Fil-Parlament Ewropew matul din il-ġimgħa quddiem il-kumitati tal-Parlament bdew jidhru l-Kummissarji l-ġodda li se jkunu membri tal-Kummissjoni Ewropea mmexxija minn Jean Claude Juncker. Kull laqgħa ddum tliet sigħat. Il-kummissarju l-ġdid j/tagħmel prezentazzjoni ta’ xi għaxar minuti fejn i/tfisser kif qed j/tara li d-dekasteri relattivi jistgħu jitmexxew. Imbagħad id-deputati prezenti (mhux kollha) jagħmlu mistoqsija ta’ minuta u l-kummissarju jirrispondi għal mhux aktar minn zewġ minuti.
Prezenti fil-gabubi tagħhom ikun hemm l-interpreti lesti biex jaqilbu dak li qed jintqal f’kull waħda mill-ilsna tal-pajjizi tal-Unjoni. Imma b’mod ġenerali indunajt li l-biċċa l-kbira mill-interventi qed isiru bl-Ingliz; anqas imma ta’ spiss ħafna bil-Franċiz; u terġa’ anqas ta’ spiss bil-Ġermaniz.
Jidher li hemm sentiment mifrux sew favur l-uzu ta’ ilsna li għandhom għarfien kbir. B’hekk, il-messaġġ li jrid iwassal id-deputat jasal b’mod immedjat u ma jkollux jgħaddi mill-passatur tal-interpretu. Allura r-reazzjonijiet ukoll għal dak li qed jintqal, joħorġu b’mod aktar spontaneu.

***

VOT FAVUR KARMENU VELLA

Wara l-presentazzjoni tajba li l-perit Karmenu Vella għamel quddiem il-kumitat tal-Parlament Ewropew għall-ambjent u quddiem membri ta’ kumitati oħra interessati fid-dekasteri li se jkun qed imexxi bħala Kummissarju, issa nafu li l-ħatra tiegħu se tkun approvata. Li jonqos huwa li d-deputati konċernati qed jistennew li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker jippreċiza aktar kif se jkunu mqassma r-responsabbiltajiet għall-izvilupp sostenibbli.
Huma jħossu li waqt li l-perit Vella ngħata responsabbiltà għalih, dwar l-ebda viċi president tal-Kummissjoni ma jissemma li se jkollu responsabbiltà għall-izvilupp sostenibbli. B’hekk, iqisu li dan il-qasam jista’ jispiċċa minsi. Jidher li diġà dil-biċċa tqajmet ma’ Juncker innifsu li skont ċerti sorsi, ma kienx ċar bizzejjed fil-kjarifiki li ta.
Sadattant, il-perit Vella issa se jkollu quddiemu l-ħidma mhux faċli biex jibni tim ta’ uffiċjali li jgħinuh bħala “kabinett” waqt li jidħol biex jieħu kontroll tad-direttorati tal-Kummissjoni li se jaqgħu taħtu. Se tkun ħidma komplikata fejn irid isib nies kompetenti li jkunu tal-fiduċja tiegħu waqt li jiftaħ rabtiet ġodda ma’ nies li ilhom imexxu direttorati tekniċi li għandhom firxa Ewropea bħala civil servants tal-Kummissjoni.

***

IS-SMIGĦ TA’ KUMMISSARJI OĦRA

Fost il-Kummissarji ġodda li dwarhom l-aktar kienet mistennija kontroversja, kienu jinsabu l-kummissarji proposti minn Spanja u mill-Ungerija. Tal-ewwel intqal li kellu konflitti ta’ interess personali fl-inkarigu li ngħata biex jissorvelja l-qasam tal-enerġija. Barra minn dan, waqt laqgħat pubbliċi li nzammu matul il-kampanja Ewropea ta’ Mejju, hu kien ħareġ b’għadd ta’ espressjonijiet li ħafna qiesu bħala sessisti għall-aħħar. Tat-tieni hu magħruf bħala marbut wisq mal-politika mitqiesa retrograda tal-gvern tal-Prim Ministru Orban fl-Ungerija.
L-aktar li jidher marru tajjeb kienu l-Kummissarji li diġà kienu Kummissarji qabel. U dan anki meta r-responsabbiltajiet il-ġodda tagħhom se jkunu kompletament differenti minn dak li kellhom sa issa, bħal fil-kaz tal-Kummissarju Svediza Malmstrom, li mill-ġustizzja u affarijiet relatati mal-immigrazzjoni, se tkun inkarigata issa mill-kummerċ barrani.
Ir-raġuni għaliex marru tajjeb x’aktarx kienet li kellhom familjarità ma kif iġibu ruħhom id-deputati Ewropej u jafu x’kienu qed jistennew minnhom. Dan għenhom ħafna biex jirrelataw mal-interrogaturi tagħhom. Anki jekk ma kellhom xejn ġdid xi jgħidu (li wara kollox kien il-kas ta’ ħafna mill-Kummissarji) xorta ingħataw laqgħa tajba.

***

LORD HILL U S-SERVIZZI FINANZJARJI

Ieħor li kien mitqies bħala nomina stramba kien Lord Hill tar-Renju Unit impoġġi bħala Kummissarju biex jieħu ħsieb is-servizzi finanzjarji. Meta ġie quddiem il-kumitat dwar l-ekonomija u l-finanzi fil-Parlament Ewropew, kellu jaffaċċja numru ta’ mistoqsijiet minn deputati li riedu jkunu jafu kif ċittadin ta’ pajjiz li baqa’ barra miz-zona tal-ewro se jkun responsabbli għat-tmexxija tal-ewro? Mistoqsijiet oħra kellhom x’jaqsmu ma’ kif membru ta’ pajjiz li se jagħmel referendum dwar jekk għandux joħroġ mill-Unjoni, jista’ jkun f’qagħda tajba biex jieħu deċizjonijiet li jkabbru l-integrazzjoni finanzjarja?
Quddiem ħafna mill-mistoqsijiet li poġġewlu d-deputati fuq x’biħsiebu jagħmel dwar hekk jew dwar hekk, Lord Hill qal għal darba wara l-oħra li ma kellux zmien jistudja sal-aħħar is-suġġetti li se jaqaw taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Jew qal li jistenna li ħafna mid-deċizjonijiet jittieħdu per mezz ta’ konsultazzjoni sħiħa fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.
Fil-fatt, il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi ħareġ bil-pozizzjoni li Lord Hill għandu jerġa’ jiġi quddiem il-kumitat biex jagħti tweġibiet “serji” għall-mistoqsijiet il-kbar.
Madankollu jidher li kien hemm ftehim informali bejn il-gruppi politiċi l-kbar biex kemm jista’ jkun iħaffu l-process tas-smiegħ tal-Kummissarji u ma joħolqux wisq problemi għal xulxin. Formalment, il-gruppi politiċi kollha ċaħdu li kien jezisti xi ftehim hekk. Sadattant, lejn l-aħħar tal-ġimgħa bdew iqumu animositajiet bejn soċjalisti, popolari u liberali dwar kif kienu qed jiġu trattati ċerti kummissarji

***

GĦEJA

Punt li deherli ċar għalkemm ftit issemma hu li s-smigħ li qed jgħaddu minnu l-Kummissarji l-ġodda qed jgħajjihom sew. Iridu jagħmlu tliet sigħat bilqiegħda quddiem ġabra ta’ xi tliet mitt għal erba’ mitt ruħ u jwieġbu malajr għal mistoqsijiet li jsirulhom mid-direzzjonijiet politiċi kollha. Veru li x’aktarx ikollhom ħjiel sew ta’ x’mistoqsijiet se jqumu. Veru li l-proċedura hi waħda ratba fis-sens li la tkun saret il-mistoqsija u ngħatat ir-risposta, l-kelma tmur għand deputat ieħor biex isaqsi xi ħaġa oħra hu.
Fizikament imma, l-ħtieġa ta’ konċentrament kontinwu u li zzomm prezentazzjoni ħajja titlob sforz qawwi. Mhux kulħadd irnexxielu jsostni dan l-isforz sal-aħħar. Minn dawk li rajt jipprezentaw il-kaz tagħhom, l-aktar wieħed li rnexxa kien il-kummissarju nominat Moscovici, minn Franza, li baqa’ frisk u fluwenti għal tliet sigħat sħaħ. L-istess ħaġa ma tistax tintqal għal Lord Hill, li beda fuq lanja ħajja, kwazi ta’ briju, imma fl-aħħar nofs siegħa instema’ kemxejn ripettitiv, biex ma ngħidx ilaqlaq.

***

BAĠIT TAL-UNJONI

It-tħassib qed jikber dwar id-defiċit li bih qed topera l-Unjoni Ewropea. Mhux biss il-ħofra fil-finanzi ma tnaqqsitx fl-aħħar sena, talli jidher li baqgħet tikber. Hi mistennija li tkompli tikber għal zewġ raġunijiet.
Il-Kunsill Ewropew baqa’ jgħabbi funzjonijiet ġodda fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea f’oqsma bħall-għaqda bankarja li tinsab għaddejja bħalissa. Dawn il-funzjonijiet qed jiftħu linji ġodda ta’ ħidmiet li jeħtieġu fondi ġodda, liema rizorsi mhux qed ikunu provduti.
Imbagħad bi tweġiba għall-embargo Russu fuq l-importazzjoni ta’ ikel mill-Ewropa, beda jingħata kumpens lil produtturi tal-frott u ta’ oġġetti magħmula mill-ħalib. L-ammonti involuti baqgħu jizdiedu għax daħlu aktar talbiet matul il-ġimgħat minn pajjizi bħall-Polonja, il-pajjizi Baltiċi, l-Italja u Franza fost oħrajn.
Il-problema qed tkun li għad ma hemmx ftehim minn fejn ġejjin il-flus għal dan kollu. Meta ltaqgħu dan l-aħħar biex jiddiskutu s-suġġett, il-ministri tal-biedja Ewropej ma laħqux ftehim jekk għandhomx jibqgħu jintuzaw il-voti tal-biedja fil-baġit tal-Kummissjoni jew jekk għandhomx jintuzaw fondi oħra. Joħorġu minn fejn joħorġu l-flus tal-kumpens ħaġa waħda hi zgura: se jkomplu jkabbru d-defiċit li bih qed topera l-Unjoni Ewropea.

***

KUMPENS GĦALL-EMBARGO RUSSU

Fil-fatt hemm inċertezza sħiħa dwar sa fejn se titwassal il-kwistjoni tal-kumpens għall-embargo Russu. Jintqal li l-istimi tad-danni li se jsofru l-produtturi kif magħmula minn rapprezentanti tal-industriji u n-negozji huma esaġerati. Barra minn hekk qam skandlu zgħir meta nstab li ditti mill-Italja u l-Polonja kienu qed jingħataw kumpens meta ma kinux intitolati għalih.
Sa issa l-prodotti milquta kienu tal-frott u tal-ħalib. Mistennija jibdew jintlaqtu prodotti oħra, fosthom tal-majjal, taċ-ċanga u tat-tiġieġ. Ma tkunx ħaġa tal-iskantament jekk din il-problema tibqa’ magħna għal zmien sew, u li anki toħloq komplikazzjonijiet li wieħed ma jistax ibassar għalissa.

5 TA’ OTTUBRU 2014

Facebook Comments

Post a comment