Hemm ħafna żviluppi delikati fuq materji li jaħarqu, għaddejjin bħalissa fi ħdan l-Unjoni Ewropea, uħud fil-miftuħ, oħrajn fil-beraħ. Kollha jew kważi jinsabu bir-riskju li jiżbroffaw fil-beraħ f’xi kriżi dalwaqt. Dan għax qed jidher sew issa li l-Unjoni mhijiex qed tlaħħaq tajjeb mal-isfidi li qed iqumu quddiemha. Ftit għandha alternattiva għal dik li ssegwi strateġija ta’ illipazzar. Min-naħa l-oħra, min isegwi din it-triq ikollu jaffaċċja l-periklu li bla ma jaf kif jew meta, se jitlef kontroll fuq il-ġrajjiet li jkunu għaddejja.
Bħalissa, hu fuq il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija dwar l-immigrazzjoni li l-aktar qed tqum din it-theddida. Il-bażi tal-ftehim, li kien u għadu jiġi mbuttat ‘il quddiem mill-kanċellier Merkel tal-Ġermanja, mill-bidu nett kien ftit li xejn żgur. Matul is-snin, ir-relazzjonijiet bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u l-gvern Tork immexxi mill-President Erdogan kienu daqqa jistaġnaw, daqqa jeħzienu.
Did-darba bil-mewġa inkontrollabbli tal-immigranti deħlin mit-Turkija, kienet l-Unjoni Ewropea… fuq quddiem nett il-Ġermanja… li kellha bzonn tat-Turkija biex izzomm lill-immigranti milli jitilqu mill-Asja. Il-ftehim milħuq kien komplikat u diffiċli. Waqt li kien qed jiġi negozjat u wara, fit-Turkija zdiedu l-atakki terroristiċi, ġlied armat ma’ qawwiet mis-Sirja, u konflitti politiċi interni. In-negozjati waslu sal-aħħar bis-saħħa ta’ kif il-Viċi Kummissarju Ewropew Frans Timmermans u l-Prim Ministru Tork Davutoglu irnexxielhom jiddiskutu bejniethom, u għax il-Kanċellier Merkel baqgħet timbotta.
Imma bi kritika qawwija kontra l-ftehim skjeraw ruħhom forzi politiċi fl-Ewropa. Dawn xejn ma ħadu gost bil-mod kif l-Unjoni Ewropea donnha saret daqstant dipendenti fuq it-Turkija, barra milli jqisu bi stmerrija il-mod kif il-gvern Tork skont huma, jiddisprezza d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni. Min-naħa Torka l-istess, hemm min xejn ma għoġbu l-ftehim, u fuq quddiem nett l-istess President Erdogan. Dan sforza r-rizenja ta’ Davutoglu. Imbagħad stqarr li t-Turkija mhijiex se tibdel il-liġijiet tagħha tas-sigurtà. Li tagħmel hekk kienet waħda mit-72 mizura li l-gvern Tork kellu jwettaq biex l-Unjoni Ewropea taqbel li ċittadini Torok izuru l-Unjoni bla bzonn ta’ viza. Skont Erdogan, pajjizu zgur mhux se jbaxxi d-difizi tiegħu kontra t-terrorizmu biex jogħġob lill-Ewropej.
Irridu naraw kif se tkompli din l-istorja. Bħalissa, permezz tal-ftehim, in-numru ta’ immigranti deħlin fl-Ewropa mit-Turkija naqas qatigħ.

AKTAR PROBLEMI MAL-GREĊJA

Sadattant, mal-Greċja reġgħu tqanqlu diffikultajiet ġodda. Barra milli tara kif se tilqa’ l-eluf ta’ refuġjati li daħlu fil-gzejjer tagħha, fl-aħħar xhur din kienet qed tara kif twettaq il-programm ta’ awsterità li l-mexxejja taz-zona tal-ewro imponew fuqha biex isellfuha aktar flus ħalli tkun tista’ tibqa’ fil-wiċċ. B’mod jew ieħor, il-Greċja irnexxielha tagħmel ħafna minn dak li qalulha tagħmel. Issa kien riesaq iz-zmien biex tirċievi self kbir ieħor, u dan skont il-ftehim milħuq is-sajf li għadda. Mingħajr das-self, il-Greċja tispiċċa fixxa.
Biss, sa mill-bidunett il-Ġermanja saħqet li barra z-zona ewro bil-Bank Ċentrali Ewropew, fil-patti li jsiru mal-Greċja kellu jidħol ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali. B’hekk, jiġi zgurat li l-affarijiet isiru bis-serjetà. Imma l-Fond ma riedx jagħmel dan, sakemm iz-zona tal-ewro ma taqbilx li tnaqqas il-pizijiet tad-djun tal-Ġreċja; jiġifieri taħfrilha parti mis-self li tatha. U dan il-Ġermanja ma tridx tagħmlu. Allura ġie propost li biex il-Fond Monetarju xorta jidħol fil-bigħa, il-Greċja b’liġi timpenja ruħha li jekk il-mizuri li qed twettaq ma jirnexxux kif mixtieq, iddaħħal aktar awsterità.
Naturalment il-Greċja rrezistiet dil-proposta imma kellha ċċedi ħafna mill-pozizzjoni tagħha quddiem it-theddida li terġa’ tispiċċa bla flus. Il-Parlament Grieg ivvota dawn il-mizuri bi zbrixx waqt li fit-toroq tal-Greċja reġgħu saru dimostrazzjonijiet ta’ protesta u ġie dikjarat strajk ġenerali. Għal darb’oħra reġa’ qam diskors dwar kif jista’ jinħafer parti mill-pizijiet tad-djun li l-Greċja tinsab mgħobbija bihom imma kemm dan se jissarraf f’deċizjonijiet ta’ veru hu dubbjuz għall-aħħar.
Sfortunatament, l-istrateġija tal-Ewropej fit-trattament tagħhom tal-Greċja ma tantx hi differenti minn dik tar-raħħal li jnaqqas l-ikel tal-bhejjem tiegħu, jgħabbihom dejjem b’aktar pizijiet u fl-istennija li jsiru aktar produttivi, jgħakkishom sal-mewt.

L-AWSTRIJA F’SALIB IT-TOROQ

Xejn ma juri aħjar id-dizgwid li l-krizi tal-immigrazzjoni ħalqet fi ħdan l-Unjoni Ewropea daqs x’ġara fl-Awstrija fl-aħħar disa’ xhur. Hemm, il-gvern ta’ koalizzjoni mmexxi mis-soċjalisti taħt il-kanċellier Werner Faymann kien għall-bidu tal-krizi spalla ma’ spalla mal-kanċellier Ġermaniza Merkel – lest biex jagħti l-merħba lir-refuġjati li qed jaslu. Meta dawn baqgħu jizdiedu fin-numru, id-dwejjaq fost il-poplu Awstrijakk kiber sew. Il-populisti tal-lemin sabu appoġġi dejjem akbar fil-pajjiz.
Il-gvern ta’ Faymann inqata’ mil-linja ta’ Merkel. Fittex li jidħlu l-limitazzjonijiet fuq id-dħul ta’ barranin. Tbiegħed mit-tmexxija tal-fruntieri skont l-arranġamenti ta’ Xengen u għalaqhom bla twissija. Spiċċa jiksirha mal-Ġermanja. U mal-Italja wkoll meta beda jibni barrieri fil-passaġġ ta’ Brenner taħt l-Alpi ħalli jzomm refuġjati milli jidħlu fl-Awstrija b’kuntrabandu minn hemm. Kulħadd fehem li Faymann kien qed jagħmel minn kollox biex jilqa’ għall-qawmien politiku tal-populisti tal-lemin estrem.
Imma jekk ħaseb li billi jadotta l-politika tal-populisti se jilqagħlhom fl-appoġġ publiku, għarralu bil-kbir. Fl-ewwel ġurnata tal-elezzjonijiet għall-President tal-Awstrija, il-kandidat tas-soċjalisti kif ukoll dak tal-konservattivi sfaw eliminati. Fatt bla precedent, fit-tieni rawnd tat-tellieqa spiċċaw kandidat tal-lemin estrem u ieħor indipendenti. Il-partit l-“kbar” iddeċidew li ma jagħtu l-ebda parir lis-segwaċi tagħhom dwar kif għandhom jivvotaw.
Fost is-soċjalisti u oħrajn, id-dwejjaq bit-tmexxija ta’ Faymann kiber sew. Ħabta u sabta hu ddeċieda li minħabba f’hekk, se jirrizenja minn kanċellier.
Id-dwejjaq fl-Awstrija mhumiex wisq differenti mid-dwejjaq f’diversi pajjizi oħra membri tal-Unjoni Ewropea. Jagħtu xhieda ta’ kif il-mexxejj tagħha qed isibu ruħhom quddiem għazliet diffiċli li ma jogħġbu lil ħadd imma li jridu jitwettqu. Meta tifli kull waħda minnhom, issib li minn kull fejn taqta’ se joħroġ id-demm.

Facebook Comments

Post a comment