F’dan żmien il-vaganzi, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea jinsabu tista’ tgħid bil-ħanut magħluq. “Kollox” wieqaf.
Hu żmien tajjeb biex naġġornaw l-istorja għaddejja fuq id-diversi fronti tal-ħidma Ewropea. L-aktar waħda kontroversjali bla dubju ta’ xejn hi l-istorja tal-Brexit.

IL-BREXIT

Min-naħa tal-Ewropej, il-pożizzjoni hi ċara: in-negozjati għal kif ir-Renju Unit se joħroġ mill-Unjoni ntemmu u m’hemm xejn aktar xi jsir min-naħa tagħhom. Jekk baqa’ xi bżonn li jagħtu xi kjarifiki dwar aspetti tal-ftehim biex iħaffu x-xogħol tal-Prim Ministru Ingliża May, forsi jagħtuhom. Imma aktar minn hekk, le. L-Ewropej jidhru fiduċjużi li meta jasal il-waqt, il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew se jikkonfermaw il-ftehim milħuq.
Il-problema tinsab fuq in-naħa Ingliża għax il-House of Commons ma jidhirx lest li jivvota favur il-ftehim. Theresa May kellha twaqqaf id-dibattitu dwaru bla ma ttieħed vot għax għarfet li se titilfu. Issa ssettjat it-tkomplija tad-dibattitu għat-tieni ġimgħa ta’ Jannar b’vot jittieħed malli jintemm. Il-pronostki għadhom li l-vot se jintilef.
X’se jiġri wara ħadd ma jaf. Jekk hux tissejjaħ elezzjoni, jew tirriżenja May, jew jissejjaħ referendum ieħor… U kibret il-possibiltà li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni bla ftehim. Iż-żewġ naħat qed jagħmlu tħejjijiet ġodda dwar hekk. Minn kull aspett, is-sitwazzjoni hi waħda bla preċedent.
B’kuntrast, l-affarijiet jidhru aktar kalmi fiż-żona tal-ewro.

ŻONA TAL-EWRO

Fuq hekk, il-ministri tal-finanzi fl-ewro grupp u mbagħad il-Kunsill Ewropew ħarġu jgħidu li ntlaħaq qbil dwar riformi ġodda fit-tmexxija taż-żona – riformi li se jsaħħuha. Bażikament il-qbil huwa t-twaqqif ta’ fond ta’ investiment li jista’ jintuża għal proġetti li jtejbu l-kompettività tal-pajjiżi membri. Qed jitqies bħala l-bidu ta’ baġit għaż-żona u se jinħareġ bi flejjes maħruġa mill-baġit tal-Unjoni.
Barra minn hekk, il-fond il-kbir imsemi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, imwaqqaf biex jagħti appoġġ lil gvernijiet taż-żona ewro li qed jaffaċċjaw problemi finanzjarji, se jitpoġġa fuq sisien aqwa permezz ta’ ftehim ġdid bejn il-gvernijiet. Ukoll, se jingħata l-inkarigu li jwieżen lill-fond l-ieħor li qed jinbena imsejjaħ Fond Singolu ta’ Riżoluzzjoni. Dan tal-aħħar hu maħsub biex jgħin lill-banek li jiġu fi gwaj finanzjarju imma għadu lura milli jilħaq il-milja sħiħa tiegħu. Għalhekk għandu bżonn min “iwieżnu”.
Sadattant dwar il-proposta li tiddaħħal garanzija fuq id-depożiti li jsiru fil-banek Ewropej kollha, ftit kien hemm progress. Il-qbil kien li għandhom isiru aktar diskussjonijiet “tekniċi”. Mingħajr din il-garanzija, il-proġett ta’ unjoni bankarja fiż-żona tal-ewro jibqa’ nofs leħja.
Għaċ-ċittadin komuni dawn il-bidliet ftit jinftehmu għax jinħassu “tekniċi” wisq: u hekk huma. U jinħassu bħala ċkejkna – hekk huma wkoll. Jinsabu bogħod ħafna mill-miri li l-President Franċiż Macron kien poġġa għar-riformi taż-żona ewro sena u nofs ilu. Imma l-Franċiżi qed jikkonslaw billi jgħidu li talanqas, infetaħ il-bieb u għad ikompli jinfetaħ aktar.
L-istess ħaġa bilkemm tista’ tintqal dwar il-migrazzjoni.

MIGRAZZJONI
Hawn, is-sentiment hu li l-affarijiet baqgħu u se jibqgħu staġnati. In-nuqqas ta’ qbil fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni għadu qawwi – bejn dawk li jridu jżommu l-bibien għall-migrazzjoni miftuħa waqt li l-piżijiet li tista’ ġġib magħha jinqasmu bejn kulħadd; u dawk li mhux biss ma jridux hekk imma jsostnu li l-Unjoni għandha tagħlaq il-fruntieri tagħha.
Ħarġu aktar fiċ-ċar dawn id-differenzi quddiem x’se jsir jew ma jsirx dwar il-Patt tal-Migrazzjoni li ġie negozjat fi ħdan il-Ġnus Magħquda. Fil-bidu tan-negozjati, l-Unjoni Ewropea kienet appoġġjatu. Issa li l-Patt tlesta u wasal għal firma, numru ta’ pajjiżi Ewropej iddeċidew li mhumiex se jiffirmawh – fosthom l-Ungerija, il-Polonja, l-Italja, l-Awstrija, is-Slovakkja.
Fl-istess ħin, baqa’ ma sar l-ebda progress ta’ veru dwar bidla fil-ftehim ta’ Dublin. Skont dal-ftehim, meta refuġjat jew immigrant irregolari jidħol fl-Unjoni, irid jinżamm fil-pajjiż fejn jasal. Dan ħoloq u qed joħloq piżijiet mhux żgħar għall-pajjiżi tal-“fruntiera” li ilhom jagħfsu għal soluzzjoni aktar “ġusta”. In-nuqqas ta’ qbil dwar hekk għadu hemm.
…Fejn kien hemm żviluppi li jwasslu għal qbil kien dwar il-baġit Taljan. Il-kontroversja qamet meta l-gvern tal-Lega u tal-Ħamest Ikwiekeb f’Ruma, fasslu baġit li kien se jispiċċa jżid bil-kbir id-defiċit finanzjarju tal-gvern u jikser bl-aktar mod lampanti r-regoli ta’ tmexxija taż-żona tal-ewro.

BAĠIT TALJAN
Il-gvern Taljan ried li jżid l-investiment publiku u li jdaħħal benefiċċji soċjali ġodda għall-pensjonanti u ċittadini bi dħul baxx ħafna. Naturalment, l-ispiża tal-gvern kienet se togħla bil-kbir. Il-Kummissjoni Ewropea, inkarigata li tmexxi r-regoli taż-żona ewro maħsuba biex irażżnu d-defiċit fil-baġits tal-gvernijiet, ħarġet bil-qawwi kontra. Il-gvern Taljan l-ewwel qal li se jisfidaha, imbagħad beda jinnegozja mal-Kummissjoni biex jaraw jistax jinstab kompromess.
Dil-ġimgħa, t-Taljani ħarġu bl-“aħħar” proposta tagħhom fejn benġlu l-miżuri tagħhom ħalli jnaqqsu mill-ispiża soċjali u fejn stqarrew li se jbigħu artijiet u assi oħra tal-gvern biex bid-dħul li jagħmlu minn hekk, irażżnu d-defiċit. Il-mistoqsija kienet: dan se jkun biżżejjed biex jikkalma lill-Kummissjoni?
Jidher li f’hekk irnexxielhom. Madankollu, l-Kummissjoni kienet issa qed taffaċċja problemi ġodda kkawżati minn ċaqliq mhux mistenni tal-baġit Franċiż…

BAĠIT FRANĊIŻ

Ġimgħat ta’ protesti fit-toroq, uħud vjolenti, mill-moviment tal-ġakketta safra, ġabu lill-President Franċiż Macron dahru mal-ħajt. Il-gvern ħabbar miżuri soċjali biex imewwet il-protesti. Numru minnhom jixbhu l-miżuri li ried idaħħal il-gvern Taljan – żieda fil-paga minima nazzjonali, għajnuniet ġodda lill-pensjonanti, tneħħija ta’ taxxi li kienu se jolqtu l-aktar liż-żgħar. B’konsegwenza ta’ hekk, kienet se tikber sew in-nefqa tal-gvern. Id-defiċit nazzjonali kien se jispiċċa ħafna akbar milli l-gvern kien ħabbar.
Hawn ukoll, il-Kummissjoni kellha tindaħal biex tara li r-regoli taż-żona tal-ewro se jiġu rispettati. Ma naqsux il-battibekki min-naħa Taljana dwar jekk il-Franċiżi humiex se jiġu trattati bl-istess mod bħalhom. Il-Kummissarju inkarigat mir-regoli tal-ewro, il-Franċiż Moscovici qal li ż-żewġ każi ma jixtebhux imma l-pressjoni fuqu u fuq sħabu biex japplika l-istess riga għal “kulħadd” hi qawwija. Se tkun ħaġa interessanti naraw kif din l-istorja se titkompla fis-Sena l-Ġdida.
***
(Nagħti l-isbaħ xewqat għal Milied hieni lill-istaff u l-qarrejja kollha ta’ IT-TORĊA u lill-familji tagħhom.)