Ġimgħa ilu t-titolu ta’ dan l-artiklu kien mistoqsija: Il-krizi Griega maħlula? Mhux talli ma nħallitx, talli l-kwistjoni tħawdet b’mod kritiku meta l-Prim Ministru Grieg Tsipras iddeċieda li jsejjaħ referendum dwar l-offerta li kellu sa tmiem l-aħħar ġimgħa sħiħa ta’ Ġunju mill-ewrogrupp u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Ipproponew xi bidliet fil-programm ta’ awsterità li riduh idaħħal qabel jgħaddulu self ġdid, waqt li aċċettaw uħud mill-proposti tiegħu.
Huma ħasbu li kien qed jitwettaq progress, waqt li hu qatagħha favur referendum ta’ malajr fejn sejjaħ lill-Griegi biex jivvotaw kontra l-offerta tal-Ewropej. Sadattant baqgħet dejjem riesqa l-iskadenza tal-aħħar ta’ Ġunju f’liema data il-Greċja kellha tħallas xi biljun u sitt mitt miljun ewro lill-Fond Monetarju Internazzjonali mingħajr ma kien se jkollha finanzi biex tagħmel hekk.
Il-jiem li wasslu sa dik id-data kienu mimlija kontroversji, akkużi, proposti u kontra proposti, telefonati u laqgħat bejn dawk kollha interessati. Id-diċeriji u l-aħbarijiet imħawda ma naqsux. Malajr il-Prim Ministru Tsirpas ressaq il-proposta għal referendum quddiem il-Parlament. Qabel mal-Ewropej indunaw x’inhu jiġri kien ġab l-approvazzjoni biex jinżamm referendum fil-jum meta se jidher dan l-artiklu.
Meta waslet id-data tat-Tlieta biex il-Greċja tħallas il-flus mistennija minnha lill-Fond Monetarju Internazzjonali, il-ħlas ma sarx. Biss beda jintqal li dan ma jfissirx li awtomatikament il-Greċja għandha tiġi dikjarata falluta!

X’ĠARA EZATT?

It-taħwid u l-inċertezzi baqgħu għaddejja fuq il-livelli kollha. Reġgħu saru kuntatti fl-ogħla livell mal-Prim Ministru Grieg u l-Kummissjoni Ewropea. Nhar it-Tnejn u fit-tmiem il-ġimgħa ta’ qabel, issemmew proposti ġodda fejn l-Ewropej qalu li qed jikkonfermawlu li jista’ jibqa’ jipproteġi lill-pensjonanti ż-żgħar bl-għotja ta’ flus li jirċievu ħalli ssostnihom fil-faqar tagħhom. Kienu tal-Fond Monetarju Internazzjonali, beda jintqal, li riedu jneħħuha. Talba oħra ta’ Tsipras kienet li jingħata impenn dwar ir-ristrutturar… jiġifieri t-tnaqqis… tad-dejn li pajjiżu kien qed iġorr. Mingħajr dan, baqa’ jinsisti, kienu jkunu qed jagħżqu fl-ilma, għax il-Greċja b’xejn ma kienet tiflaħ id-djun li tgħabbiet u għabbewha bihom. Dwar hekk, m’hemmx dubju, Tsipras għandu raġun.
Imma m’int se ssib lil ħadd li lest jaħfirlek malajr malajr is-somom kbar li jkun silfek. Saru sforzi biex tinstab formola li biha id-djun eżistenti jitħaffu: mhux billi jiġu kanċellati, imma billi l-ħlasijiet fuq imgħax u kapital lura jitressqu aktar lura u jiġu sfumati. Imbagħad il-gvern Grieg reġa’ ċaqlaq kollox: sitt sigħat qabel għalqulu d-data u l-ħin li fihom kellu jħallas lill-Fond Monetarju Internazzjonali. Ippropona li jsir qbil dwar pjan ġdid ta’ salvataġġ, did-darba mingħajr il-Fond Monetarju, u skont ir-regoli tal-Fond ġdid Ewropew li ż-żona tal-ewro stess waqqfet sentejn ilu biex tieħu ħsieb is-salvataġġi tal-membri tagħha.
Iż-żigżag tal-gvern ta’ Tsipras ma mpressjonax lill-membri tal-ewro grupp meta tkellmu bejniethom it-Tlieta filgħaxija. Huma stqarrew li l-proposta tal-gvern Grieg kellha tgħaddi mill-kanali amministrattivi li twaqqfu biex jitħaddem il-Fond Ewropew. Jidher li wara l-kwinti, l-messaġġ kien li jekk il-gvern Grieg ried jasal x’imkien, kellu jsegwi l-proposti li sarulu b’mod mhux uffiċjali bejn is-Sibt u t-Tnejn per mezz l-aktar tal-President tal-Kummissjoni Juncker.

REFERENDUM TAL-AĦĦAR?

Sadattant, kif wieħed seta’ jistenna, l-affarijiet kienu qed jagħqdu l-Greċja. Sat-Tnejn filgħodu, sar magħruf li l-Bank Ċentrali Ewropew kien iddeċieda li mhux se jżid fil-krettu li kien qed jagħti lill-Bank Ċentrali Grieg biex dan jappoġġja l-ħlasijiet li l-banek Griegi kienu qed joħorġu. Aktar u aktar Griegi marru biex jirtiraw id-depożiti tagħhom. Il-gvern iddikjara li l-banek se jinżammu magħluqa għal ġimgħa sħiħa.
It-Tnejn inżammet dimostrazzjoni kbira fil-qalba ta’ Ateni b’appoġġ lill-gvern u l-parir tiegħu li l-Griegi jivvotaw le fir-referendum. Ftit wara, l-Prim ministru Tsipras ta intervista fuq it-televixin Grieg; sa dak il-ħin, l-istħarriġ tal-opinjoni publika kien qed juri li l-le jinsab minn quddiem. Imma l-għeluq tal-banek beda joqros. L-inkwiet fost il-poplu beda jiżdied. L-avvanz tal-le ċkien. Pensjonanti żgħar li jużaw biss il-banek biex jiġbru l-pensjoni u t-tfaddil tagħhom bdew jippanikkjaw. Numru kbir ta’ banek reġgħu infetħu imma biss għall-pensjonanti li ma setgħux isarrfu aktar minn ċertu ammont. Saret dimostrazzjoni kbira f’Ateni, din id-darba minn ċittadini li huma favur l-iva.
Waqt li l-kanċellier Ġermaniża saħqet li ma għandhom isiru l-ebda diskussjonijiet qabel jittieħed il-vot tar-referendum, oħrajn ipprovaw isibu xi forma ta’ kompromess tal-aħħar sekonda. Il-Prim Ministru Grieg reġa’ f’nofs il-ġimgħa indirizza lill-poplu Grieg minn fuq it-televixin; ħeġġiġhom jivvotaw le.

SE TISPIĊĊA L-ISTORJA?

Fejn se jwassal dan kollu?
Is-sitwazzjoni hi mwiegħra, mhux biss għall-Greċja imma wkoll għaż-żona ewro. Jiġri x’jiġri bir-referendum il-qagħda ekonomika u politika fil-Greċja se tiġi mċaqilqa mill-għeruq – sakemm ir-referendum ma jitħassarx għax fl-aħħar minuta jinstab qbil mal-Ewropej jew il-gvern Grieg ma jirrakkomandax l-iva, ukoll għall-istess raġuni. Jekk tgħaddi tal-gvern billi jirbaħ il-le, se jsib lill-Ewropej b’anqas u anqas simpatija lejh, jekk baqagħlhom minha. Rebħa tal-iva tkun tfisser il-waqa’ tal-gvern Grieg imma min se jeħodlu postu?
Mill-kriżi Griega ż-żona ewro ma tistax tinlaqat wisq ħażin finanzjarjament u ekonomikament. Biss, il-prestiġju u s-saħħa “morali” tagħha se jkunu affettwati bil-kbir. L-hekk imsejjaħ “soft power” li għamel l-Unjoni Ewropea dak li hi, u li ċċajpar xi ftit fl-aħħar snin bil-kriżijiet finanzjarji u l-istaġnar ekonomiku, jiddgħajjef b’sogru li l-estremiżmi politiċi jissaħħu.
Għalissa dan kollu ftit jidher li jista’ jaffettwa direttament llil Malta, ħlief li nkunu tlifna l-miljuni li sellifna lill-Greċja jekk l-affarijiet jimxu sal-aħħar. Imma la aħna membri taż-żona ewro u tal-Unjoni Ewropea, dak li jolqot ħażin lilhom, jispiċċa jaffettwa lilna lkoll. Dan għandu jfisser li rridu nkunu lesti nagħtu s-sehem tagħna favur kull soluzzjoni li b’mod ġust u mqassam tajjeb, tgħin ħalli l-poplu ħaddiem u ta’ dħul baxx fil-Greċja, li sa issa kellu jġorr wisq piżijiet, ma jibqax ibati ta’ xejn għal aktar snin.
Personalment nemmen li kull “soluzzjoni” li nstabet sa issa fil-prattika ssarrfet f’dannu akbar għall-ħaddiema bi dħul baxx, għas-self employed iż-żġħar u għall-pensjonanti tal-Greċja.

Facebook Comments

Post a comment