Ġieli niltaqa’ ma’ xi qarrej ta’ din il-paġna li jiġini b’mistoqsijiet dwar xi nkun ktibt f’artiklu jew ieħor. Ma rridx nagħti l-impressjoni li dil-ħaġa tiġri ta’ spiss. Ġrat dwar l-artiklu tal-ġimgħa li għaddiet… dwar l-Ewropa u t-taxxi. Ir-raġel li kellimni kien qrah mill-bidu sal-aħħar (mhux dejjem tkun żgur li min qed ikellmek ikun tassew għamel hekk…) Biss staqsa mistoqsijiet dwar punti ta’ natura fondamentali li forsi messni semmejthom u ddiskutejthom. Ma għamiltx hekk għax assumejt li minnhom infihom, huma ċari bla spjega. Toqgħod taħseb dwar hekk, tifhem li le, mhuwiex il-kas.
Li se nagħmel hawn hu li nirrepeti uħud mill-mistoqsijiet li għamilli u nara nistax inweġibhom b’mod sempliċi. L-ewwel waħda kienet: La fl-Unjoni Ewropea, inħoloq suq wieħed għall-bejgħ u x-xiri ta’ prodotti u serviżżi mal-kontinent kollu, mhux bilfors li t-taxxi jkunu kollha l-istess mal-pajjiżi membri, jew jixtiebhu?
It-tweġiba: Le, mhux bilfors. Uħud minnhom iva. Oħrajn le.

MINN TAXXA GĦAL OĦRA

Fi kwalunkwe pajjiż, inkluż tagħna, insibu numru varjat ta’ taxxi, fosthom:
–id-dwana u s-sisa l-aktar bħala persentaġġ tal-valur, fuq oġġetti miġjuba minn barra u/jew prodotti fil-pajjiż (sisa) – u ċċarġjati fuq min qed jixtrihom;
–il-VAT, iċċarġjata fuq prodotti u servizzi, bħala persentaġġ fuq il-valur li bih jinbigħu;
–taxxa fuq il-bejgħ (sales tax), bħall-VAT imma ċċarġjata darba, fil-mument meta prodott jew servizz qed jinxtara – mentri l-VAT tiġi ċċarġjata kull darba li ssir xi ħaġa fuq prodott jew servizz li biha se jżid fil-valur;
–taxxa fuq il-kumpaniji, li biha jiġu ċċarġjati persentaġġ tal-profitti li huma jagħmlu;
–taxxa fuq id-dħul (income tax), iċċarġjata fuq id-dħul li persuna tagħmel minn impjieg jew qligħ ieħor;
–taxxa fuq il-qligħ kapitali (capital gains tax), iċċarġjata fuq il-qligħ li tagħmel meta jirnexxielek tbigħ xi ħaġa li xtrajt bi prezz ogħla minn dak li bih tkun xtrajtha;
–taxxa fuq il-propjetà, li persuna jew kumpanija tkun tipposjedi;
–taxxa fuq il-wirt.
Ħaġa bażika biex jinħoloq suq komuni wieħed fl-Ewropa kienet li bejniethom il-pajjiżi membri tas-suq ma jiċċarġjawx taxxi fuq dak li jixtru minn xulxin u li jbigħu lil xulxin,. Ukoll, kellhom jiċċarġjaw l-istess taxxi fuq dak li jixtru minn barra s-suq komuni – jew ilkoll ma jiċċarġjaw xejn. Dil-miżura titħaddem fl-Unjoni Ewropea fejn insibu l-istess dazji tal-importazzjoni għal dak li ġej minn barra l-Unjoni. Insibu wkoll li matul is-snin, il-pajjiżi membri ftiehmu biex ir-rati tas-sisa li jiċċarġjaw ikunu qrib ta’ xulxin. Il-fondi li jdaħħlu mid-dwana “komuni” u mis-sisa ċċarġjata fuq l-importazzjoni jinżammu mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-baġit ta’ tmexxija tagħha.
Terġa’, kien hemm ftehim sa mill-bidu nett biex il-pajjiżi membri tas-suq komuni Ewropew idaħħlu l-VAT bħala taxxa fuq il-konsum. Dil-ħaġa saret imbagħad kondizzjoni għal kull min ried jidħol membru fl-Unjoni Ewropea. Hekk ġara f’Malta per eżempju, fejn il-VAT iddaħħlet (fil-fehma tiegħi) bħala miżura politika biex tlesti lil Malta għal sħubija fl-Unjoni – aktar milli għax kienet l-aħjar taxxa biex titwaħħal fuq il-konsum f’pajjiżna.
Matul is-snin, il-pajjiżi membri qablu wkoll li jqarrbu kemm jistgħu r-rati tal-VAT li jiċċarġjaw fuq prodotti u servizzi. M’hemmx l-obbligu li kulħadd ikollu eżattament l-istess rati ta’ taxxa, imma hemm arranġament li bih ir-rati tal-VAT jinżammu f’livelli qrib ta’ xulxin minn pajjiż għal ieħor. Aktar minn hekk, il-pajjiżi membri jibgħatu parti mid-dħul li jagħmlu mill-VAT bħala l-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

IT-TAXXI L-OĦRA

Lil hinn minn hekk ftit li xejn hemm aktar obbligi dwar kif jinġabru taxxi b’mod komuni, bħala parti essenzjali mit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea. Hawn qamet il-mistoqsija tal-ħabib li kellimni dwar it-taxxi: Imma biex l-Unjoni Ewropea tiffunzjona tajjeb, mhux bilfors li bl-istess mod kif daħħlet f’diversi oqsma, l-istess regolamenti bejn il-pajjiżi, trid tagħmel dwar taxxi – jiġifieri, iddaħħal dejjem aktar l-istess taxxi minn pajjiż għal pajjiż?
Kelli ngħidlu li dwar hekk ma stajtx naqbel miegħu. Veru, f’pajjiż wieħed li hu mmexxi minn gvern ċentrali, wieħed jistenna li jsib l-istess taxxi li japplikaw kullimkien l-istess. Imma anke fih, jista’ jkun hemm xi differenzi fil-mod kif ċerti taxxi jiġu applikati. Anke hawn Malta, sibna li f’ċerti każi, wieħed seta’ jissettja tassazzjoni differenti pereżempju għal Għawdex, biex jinkoraġġixxi ċerti ħidmiet. F’għaqda bejn pajjiżi differenti, il-ħteġijiet ta’ taxxa se jvarjaw skont kif inhi magħmula l-ekonomija ta’ kull pajjiż, u skont kif il-popolazzjoni taqla’ l-għajxien tagħha. Pajjiż qrib il-baħar li jiddependi ħafna fuq is-sajd se jkollu modi kif jintaxxa differenti minn wieħed li jinsab imdawwar minn pajjiżi oħra u għandu ħafna muntanji, jew ieħor li jiddependi fuq il-minjieri tal-faħam biex joħloq ix-xogħol.
L-Unjoni Ewropea għadha mhijiex għaqda federali imma anke l-aktar għaqda federali li rnexxiet sa issa – dik tal-Istati Uniti – sal-lum ma għandha l-ebda problema filli tħalli l-istati differenti li jagħmlu parti minnha, li jkollhom taxxi differenti minn xulxin. Fl-Istati Uniti, hemm taxxi li japplikaw għal kulħadd għax jiġu ċċarġjati fuq bażi federali; u oħrajn – bħal fis-sales tax – li jiġu mwaħħla b’mod differenti minn stat għal stat, jew ma jintużaw xejn; u ġieli fl-istess stat, jitħaddmu b’mod differenti minn belt għal belt.
Jekk dil-proċedura ħadmet tajjeb fl-Istati Uniti, għaliex għandha tiġi skartata fl-Unjoni Ewropea?

EVAŻJONI
Hawn il-ħabib tiegħi qajjem punt ieħor: Imma jekk it-taxxi mhux se jkunu l-istess, mhux se jiġri – kif qed jiġri – li jkun hemm min japprofitta ruħu minn hekk biex ma jħallasx it-taxxi?
Semmejna dil-problema ġimgħa ilu. U veru, hemm fl-Ewropa min qed jagħmel dan l-argument biex jimbotta ’l quddiem miżuri li jwasslu biex il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jissettjaw rati ta’ tassazzjoni qrib ta’ xulxin fl-oqsma tat-taxxi fuq il-kumpaniji u fuq id-dħul tal-persuni. Id-dibattitu dwar hekk se jibqa’ għaddej matul dis-sena u nimmaġina, lil hinn minnha. Żgur li ma tistax tinjora l-argument li jitqajjem dwar dawk li qed jiżgiċċaw milli jħallsu t-taxxi dovuti. Hu argument qawwi. Min-naħa l-oħra, jekk il-pajjiżi membri tal-Unjoni jkollhom idaħħlu l-istess taxxi fl-oqsma “kollha”, uħud minnhom, speċjalment iż-żgħar, se jispiċċaw żvantaġġjati. U kif jurina l-eżempju Amerikan, ma hemm l-ebda argument ekonomiku li juri kif ħaġa bħal din hi meħtieġa, anke f’sistema federali ta’ tmexxija.
Nemmen li l-problema tal-evażjoni tat-taxxa tista’ tiġi solvuta billi s-sistemi ta’ tassazzjoni jibqgħu skont kif fil-pajjiżi differenti, jiddeċiedu l-gvernijiet fl-interess tal-pajjiż. Min-naħa l-oħra, għandhom jiddaħħlu l-proċeduri u r-regoli kollha possibbli biex il-ħlasijiet li jsiru – jew ma jsirux – tat-taxxa, minn kulħadd (kumpaniji u individwi) u kullimkien, ikunu magħrufa minn kulħadd. B’trasparenza sħiħa, dawk li qed jirnexxielhom jaħarbu milli jħallsu xinhu dovut minnhom, jinkixfu quddiem kulħadd.

***
Il-kwistjoni kollha ta’ taxxi fl-Ewropa qed tikkarga f’waħda dwar ġustizzja soċjali – fi ħdan il-pajjiżi bejn iċ-ċittadini, u fi ħdan l-Unjoni Ewropea, bejn il-pajjiżi membri.

Facebook Comments

Post a comment