Il-kelma “ħaddiema” m’għadhiex popolari. Qabel kienet tiżżeffen ‘il quddiem ma’ kull nifs politiku, jew kważi. Illum donnha mitqiesa bħalha antikwata għax tirreferi għal xi tip ta’ bniedem li għadda żmienu.

Is-sabiħa hi li meta jitkellmu fl-Ewropa dwar riformi strutturali li jeħtieġ isiru jekk l-ekonomiji se jimmodernizzaw, jifhmu l-aktar bidliet fil-mod kif jinżammu u jitmexxew il-kondizzjonijiet tax-xogħol. Kif isiru l-ingaġġ u t-tkeċċija, kif jitfasslu l-pensjonijiet, kif jitqassam il-partajm. Donnu li l-ħaddiem m’għadux jeżisti waqt li x-xogħol tiegħu għadu jsir u l-organizzazzjoni ta’ dan ix-xogħol qed issir bla ma għandek għalfejn tqis min qed jagħmlu.

Forsi qed nesaġera, biss l-istess ħaġa tinħass fil-mod kif f’din id-dinja li hi ddominata daqstant mill-proġettazzjoni tax-xbihat u mill-“branding”, l-istampi tal-ħaddiema li jintwerew jew juru dehriet li qishom magħmula biz-zokkor, jew juru l-ħaddiema qishom mil-lenti tal-karikatura.

Il-messaġġ hu li fid-dinja tal-lum, il-forza politika u soċjali tal-ħaddiema naqset għalkollox. Kemm hu minnu dan?

***

L-Ewwel ta’ Mejju

L-argument jista’ jqum li anki l-festa tal-Ewwel ta’ Mejju tilfet mis-saħħa u l-popolarità li kellha qabel, fost l-istess ħaddiema u l-partiti “tagħhom”. Kulħadd sar irid jitqies membru tal-klassi tan-nofs, tal-“middle class”, u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħaddiema ftit jistgħu jinteressawhom.

Matul is-snin dejjem innotajt ir-reżistenzi li kien ikun hemm biex jitqies bħala ħaddiem min jagħmel ċertu tip ta’ xogħol. Għal xi żmien, niftakar kif kien hemm min isibha diffiċli jaqbel li ħaddiem tal-pinna hu ħaddiem, jew l-istess, bidwi. Reżistenza ħafna akbar qamet meta jien u oħrajn ipprovajna nfissru li anki s-self employed iż-żgħar, bħal tal-ħwienet, setgħu jitqiesu ħaddiema. Fejn jien innifsi mbagħad ġbidt il-linja biex ngħid le, kien meta ħabib tiegħi sostna li negozjanti kbar ukoll jistgħu jitqiesu ħaddiema, għax ta’ kuljum imorru “jaħdmu”.

Jagħmel sens li għall-Ewwel ta’ Mejju ssir ir-riflessjoni: min huma, fejn huma l-ħaddiema tal-lum?

***

Prekarjat

L-iżviluppi tal-aħħar tletin sena jew kemm fid-dinja tax-xogħol kellhom l-effett li jxejnu s-solidarjetà bejn il-ħaddiema. Mhux ta’ b’xejn li spiċċat ħafna mis-saħħa tat-trejdunjins. Anqas u anqas sorprendenti l-fatt li nfirxu l-prekarjat u x-xogħol partajm. Tal-aħħar veru li jikkonvjeni lil ċerti nies, imma maġġoranza sostanzjali ta’ ħaddiema partajm jippreferu jkunu qed jaħdmu l-ħin kollu. Jew hekk qaluli.

Fir-realtà l-prekarjat u l-partajm jimminaw il-forza tal-ħaddiema biex jiddefendu tajjeb l-interessi tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Kollox parti minn tifsila soċjali li biha fl-Ewropa żgur, Malta inkluża, l-istrutturi ta’ protezzjoni soċjali fuq il-post tax-xogħol, mibnija b’daqstant ħidma u sagrifiċċji, jiġu mherrija.