Xi kultant fil-ħajja jkollok tagħmel ċerti għazliet li jinħassu strambi. Anki meta tifhem għaliex trid tagħmilhom u tkun zgur li qed tagħmel tajjeb, xorta jqanqlulek sens ta’ skumdità.
Kwistjoni ta’ din ix-xeħta għalija tikkonċerna d-dħul ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. Minn dawn, kuljum isiru biljuni, hekk kif persuni u kumpaniji u entijiet oħra jixtru u jbigħu madwar id-dinja isħma, obbligi, ċedoli ta’ self u ma nafx xiex aktar f’ammonti kbar u zgħar.
Issa b’mod ġenerali, l-bejgħ u x-xiri li jsir minn ċittadini tista’ tgħid fil-pajjizi kollha tad-dinja hu soġġett għal taxxi. Biex gvernijiet iwettqu l-ħidma tagħhom, jeħtieġu l-fondi li jiġu minn taxxi.
Il-buzilllis hu li t-taxxi fuq il-konsum ġeneralment ipoġġu l-akbar pizijiet fuq il-konsumaturi bi dħul baxx. Għal dak li jixtru, iridu jħallsu l-istess taxxi bħal min jiflaħ aktar minnhom.
Sal-lum, it-transazzjonijiet finanzjarji ftit li xejn iġorru taxxi fuq il-“konsum” tagħhom. Il-proposta ilha li telqet li dan għandu jinbidel billi tiddaħħal taxxa fuqhom, l-hekk imsejħa financial transactions tax, l-FTT.
Hi proposta ġusta u serja.
Biss, kieku kellha tiddaħħal f’pajjizna, waħdu jew ma’ stati oħra, x’aktarx li tpoġġi s-settur Malti tas-servizzi finanzjarji fi żvantaġġ kompetittiv ma’ dawk il-pajjizi li ma jdaħħlux it-taxxa.
Is-servizzi finanzjarji jammontaw għal xi 15 fil-mija tal-ekonomija tagħna u allura, ma naqbilx mad-dħul tat-taxxa. Imma…

***

L-EWWEL FAZI

L-ewwel fazi tan-negozjati bejn il-Greċja u l-pajjizi taz-zona ewro, fosthom Malta, li sellfuha l-ewro bil-biljuni kważi ntemmet. Sakemm qed nikteb dan, hemm ftehim kif il-Greċja se tingħata fondi ħalli tkun tista’ tkompli topera fil-ġimgħat li ġejjin waqt li tinnegozja arranġamenti oħra għall-futur mal-pajjizi “sħabha”.
Il-ħidma li saret sa issa kienet iebsa. Wasslet biex il-Greċja tirbaħ konċessjonijiet aktar fil-forma milli fis-sustanza. Għaliha dak diġà hu pass importanti.
Imma l-fazi kruċjali għadha quddiemna, fir-rabta bejn il-mizuri soċjali li jrid jieħu l-gvern Grieg u l-impenji li se jkunu qed jesiġu minnu l-gvernijiet taż-żona ewro.

***

INKWIET

Issensel inkwiet mhux ċkejken fost ħafna Maltin minħabba dak li qed jiġri fil-qrib ta’ pajjizna. Ħaġa naturali li dan jiġri għax wara kollox, l-izviluppi mhumiex qed ikunu sbieħ.
Min-naħa l-oħra lanqas irridu ninkoraġġixxu xi sens ta’ paniku. L-hekk imsejħa medja soċjali qed iservu fost affarijiet oħra, biex ixerrdu x-xnigħat b’ħeffa tal-għaġeb. M’hemm xejn ħazin f’hekk sakemm “ix-xnigħat” ikunu korretti.
Fl-aħħar ġimgħat ma kinux.
Il-poplu tagħna jrid jibqa’ jsegwi xinhu għaddej bla ma jintelaq la għall-pessimizmu ezaġerat, la għall-fanatizmu ta’ naħa jew oħra, u lanqas għall-inkuranza.

Alfred Sant
23 ta’ Frar 2015

Facebook Comments

Post a comment