Minn dejjem, Franza u l-Ġermanja dehru bħala pern ewlieni tal-Unjoni Ewropea. Il-ġlied imdemmi li kien jinqala’ fil-punent tal-Ewropa wara li Spanja ntilfet f’dekadenza liema bħalha, kważi dejjem kellu bħala kawża tiegħu l-antagoniżmu bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, kbar fl-istorja, fir-riżorsi, fil-ġenju u fil-kultura tal-popli tagħhom. Il-proġett Ewropew ġabhom flimkien f’mira politika u ekonomika li t-tnejn qablu magħha. Dan wassal għal progress bla preċedent fl-għaqda Ewropea.
Illum reġgħet tissemma’ b’konvinzjoni l-fehma li aktar progress f’din l-għaqda sar meħtieġ. U tkun ħaġa tajba jekk il-Franċiżi u l-Ġermaniżi l-ewwel jiftehmu bejniethom dwarha għax il-qbil tagħhom fuq x’għandu jsir, hu indispensabbli għal kull pass ’il quddiem. Il-mexxejja politiċi taż-żewġ pajjiżi, għalkemm joqgħodu kawti dwar kif ifissru ruħhom, jidhru li mhumiex bogħod milli jemmnu l-istess ħaġa.
Id-diskors li qed iqum f’das-sens ikkarga wara r-referendum tal-Brexit. Daħal is-sentiment li l-Ewropej iridu jibqgħu magħquda fin-negozjati li kienu resqin mal-Brittaniċi. Infirxet il-fehma li fil-proċess tal-Brexit, il-priorità għandha tkun dik li ma tħallix li jiddgħajfu jew jinħallu r-rabtiet ta’ għaqda Ewropea. U tqawwa l-argument li l-aħjar mod kif dan seta’ jitwettaq kien billi l-Unjoni Ewropea tara kif se twessa l-firxa ta’ materji li fuqhom qed tibni l-għaqda tal-kontinent. Il-Brittaniċi dejjem kienu se jkunu kontra din l-aħħar linja. It-tluq tagħhom kellu joffri opportunità “ġdida” biex l-inizjattivi favur l-għaqda jimxu ’l quddiem bla ma żżommhom lura r-reżistenza tar-Renju Unit.
Issa, kemm hi ġustifikata l-fehma li xorta waħda, dan mhux se jkun possibbli mingħajr qbil minn qabel bejn Franza u l-Ġermanja?

BEJN POLITIKA U EKONOMIJA

Qed nitkellmu fuq iż-żewġ pajjiżi li politikament u ekonomikament huma l-aqwa fl-Ewropa. Speċjalment wara t-tluq tal-Ingliżi mill-proġett tal-għaqda. Imma f’dan, ma nistgħux ninsew l-istorja. Għal ħafna mis-snin li fihom ingħaġnet l-Unjoni, il-Ġermanja “tal-Punent” kienet qed issir dejjem aktar qawwija ekonomikament. Waqt li, mil-lat politiku, baqgħet izzappap. Min-naħa minħabba t-tifkira, dejjem ħajja, ta’ x’ġara taħt in-Nażi u fit-Tieni Gwerra Dinjija. Mill-oħra minħabba li sal-bidu tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, il-Ġermanja kienet mifruda f’żewġ pajjiżi, tal-lvant u tal-punent. Il-wirt tal-istorja żammha prudenti, biex ma tidhirx li trid tiddomina. F’hekk għamlet tajjeb ħafna.
Franza min-naħa tagħha, baqgħet matul is-snin, ekonomikament titbandal, daqqa tajjeb, daqqa ħażin. Is-saħħa tagħha fl-Unjoni kienet l-aktar politika, kif kienu juru fi żmienhom il-Ġeneral de Gaulle u l-President Mitterrand. Dis-saħħa kienet tintwera pereżempju mis-siġġu li Franza għandha fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fil-preżenza militari li baqgħet issostni fl-Afrika, fl-armi nukleari li żviluppat, fil-pożizzjoni li kienet tieħu lejn in-NATO u fir-rabtiet li kella mal-Unjoni Sovjetika. Imma meta din tal-aħħar ikkollassat wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin, is-sitwazzjoni inbidlet bil-kbir.
Il-mixja… pjuttost il-ġirja… lejn Ġermanja magħquda saret inevitabbli. Il-Ġermanja tal-“Punent” riedet għal dan il-kunsens ta’ Franza biex il-lvant tagħha, jekk jingħaqad magħha, isir awtomatikament parti mill-Unjoni Ewropea. Franza ħasset li b’hekk tista’ tispiċċa fit-tieni post tal-Ewropa għal dejjem. Għall-ewwel ittitubat. Imbagħad intlaħaq ftehim b’dal-mod: iva l-Ġermanja se tingħaqad, punent ma’ lvant, u tal-aħħar se tkun parti mill-Unjoni Ewropea. U dil-Ġermanja magħquda se tkun favur li fl-Ewropa tiddaħħal munita waħda li tgħodd eventwalment għall-pajjżi Ewropej kollha. Franza ħasbet li b’hekk se tkun qed torbot lill-Ġermanja f’għaqda fejn ħadd ma jispiċċa jiddomina lil ħadd, talanqas fost il-“kbar”. Ma naħsibx li kien kalkolu tajjeb. Imma hu mill-ftehim storiku mlaħħam fuq dil-bażi li nibtet iż-żona tal-ewro.

IL-ĠERMANJA MINN FUQ

Għall-bidu, wara li ngħaqdet f’pajjiż kbir wieħed, il-Ġermanja kienet donnha se titfattar taħt il-piżijiet li għabbiet fuq daharha. Il-munita tal-Ġermanja tal-lvant ingħaqdet ma’ dik tal-punent, mark b’mark, meta l-mark tal-lvant kien forsi jiswa tmienja għal kull mark tal-punent. Fondi enormi ntefqu fuq proġetti maħsuba ħalli jnaqqsu d-differenzi ekonomiċi u soċjali bejn punent u lvant. Kellhom jinġabru b’taxxi speċjali. Minkejja n-nefqa li saret, id-differenzi u l-inugwaljanzi bejn iż-żewġ partijiet baqgħu sostanzjali.
Sadattant, bil-piżijiet li tpoġġew fuqha, l-ekonomija Ġermaniża kienet qed taqa’ lura. F’dinja globalizzata, ħteġilha riformi hekk imsejħa “strutturali”. Kif jiġri fiż-żminijiet tagħna, tista’ tgħid li kien se jkunu l-ħaddiema u l-impjegati li jħallsu għalihom bi tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-benefiċċji soċjali. Biex tagħqad, kellu jkun kanċellier soċjal demokratiku, Gerhardt Schroeder li wettaqhom, fl-ewwel nofs tad-deċennju li għadda. Minn dak iż-żmien lil hawn, politikament is-soċjalisti Ġermaniżi baqgħu ma rkuprawx.
Imma f’termini ta’ suq ħieles, ir-“riformi” li daħħal Schroeder irnexxew, anke jekk dejjem a skapitu tal-ħaddiema u l-pensjonanti. L-ekonomija Ġermaniża reġgħet saret kompetittiva u taqdef ’il quddiem. Ħadet ir-rankatura taħt il-kanċellier Angela Merkel li kienet għarfa biżżejjed biex tirkeb fuq ir-riformi ta’ Schroeder u tiżgiċċa minn kull responsabbiltà politika għalihom. Sal-lum, il-Ġermanja għadha l-aqwa magna ekonomika tal-Ewropa, ħaġa li tagħtiha nifs politiku kbir.

FRANZA ĊASSA

Mil-lat ekonomiku b’paragun mal-“progress” Ġermaniż, Franza baqgħet ċassa. Talanqas bil-kejl tad-dinja mmexxija skont il-prinċipji neo-liberali li qed jiddoinawna. Is-settur publiku baqa’ qawwi ħafna, inkluż fil-qasam ekonomiku. Is-sussidji tal-gvern biex imantnu l-biedja u s-sajd baqgħu sodi. Is-servizzi soċjali baqgħu fost l-aħjar fl-Ewropa, kif ukoll imma baqgħet għolja l-ispiża tal-gvern.
Għall-bidu tal-kriżi ekonomika li telqet fl-2008, dan għen biex Franza tkun fost l-iprem biex tilqa’ għall-kriżi. Kellha n-nefqa tal-istat tippompja bil-qawwi biex iżżomm l-ekonomija għaddejja. Franza dehret li kienet sabet permezz tal-ispiża publika, mudell ta’ ħidma ekonomika li seta’ jilqa’ għar-riċessjoni.
Il-problema qamet meta l-kriżi twalet. L-istat Franċiż beda jogħtor bin-nefqa li kellu jibqa’ jsostni. Fl-istess ħin, il-Ġermanja, wara r-“riformi” li kienet wettqet, kellha magna ekonomika lesta biex tiggwadanja swieq u qliegħ minkejja d-diffikultajiet li kienu nqalgħu. Il-magna ekonomika Ġermaniża rrumblat ’il quddiem. Ta’ Franza bdiet tifga.
Madankollu fi Franza, kull meta xi gvern ipprova jdaħħal bidliet bħal dawk li s-“soċjalist” Schroeder kien irnexxielu jvara fil-Ġermanja, kien iqum diżgwid popolari kbir. Il-bidliet kienu jew jitwarrbu jew jiddaħħlu b’mod fjakk. Il-President Hollande, wara li kien stqarr li dawn il-bidliet “strutturali” mhumiex meħtieġa, ipprova jdaħħalhom hu wkoll. Politikament qalagħha bil-kbir. Falla fil-wegħda ċentrali tiegħu li se jnaqqas il-qgħad. Tant tbaxxietlu l-popolarità, li ddeċieda li mhux se jerġa jikkandida ruħu għall-Presidenza Franċiża.
Dan kollu spiċċa jfisser li fir-relazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja, issa hi l-Ġermanja li għandha s-saħħa “kollha”: dik politika għax hi l-akbar pajjiż fl-Unjoni Ewropea u tassew poġġiet għal kollox warajha d-dell “Nażi” tat-Tieni Gwerra Dinjija; u għandha s-saħħa ekonomika wkoll għax skont ir-regoli li bihom titmexxa l-Unjoni Ewropea, il-Ġermanja tibqa’ tikseb l-aħjar riżultati.

MACRON JAGĦMEL DIFFERENZA?

Biss, fuq linja differenti, dejjem ġara wkoll li r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi ddependiet mhux ftit fuq kemm il-mexxejja taż-żewġ naħat kienu jiftehmu personalment. Matul is-snin li Angela Merkel ilha tmexxi l-Ġermanja, kien hemm mumenti ta’ ħbiberija “tajba” u oħrajn anqas “tajba” fi żmien Sarkozy u anke fi żmien Hollande.
Il-President Macron se jagħmel xi differenza? Hu daħal għal kariga bix-xewqa li fisser publikament, li r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi titjieb u tibqa’ eċċellenti. Fuq quddiem nett poġġa l-ħtieġa li t-tnejn jaslu għal qbil qawwi dwar il-passi li l-Unjoni Ewropea messha tieħu biex tissaħħaħ. Merkel uriet li taqbel ħafna ma’ dil-priorità.
Biex titwettaq, il-gvernijiet iridu jaqblu dwar kif se jakkomodaw l-interessi u l-għanijet ta’ xulxin, għax mhux bilfors se jkunu qed jiġbdu fl-istess direzzjoni. Għalhekk ta’ min darb’oħra nagħtu ħarsa lejn fejn (u lejn kif) il-Ġermanja u Franza għandhom l-istess miri, u fejn le.

Facebook Comments

Post a comment