L-inkwiet fl-Ewropa dwar l-immigrazzjoni rregolari baqa’ għaddej, anzi kiber, matul il-ġimgħat tas-sajf, u mhux fil-Mediterran biss. Fl-aħħar żminijiet, numru kbir ta’ immigranti nġabru madwar il-port ta’ Calais fi Franza biex jipprovaw jidħlu b’kuntrabandu fir-Renju Unit. Uħud irnexxielhom jagħmlu dan, oħrajn inżammu lura imma baqgħu jipprovaw. It-trennijiet li jgħaddu minn taħt il-baħar bejn Franza u l-Ingilterra beda jkollhom dewmien kbir sabiex tinżamm sorvelja sħiħa u l-immigranti ma jitħallewx jidħlu fil-pajjiż bil-moħbi. Madwar Calais, nfirxu mandraġġi fejn poġġew jgħixu l-immigranti jistennew li jaħarbu lejn l-Ingilterra.
L-awtoritajiet Ingliżi u Franċiżi ftehmu kif se jimmontaw sistemi aktar żguri ta’ ħarsien waqt li jżommu t-trasport bil-ferrovija għaddej regolarment. Sa kmieni dil-ġimgħa, l-qagħda kienet qed issir dejjem aktar diffiċli bl-opinjoni publika fi Franza u fir-Renju Unit tkompli tisħon kontra l-immigranti. Iltaqgħu l-ministri tal-affarijiet barranin taż-żewġ pajjiżi biex jiftehmu dwar x’għandu jsir aktar. Kitbu ittra flimkien li ppubblikaw fil-ġurnali.
Fiha stqarrew li l-problema tal-immigrazzjoni saret akuta u li kien hemm bżonn tiġi ttrattata bħala problema Ewropea b’soluzzjoni Ewropea. Kif wieħed seta’ jistħajjel id-dikjarazzjoni Franko-Ingliża qajmet reazzjoni qawwija fl-Italja fejn il-Prim Ministru Matteo Renzi ilu jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Italja ma tinżammx iġġorr il-piż waħidha tal-immigranti dejjem jaslu u li politika f’dal-qasam għandha titqies bħala responsabbiltà Ewropea. Fost dawk li sa issa rreżistew dil-ħaġa kien appuntu l-Prim Ministru Ingliż Cameron.
Meta l-Kummissjoni Ewropea xi ġimgħat ilu ħarġet bi proposti għal front Ewropew magħqud fuq l-immigrazzjoni ftit li xejn sabet appoġġ. Il-gvern Ingliż ma’ oħrajn irrifjuta li l-Kummissjoni iddaħħal kwoti bejn il-pajjiżi dwar kemm se jagħtu kenn lill-immigranti. Franza għalkemm qagħdet aktar kawta kif titkellem, ukoll rat kif tagħmel biex tiżloq minn xi obbligi Ewropej ġodda f’dal-qasam.

KUNTRASTI TA’ POLITIKA

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jidher li l-problemi tal-immigrazzjoni se jispiċċaw jikkonfrontaw lil kważi l-gvernijiet Ewropej kollha. Għandhom l-isfida ta’ kif se jilqgħu, jekk dik hi l-kelma, l-wasla mhux mixtieqa ta’ eluf ta’ immigranti; u l-problema politika ta’ kif se jilqgħu għall-impatt tal-immigrazzjoni fuq l-elettorati tagħhom. Effettivament mal-kwistjoni tal-qgħad, id-dwejjaq popolari bl-immigrazzjoni qed isiru l-aktar fattur li jwassal biex iċ-ċittadini jibdlu l-preferenza tagħhom minn partit għal ieħor meta jiġu għall-vot.
Ma’ dan, qed jingħaqad tħassib ġdid dwar kif l-immigrazzjoni li qed isseħħ se taffettwa s-sigurtà Ewropea. Mill-bidu kienet ħaġa ċara li fil-kurrenti ta’ migrazzjoni, setgħu jiġu nfilzati mibgħuta tal-gruppi estremisti iżlamiċi mil-Lvant Nofshani. Għall-bidu, publikament dan il-biża’ kien ġie mlaqqam bħala fantasija minn esperti uffiċjali tas-sigurtà. Imma issa jidher sew li qed tittieħed b’serjetà kbira l-possibiltà li, fost l-immigranti, jindehsu terroristi jew nies li jintbagħtu biex jingaġġaw rekluti mill-Ewropa għal gruppi terroristiċi. Ċelloli ta’ dat-tip li ħadd mhu żgur kif twaqqfu nstabu fi Spanja, Franza u fir-Renju Unit.
Il-fatt jibqa’ li l-membri tal-Unjoni Ewropea huma maqsumin sew quddiem l-immigrazzjoni li baqgħet tavvanza. Kulħadd għal rasu – dik donnha hi t-triq li mexjin fiha, minkejja li ntqal li fl-aħħar kien sar ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea magħmula wara t-traġedji tal-għarqa ta’ mijiet ta’ immigranti barra l-kosta tal-Libja. Biss il-ftehim li ntlaħaq aktar minn kull ħaġa oħra, kien it-tlaqqiegħ flimkien tal-proposti magħmula mill-istati membri, fuq bażi volontarja, kif baqgħu jinsistu, biex jassorbu l-immigranti li waslu fl-Italja u l-Greċja f’anqas minn sena. Dwar x’se jiġri fil-futur, kollox għadu fl-ajru.
Teżisti diverġenza kbira fil-mod kif l-istati membri jħarsu lejn l-immigrazzjoni. L-aktar pajjiż li qed jiġbed għal rasu hu l-Ungerija. Il-Prim Ministru Ungeriż Victor Orban stqarr bl-aktar mod skjett li l-pajjiż ma jiflaħx jaċċetta aktar immigranti fi ħdanu u mhu se joffri jew jaqbel li jieħu l-ebda immigrant li daħal fl-Ewropa mill-Italja jew x’imkien ieħor. Sadattant, l-Ungerija qed tibni ħajt tal-barbed wire mal-fruntiera tagħha tal-lvant minn fejn kienu qed jidħlu bosta immigranti klandestini.
Mistoqsija oħra li għadha pendenti tikkonċerna l-arranġamenti tal-ftehim imlaqqam Xengen. Bihom fost il-pajjiżi firmatarji tal-ftehim, iċ-ċittadini Ewropej jmorru minn pajjiż għall-ieħor bla ebda xkiel. Kemm jistgħu jinżammu għaddejja dawn l-arranġamenti fi żmien meta l-immigrazzjoni tidher li mhijiex taħt kontroll fl-Ewropa?

BDIEWA RRABJATI

Qed tikber ir-rabja tal-bdiewa u raħħala Ewropej. Prodotti tal-ħalib, laħam tal-majjal, ħxejjex u frott jew qed jibqgħulhom ma’ wiċċhom, jew qed ikollhom ibigħuhom bit-telf. Kollu tort tal-embargo Russu.
Statistika maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea kienet qed turi li minkejja li tilfu s-suq Russu (li kien sar l-aktar wieħed vantaġġjuż għalihom), il-bdiewa u r-raħħala Ewropej xorta kien irnexxielhom iżidu fil-bejgħ tagħhom barra l-Unjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar ma jidhirx li jekk veru dan ġara, kien ta’ xi siwi lill-produtturi. Biex tagħqad, raħħala ta’ pajjiż membru bdew jilmentaw mir-raħħala ta’ pajjiż membru ieħor għax dawn ipprovaw jidħlulhom fis-swieq tagħhom b’kompetizzjoni inġusta. Hekk beda jintqal bejn raħħala Franċiżi u Ġermaniżi. Il-mexxejja tal-għaqdiet professjonali involuti għamlu ħilithom biex iwittu dan id-diżgwid. Huma jridu li l-bdiewa u r-raħħala Ewropej li tilfu s-swieq Russi jibqgħu magħquda flimkien quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.
It-talbiet li qed jagħmlu huma għal aktar għajnuna fi prezzijiet garantiti u li l-Unjoni taħżen aktar mill-prodotti tagħhom ħalli ssostni l-prezzijiet. Se tkun kwistjoni taħraq. Se titla’ għad-diskussjoni quddiem il-Kunsill tal-Ministri Ewropej minnufih wara l-vaganzi ta’ Awwissu.

Facebook Comments

Post a comment