRNEXXI?

L-aktar mistoqsija importanti madankollu tibqa’ din: it-triq il-ġdida li ġiet isettjajta għall-Greċja, bil-piżijiet u l-umiljazzjonijiet tagħha, se twassal biex tinħall dil-kriżi li baqgħet bla tmiem? Minkejja d-diskors tal-mexxejja Ewropej, ftit deher li tista’ tingħata tweġiba inkoraġġanti.
Bosta ekonomisti, uħud minnhom magħrufa sew, ħarġu jistqarru li l-ftehim, bl-awsterità ekstra li se jkompli jimponi fuq il-Greċja se jfalli aktar minn ta’ qablu. Il-Fond Monetarju Internazzjonali fi stqarrija bla ebda preċedent, għamel l-istess twissija. Id-djun li l-Greċja tinsab mgħobbija bihom mhumiex sostenibbli, qal; bihom, il-pajjiż m’għandu l-ebda tama ta’ fejqan. Din hi konklużjoni li l-Ġermaniżi bl-ebda mod ma jridu jisimgħu – u tifhimhom ukoll, għax huma ħarġu l-aqwa parti mis-self li sar lill-Greċja, għalkemm dejjem b’mod proporzjonali ma’ pajjiżi membri oħra taż-żona ewro, inkluża Malta.
Waqt laqgħa nhar l-Erbgħa tal-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament Ewropew jien stqarrejt il-fehma tiegħi li l-ftehim ma jistax jirnexxi. Anzi jekk qabel l-Ewropej kienu jgħidu li l-problema hi waħda ta’ fiduċja, u riedu jfissru fiduċja fil-Greċja, issa l-istess mistoqsija daret fuqhom.
Għax kif jista’ jkollok fiduċja f’min ġiegħel li jiġi maqbul pakkett ta’ miżuri li ma jistax jirnexxi? Kemm jekk ma jafhiex dil-ħaġa, kemm jekk jafha, il-konsegwenza bilfors tkun li min insista fuqha, tgħabba b’dubji kbar ta’ fiduċja.

Facebook Comments

Post a comment