Fl-aħħar ġimagħtejn, il-gvern Grieg ta’ Alexis Tsipras ħabrek biex iwettaq il-ftehim milħuq mal-pajjiżi membri taż-żona ewro dwar it-tielet pjan ta’ salvataġġ finanzjarju għall-Greċja. Tsipras kellu jaċċetta kondizzjonijiet iebsa ħafna li sal-aħħar baqa’ ma riedx jaqbel magħhom u kellu jgħaddihom mill-Parlament nazzjonali tiegħu. Inżammu żewġ seduti, waħda minnhom dil-ġimgħa biex il-pakkett ta’ miżuri jkun approvat. Deputati tal-partit fil-gvern Is-Siriża vvotaw kontra (anqas fit-tieni darba milli fl-ewwel seduta), u l-pakkett għadda bil-voti tal-partiti fl-Oppożizzjoni.
Bi tpattija, ittieħdu miżuri mill-Bank Ċentrali Ewropew biex iżid l-kredtu tal-Bank Ċentrali Grieg. B’hekk dan seta’ jagħti ftit tal-ossiġenu finanzjarju lill-banek Griegi, li evitaw il-kollass. Bil-mod, il-banek reġgħu fetħu għax-xogħol imma baqgħu limitazzjonijiet kbar fuq kemm ċittadini Griegi jistgħu joħorġu minn flushom fil-banek. Fl-istess ħin, minn Brussell, il-Kummissjoni Ewropea ħadet passi biex tgħaddi self temporanju ta’ ftit biljuni ta’ ewro lill-Greċja minn fond fil-baġit tal-Kummissjoni li fl-aħħar snin kien baqa’ ma jintużax. B’dawn il-flus, il-Greċja ħallset lill-Fond Monetarju Internazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew somom li fl-aħħar tliet ġimgħat kellha l-obbligu li tirrifondilhom imma li ma kellhiex bhiex.
Effettivament is-sistema ma tantx inbidlet minn qabel: bl-id ix-xellugija l-Greċja tissellef il-flus li mbagħad tgħaddihom lill-id il-leminija li tgħaddihom lura lil min sellifha mix-xellug. B’hekk tkun ħallset lura self li tkun irċeviet qabel. Għal li ġej, x’aktarx li l-istorja se tibqa’ tirrepeti ruħha.
Hekk kif il-pajjiżi taż-żona ewro jikkonfermaw li l-gvern Grieg qed jonora l-“ftehim” li ffirma magħhom se jħarrku l-proċeduri biex tiġi kunsidrata t-talba li għamel għat-tielet pjan ta’ salvataġġ.

F’AWWISSU

Il-ħsieb hu li dil-biċċa titwettaq matul Awwissu. Involut fiha se jkun hemm il-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà Ewropea, fond ta’ xi 700 biljun ewro li twaqqaf ftit aktar minn sentejn ilu biex iwieżen pajjiżi tal-ewro li jkunu qed jaffaċċjaw problemi finanzjarji kbar . Il-Mekkaniżmu għandu jilħaq ftehim għal self ieħor lill-Greċja wara li l-ministri tal-finanzi taż-żona ewro jiddeċiedu li l-Greċja tkun tathom l-informazzjoni kollha li jitolbu minnha u li tkun qed twettaq dak kollu li ftehmet dwaru.
L-istimi dwar kemm il-Greċja se jkollha bżonn fondi ġodda baqgħu jvarjaw. Il-Fond Monetarju Internazzjonali, li l-Ewropej qed jistennew li jieħu sehem magħhom fil-pjan ġdid ta’ salvataġġ, ħareġ bi stimi ogħla sew minn dawk li waslu għalihom il-ministri tal-finanzi taż-żona ewro. Ukoll, il-Fond Monetarju baqa’ jistqarr li d-dejn Grieg kif inhu bħalissa mhux sostenibbli – jiġifieri, li l-Greċja żgur mhux se tkun tista’ tlaħħaq miegħu, tagħmel x’tagħmel. Mingħajr tnaqqis fl-ammont tad-dejn billi tinħafer parti sostanzjali minnu, il-problema mhux se tissewwa. Dan daħħal dubji dwar kemm il-Fond Monetarju se jaċċetta li jieħu sehem fis-salvataġġ il-ġdid. Biex inkunu għedna kollox, il-Fond Monetarju qed jistenna li jkunu l-kredituri l-oħra tal-Greċja, mhux hu – jiġifieri l-Ewropej – li jaħfru parti mid-dejn tal-Griegi. Bl-istatut tiegħu, il-Fond Monetarju hu pprojbit li jaħfer xi biċċa jew oħra minn self li jkun għamel lil pajjiż sovran.
Dwar tnaqqis fil-piż tad-dejn, il-pajjiżi Ewropej ma jridux jafu: l-elettorati tagħhom huma kontra. Min-naħa l-oħra, ftti jistgħu jiċħdu li se jkun kważi impossibbli għall-Greċja li tilħaq il-miri finanzjarji ssettjati għaliha. Allura, issemmew diversi proposti dwar kif jista’ jitwal iż-żmien li fih is-self Grieg jitħallas lura u dwar kif jistgħu jinqabżu ċerti pagamenti ta’ imgħaxijiet, bħala mod kif iduru madwar il-problema.
Kollox ma’ kollox, l-aqwa diffikoltà tibqa’ li anki dwar kemm jistgħu jirnexxu r-“riformi” li se jkollha ddaħħal il-Greċja, jeżisti xettiċiżmu kbir. Ekonomisti magħrufa u entijiet ewlenin ta’ konsulenza ekonomika fissru l-fehma li l-istess miżuri li l-Greċja qed tiġi mġagħlha ddaħħal se jkomplu jxekklu l-iżvilupp ekonomiku tagħha. Se jpoġġu xkiel ġdid fuq il-ħila tal-pajjiż biex jiġġenera biżżejjed dħul ħalli jħallas lura lill-kredituri tiegħu.
Ħaġa waħda baqgħet tidher ċara anki fl-aħħar ġimgħa: il-kriżi Griega se tibqa’ fuq l-aġenda taż-żona ewro.

IL-PJAN JUNCKER

It-tħejjijiet jinsabu kważi kollha lesti issa biex il-pjan Juncker jitwettaq. Il-qbil formali bejn il-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew lest u t-tħejjijiet tekniċi biex il-pjan jitħaddem bil-galbu jinsabu kważi kollha f’posthom. Il-Fond ta’ Investiment, imsejjaħ EFSI – inizjali bl-Ingliz għal Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku – hu kostitwit. Flimkien mal-Bank għall-Investiment Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea lestiet ukoll l-istrutturi ta’ tmexxija interna tal-Fond li se jkunu telqu wara s-sajf. Proġetti li nbdew minn qabel biex jagħtu rankatura lill-pjan ukoll ġew konfermati.
Il-pjan Juncker, ippernjat madwar il-fond tal-EFSI, li mistenni jlaħħaq aktar minn 350 biljun ewro, hu maħsub biex iqanqal investiment ġdid fl-Ewropa u b’hekk ixettel attività ekonomika ġdida li forsi toħroġ lill-Unjoni Ewropea minn staġnar li dam wisq itaqqalha. Mibni fuq flejjes relattivament ċkejkna maħruġa mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment, li mbagħad ġew miżjuda b’fondi li nġemgħu b’garanziji, l-EFSI kien wegħda li għamel Juncker meta ġie propost bħala President tal-Kummissjoni Ewropea sena ilu. Minkejja d-dubji li tfissru bosta drabi dwar kemm l-EFSI seta’ jkun effettiv, Juncker u l-Kummissjoni Ewropea miegħu baqgħu jisħqu biex il-proġett jitwettaq. Matul ix-xhur, diversi banek ta’ investiment nazzjonali mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea taw il-kontribut tagħhom.
Li l-proġett se jkun telaq daqshekk malajr hu sinjal pożittiv. L-isfida issa se tkun dwar jekk il-Pjan ta’ Juncker hux se jirnexxielu jagħmel tassew l-impatt mixtieq fuq l-ekonomija tal-Ewropa.

Facebook Comments

Post a comment