Hu xieraq li fl-aħħar il-Parlament Malti se jkollu s-sede tiegħu. Hu dnub li din tpoġġiet fejn u kif tpoġġiet.

Kont wieħed minn dawk li kkritikaw din id-deċiżjoni. Għadni konvint li kienet ħażina. Min-natura stess tiegħu, il-Parlament Malti ma jfawwarx b’ħidma kbira. Li tpoġġih fid-daħla tal-Belt joħloq dehra ta’ bini vojt li ftit jikkontribwixxi għall-vivaċità li għandu jkollha belt kapitali storika.

Il-Parlament ħtieġlu bini funzjonali fejn il-ħidma tista’ titwettaq b’kumdità minn deputati li fil-biċċa l-kbira jaħdmu partajm. Minflok, il-bini l-ġdid tfassal bħala stqarrija ideosinkratika li tingħoġob mid-dilettatanti tal-arkitettura (għal raġunijiet ta’ snobbiżmu?) waqt li tagħti prijorità baxxa lill-bżonnijiet tal-ħidma parlamentari.

Turija ta’ dan kienet il-problema ta’ kif tpoġġew is-siġġijiet tad-deputati fil-Kamra. U jekk jien informat tajjeb, mhux se jkun hemm uffiċċji biżżejjed għas-segretarji parlamentari u l-presidenti tal-kumitati (wisq anqas għad-deputati).

Xorta waħda, ilkoll nawguraw li l-bini l-ġdid jissarraf f’lok fejn il-Parlament Malti jkompli jwettaq ħidmietu b’galbu.

***

Dbielet

Ammirevoli kemm humm ammirevoli l-isforzi tar-Repubblika Franċiża biex tippromowi soċjetà lajka għalkollox, dawn ġieli jersqu lejn il-limiti tal-assurd. Regola li b’liġi li qed tiġi segwita fl-iskejjel statali hi li ħadd m’għandu jilbes b’mod li jinħass minn ħaddieħor bħala espressjoni ta’ reliġjon jew oħra.

Hi regola li tapplika għal soru Kattolika daqskemm tapplika għal Musulman devot jew Lhudi li jipprattika d-din tiegħu bl-aktar mod strett.

Meta t-temp qaleb għar-rebbiegħa, studenta Musulmana fi skola statali ma baqgħetx tmur l-iskola bil-jeans imma bidlet għal dublett.

L-awtoritajiet tal-iskola ddeċidew li d-dublett li libset kien twil wisq u għal darba tnejn bagħtuha lura d-dar, xi siegħa ’l bogħod bit-trasport publiku mill-iskola. Din id-deċiżjoni redikola qajmet rebus.

***

Intellettwali vs akkademiku

Mark Montebello kellu artiklu interessanti fit-Torċa tal-Ħadd li għadda fejn għamel distinzjoni bejn akkademiku u intellettwali. Skontu tal-ewwel jirriċerka u jirrifletti fil-qafas ta’ għerf “mogħti” lilu u lil ta’ madwaru; tat-tieni hu lest li jħares lil hinn minn dan il-qafas biex jipproġetta alternattivi għal dak li hu “mogħti”. (Qed nissimplifika u nqassar l-argument.)

Madankollu akkademiku jista’ jkun intellettwali fis-sens li ntgħażel għal dil-kelma (u viċi versa), anki waqt li jibqa’ jsegwi ħidma professjonali dejqa. Bħal fil-każ, pereżempju, tal-istoriċi tas-seklu l-ieħor tal-Medju Evu Ewropew.

Forsi d-distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji toħroġ l-aktar mir-rieda iva jew le, tal-wieħed u l-ieħor biex ikunu negattivi meta jiġu quddiem l-għerf “mogħti” – negattivi billi jgħidu le, mhux hekk, għax ara, hemm mod ieħor kif tifhem u tmexxi l-affarijiet.

Facebook Comments

Post a comment