It-trattat ta’ ħbiberija u koperazzjoni ffirmat bejn Franza u l-Ġermanja x-xahar li għadda ntlaqa’ tajjeb u ntlaqa’ ħażin. Kien hemm min qiesu bħala ħaġa ta’ min jixtieqha li ż-żewġ pajjiżi jkabbru l-ħbiberija ta’ bejniethom ħalli jkunu jistgħu joffru sens ta’ tmexxija aħjar fil-binja Ewropea. Skont dil-fehma, se jkun diffiċli li tinżamm ir-rankatura fil-binja Ewropea jekk Franza u l-Ġermanja ma jurux sens komuni ta’ inizjattiva.
Imma min-naħa l-oħra kien hemm min ra dal-pass bħala wieħed li jistona f’Ewropa ta’ 27 pajjiż. Jekk tassew irridu Ewropa magħquda, kull imsieħeb irid iħossu ugwali għal kull imsieħeb ieħor u m’għandux ikun hemm min jipproġetta ruħu bħala imnebbaħ mid-destin biex juri t-triq ’il quddiem lill-bqija. Ukoll, għal min jaħseb hekk, hi ħaġa xejn sabiħa li xi membri imsieħba fl-Unjoni jqisu li għad hemm lok biex jiftehmu bejniethom per mezz ta’ trattati li minnhom l-oħrajn ikunu esklużi.
It-trattat innifsu ġie preżentat bħala wieħed li jikkonferma u jġedded trattat ieħor storiku ffirmat fl-ewwel nofs tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor miż-żewġ pajjiżi. Kien ġab flimkien lill-Ġeneral de Gaulle President ta’ Franza u l-Kanċellier Ġermaniz Konrad Adenauer. Kienu taw sinjal ta’ rieda komuni biex itemmu għal dejjem ir-rivalità qerrieda bejn iż-żewġ pajjiżi li ħolqot daqstant gwerer fl-Ewropa matul is-sekli. Il-ftehim de Gaulle-Adenauer kien suċċess. Minkejja l-battibekki li ġieli nqalgħu, żamm soda l-alleanza Franko-Ġermaniża li tul l-aħħar sittin sena serviet bħala ankra, kważi, għall-binja Ewropea.

FUQ XHIEX FTEHMU

X’fih it-trattat il-ġdid?
Mhux xi dokument twil. Wara introduzzjoni li tfisser il-miri tal-ftehim milħuq, it-test jinqasam f’seba’ “kapitli”. Kull wieħed jittratta oqsma differenti ta’ ħidma fejn iż-żewġ pajjiżi jridu li jsaħħu il-koperazzjoni bejniethom. L-introduzzjoni tagħti ħjiel ta’ kif Franza u l-Ġermanja biħsiebhom imexxu l-affarijiet. Tibda billi tfisser kif huma jirrikonoxxu s-suċċess storiku tar-rikonċiljazzjoni bejniethom li seħħet meta ffirmaw l-ewwel trattat ta’ Jannar 1963. Tistqarr li wasal iż-żmien biex ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom ikunu mtellgħa għal livell “superjuri” ħalli jkunu jistgħu jlaħħqu mal-isfidi li huma u l-Ewropa se jaffaċċjaw fis-seklu 21. Issostni li ż-żewġ naħat huma deċiżi li jkabbru l-koperazzjoni tagħhom fil-qasam Ewropew ħalli b’hekk “jiffavorixxu l-għaqda, l-effikaċità u l-koeżjoni fl-Ewropa”.
Minn hawn, it-trattat jitlaq biex isemmi kif Franza u l-Ġermanja se jaħdmu flimkien fl-oqsma differenti. Il-qasam li jibdew bih hu dak tal-politika Ewropea. Dwarha jwegħdu lil xulxin li se jsaħħu l-koperazzjoni tagħhom fl-affarijiet barranin u tas-sigurtà. Imma wkoll fit-tisħiħ tal-għaqda ekonomika u taż-żona tal-ewro. Qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet kbar Ewropej, se jikkonsultaw ma’ xulxin b’mod regolari biex jirranġaw ħalli jkollhom l-istess pożizzjoni quddiem l-għażliet li jinqalgħu.
It-tieni kapitlu jitkellem dwar “Paċi, Sigurtà u Żvilupp”. Jaħbat l-itwal wieħed fit-trattat. Fih, iż-żewġ naħat jiftħu l-għanijiet tal-ħidma flimkien tagħhom lejn id-difiża, kif ukoll lejn is-sigurtà minn theddid li jkun ġej minn barra jew minn ġewwa. Jiddikjaraw li se jagħmlu hekk ukoll biex isaħħu l-ħila tal-Ewropa li taġixxi b’mod “awtonomu” fid-difiża u l-ħarsien tas-sigurtà. Biss f’li jintqal, jinħass ċar li l-ewwel prijorità se tkun dik li ż-żewġ stati jqarrbu l-mod kif kull wieħed minnhom jiddefendi ruħu militarment.

KORDINAMENT
Forsi f’hekk li jinsab l-aqwa pass ġdid f’dat-trattat: ir-rieda biex il-forzi armati ta’ Franza u l-Ġermanja jaħdmu flimkien. Mill-ġdid, iż-żewġ pajjiżi jgħidu li jridu jagħmlu dan b’mod li jkunu qed jikkontribwixxu għal sigurtà komuni akbar fl-Ewropa. Imma jinħass ċar li l-ewwel biħsiebhom jiftehmu bejniethom dwar kif se jibnu front militari wieħed. Barra minn hekk, it-tieni kapitlu jsemmi l-ħtieġa li bejniethom u fl-Ewropa kollha, il-kuntratti għal żvilupp u produzzjoni ta’ tagħmir militari jsiru mhux fuq bażi ta’ kull pajjiż għal rasu, imma billi jinħoloq suq wieħed militari Ewropew. Dawn huma l-istess ideat li żviluppat il-Kummissjoni Ewropea ta’ Jean Claude Juncker dwar politika komuni Ewropea għad-difiża.
Biss, it-trattat Franko-Ġermaniż imur aktar bogħod minn dan. Iwaqqaf kunsill inkarigat milli b’laqgħat “tal-aktar livell għoli”, jikkordina regolarment materji ta’ difiża u sigurtà bejn iż-żewġ pajjiżi. Ukoll, għandhom jinħolqu proċeduri li bihom iż-żewġ pajjiżi jfasslu l-istess politika fi ħdan il-Ġnus Magħquda dwar l-isfidi ta’ żvilupp u difiża li jqumu.
Fost miżuri li se jieħdu, biħsiebhom jibgħatu rappreżentanti u tekniċi biex joperaw fil-ministeri, ambaxxati u għaqdiet statali ta’ xulxin – ħalli jitgħallmu jaħdmu u jaħsbu dwar l-aġir ta’ Franza u l-Ġermanja bħala azzjoni komuni. Ta’ importanza kbira hu l-impenn li ż-żewġ naħat jiddikjaraw biex jistinkaw ħalli l-Ġermanja ssir membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Sa ftit taż-żmien ilu, il-mira għall-membri tal-Unjoni Ewropea kellha tkun li jinstab siġġu permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Forsi m’hemmx għalfejn nibqgħu ngħaddu f’ħafna dettall il-bqija ta’ x’jinsab fit-trattat Franko-Ġermaniż, għalkemm il-qbil li ntlaħaq dwar kultuara u riċerka (Kapitlu 3), dwar il-koperazzjoni reġjonali u lil hinn mill-fruntieri (Kapitlu 4), dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-klima, l-ambjent u l-materji ekonomiċi (Kapitlu 5), u l-organizzazzoni tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi (Kapitlu 6), mhux ta’ min jarmih. Bogħod minn hekk.
Pereżempju, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kif se jorganizzaw il-koperazzjoni bejniethom, ara x’jgħid it-trattat: il-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi jiltaqgħu talanqas darba f’sena. Se jitwaqqaf reġistru ta’ proġetti flimkien li se jvaraw flimkien. Kull tliet xhur, ministru Franċiż jieħu sehem f’laqgħa tal-kabinett Ġermaniż u bl-istess mod, ministru Ġermaniż jipparteċipa f’laqgħat tal-kabinett Franċiż.

VERDETT
X’għandu jkun il-verdett dwar dan it-trattat? Għandu jitqies bħala xi ħaġa tajba? Ħażina?
Kif diġà semmejna fil-bidu, dawk li għadhom imbeżżgħa mill-Ġermaniżi fl-Ewropa – u mhumiex ftit – qed jaraw it-trattat bħala theddida. Bħala mezz kif il-gvern Ġermaniż irranġa ħalli l-ekonomija ta’ pajjiżu tkompli tikber waqt li jinvolvi fiha bil-kbir lil Franza. Se jagħmel dan billi jaċċetta t-talba Franċiża ħalli tissaħħaħ l-attività militari bejn iż-żewġ pajjiżi flimkien.
Oħrajn togħrokhom għajnejhom jaraw l-akbar żewġ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jiftehmu bejniethom biex imbagħad imexxu lill-bqija. Dan l-inkwiet tqajjem fost oħrajn fl-Italja, fil-Polonja u f’uħud mill-pajjiżi membri żgħar.
Min-naħa l-oħra, kien hemm min ma ra xejn ta’ barra minn hawn fil-ftehim Franko-Ġermaniż. Skont dil-fehma, raġuni għaliex l-Unjoni Ewropea ma żviluppatx daqs kemm messha għamlet kienet minħabba li kien jonqosha “mutur” li jista’ jimbotta b’mod effettiv linji ta’ ħidma ġodda li jkunu meħtieġa – mutur li dawn iż-żewġ pajjiżi biss jistgħu jipprovdu.
Madankollu fl-aħħar mill-aħħar hemm probbabiltà li ta’ min isemmi. Din hi li għalkemm Franza u l-Ġermanja jkomplu joqorbu lejn xulxin fil-futur, b’dal-ftehim la se jkun hemm daqstant titjib u lanqas daqstant żvantaġġi għall-membri oħra. Minkejja li anke ż-żewġ pajjiżi nfushom ipprovaw ipoġġu l-ftehim ġdid bejniethom f’qafas Ewropew, l-aqwa impatt tiegħu x’aktarx li se jibqa’ bħal f’dak tal-1963, f’sens bilaterali – jiġifieri fil-qasam tar-relazzjonjiet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi involuti.

Facebook Comments

Post a comment