Ġimgħa u nofs ilu, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-proposti tagħha għal kif bejn is-snin 2020 u 2027, l-Unjoni Ewropea għandha torganizza l-baġits tagħha: liema se jkunu l-prioritajiet tagħha fost il-programmi li se tkun qed tmexxi; kemm se jiġu jqumu; minn fejn se jinġabu l-flus għalihom u kif se jinġabu.
Id-dibattitu dwar das-suġġett, li hu mitqies bħala importanti ħafna fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ilu li beda. (Konna wkoll iddiskutejnieh f’dil-paġna). Is-sistema ta’ kif jinżammu l-baġits tal-Unjoni hi dik li jiġu ssettjati għal perijodu ta’ seba’ snin il-modi kif l-Unjoni se tkun qed tiġbor u tonfoq il-fondi tagħha minn sena għal sena. Ma jistax jonqos li l-istati membri joqgħodu b’seba’ għajnejn biex ma jispiċċawx iġorru wisq piżijiet jew jibbenefikaw minn anqas appoġġi finanzjarji milli jqisu li jistħoqqilhom.
Din id-darba, l-istennija kienet ikkargata aktar minħabba t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni. Peress li dal-pajjiż kien iħallas aktar lill-baġit milli jdaħħal, il-Brexit se jħalli warajh ħofra kbira. Din trid timtela’. Fl-istess ħin, inqalgħu ħteġiet ġodda proklamati mill-istess Unjoni. Biex jitwettqu, iridu jinstabu fondi biżżejjed għalihom… fondi “ġodda”.
Il-baġit Ewropew iservi l-aktar bħala depożitu ta’ flus li minnu joħorġu finanzi għall-proġetti tal-Unjoni kollha kemm hi, jew għall-investimenti li jagħmlu l-gvernijiet tal-pajjiżi membri. Aktar ma pajjiż ikollu minn dawn il-fondi ta’ investiment Ewropej, li magħhom ikun irid jgħaqqad fondi tiegħu, aktar ikun jista’ jtellaq proġetti ta’ fejda f’pajjiżu. Jekk tonqos in-nefqa Ewropea… jekk jonqos il-ħruġ mill-baġit tal-Unjoni… jonqos l-investiment publiku fil-pajjiżi membri.

IL-ĦRUĠ
Mill-bidu nett dehret bħala ħaġa ċara li biex tlaħħaq mal-miri tagħha, l-Unjoni Ewropea se jkollha tibda billi trażżan l-ispiża – l-aktar, il-ħruġ finanzjarju fuq oqsma li fis-snin li għaddew baqgħu jitqiesu bħala li għandhom l-aqwa importanza. Inkella la se tlaħħaq mal-miri ġodda u qodma li kellha quddiemha, u lanqas tkun tista’ tagħlaq il-kotba tagħha b’bilanċ. It-trattati Ewropej jipprojbixxu lill-Unjoni milli tmexxi l-finanzi tagħha b’defiċit: trid bilfors tibbilanċja l-kotba.
L-aqwa żewġ programmi tagħha u li fuqhom l-aktar li jintefqu l-flus huma dawk il-fondi li jmorru għall-biedja u dawk li jmorru għall-hekk imsejħa “koeżjoni” – proġetti maħsuba biex isaħħu lil pajjiżi u reġjuni fl-Ewropa li jinsabu minn taħt, soċjalment, ekonomikament jew fl-infrastuttura (toroq, dawl u ilma, skejjel…). Kważi kulħadd fehem li dawn il-fondi se jkollhom jitqasqsu. B’kemm se jiġri hekk, kienet il-mistoqsija.
Il-proposta tal-Kummissjoni hi, skont il-President tal-Kummissjoni Juncker, li l-fondi tal-biedja u tal-koeżjoni jitnaqqsu t-tnejn b’xi 5 fil-mija. Wara li flew iċ-ċifri ppreżentati mill-Kummissjoni, kummentaturi bdew jgħidu li t-tnaqqis fir-realtà se jkun aktar minn hekk fiż-żewġ każi.
Franza, l-Italja, Spanja u l-Irlanda għandhom ħafna x’jitilfu bit-tnaqqis fin-nefqa Ewropea fuq biedja. Il-pajjiżi tal-lvant (Polonja, Ungerija…) ma jmorrux tajjeb bit-tnaqqis fil-fondi ta’ koeżjoni. U lanqas Malta, li bir-rankatura ekonomika li rabbiet fl-aħħar snin, se tidher bħala pajjiż “mis-sinjuri”. Dan se jnaqqsilha mis-sehem li tista’ tistenna tal-fondi ta’ koeżjoni, aktar u aktar jekk ma’ dan il-fattur, jitrikkeb it-tnaqqis fl-impenn finanzjarju fuq il-koeżjoni.
Proposta oħra hi li jitneħħa għal kollox it-tnaqqis fuq il-ħlasijiet dovuti minnhom lill-baġit li jgawdu ċerti pajjiżi (“rebates”). Ir-Renju Unit l-aktar li kien jibbenefika minnhom; imma numru ta’ pajjiżi oħra wkoll. La r-Renju Unit se jkun telaq, qed tgħid il-Kummissjoni, ir-“rebates” għandhom jispiċċaw għal kulħadd.
Sadattant, il-Kummissjoni qed tagħfas fuq żieda fl-ispiża fuq oqsma bħall-immigrazzjoni, fejn se jkun hemm proġetti maħsuba biex jilqgħu għall-immigranti li jkunu waslu, biex jipprovdulhom għajxien deċenti, u biex jassiguraw li qed jinfilzaw tajjeb fis-soċjetajiet fejn ikunu jinsabu. Hemm imbagħad il-ħarsien tal-fruntieri tal-Unjoni bħala parti minn politika tas-sigurtà interna kontra t-terroriżmu u l-immigrazzjoni irregolari, anke b’forza Ewropea ta’ kontroll fil-fruntieri mmexxija mill-Unjoni. Hemm id-difiża, skont il-pjani li qed jitħasslu biex l-Unjoni Ewropea tiżviluppa industrija kontinentali tal-armamenti u biex isiru ħidmiet militari konġunti bejn pajjiżi membri. U hemm maħsub tkabbir fl-iskema tal-Erasmus, li biha eluf ta’ studenti żgħażażgħ iqattgħu xhur ta’ studju f’pajjiż li mhux tagħhom fl-UE.
Il-Kummissjoni ħarġet ukoll bi proposta oħra li fl-aħħar xhur qajmet kontroversja meta daret ir-ronda tal-pajjiżi membri u tal-Parlament Ewropew. Il-ħruġ mill-baġit Ewropew fuq proġetti fil-pajjiżi membri għandu jkun kondizzjonat minn kemm dawn tal-aħħar jibqgħu jirrispettaw il-valuri Ewropej kif imfissra fit-trattati. Jekk ma jagħmlux dan, il-fondi lilhom ikunu jistgħu jitwaqqfu.

ID-DĦUL
La l-ħruġ ikun ġie stabbilit, kif se jinħadem id-dħul biex jilqa’ għalih?
Il-Kummissjoni Ewropea ikkonkludiet li m’hemmx alternattiva għal żieda fil-miżata li l-istati membri jridu jagħmlu direttament. Bħalissa din tammonta għal xi 1 fil-mija tad-daqs tal-ekonomija tagħhom imkejla skont dak li jissejjaħ il-Prodott Gross Domestiku (PGD). Il-Parlament Ewropew b’vot maġġoritarju fisser kif iż-żieda għandha tlaħħaq sa 1.3 fil-mija tal-PGD. Il-Kummissjoni – b’saqajha mal-art aktar mill-Parlament – qed tipproponi żieda għal 1.11 fil-mija.
Żieda hekk fid-dħul xorta ma tkunx biżżejjed biex tlaħħaq mal-ħruġ li qed ikun prospettat. Biex tilqa’ għall-ħofra li se tinħoloq, il-Kummissjoni Ewropea allura għamlet diversi proposti. Waħda minnhom hi li meta l-istati membri jiġu biex jgħaddu lil Brussell id-dħul mid-dwana li jiċċarġjaw fuq prodotti importati, kif huma obbligati li jagħmlu skont it-trattati Ewropej, il-parti li jżommu bħala spiża amministrattiva tiċkien. Biss l-aktar importanti mill-proposti tal-Kummissjoni f’das-sens hu biex jiddaħħlu żewġ taxxi li japplikaw mal-Unjoni Ewropea kollha u li parti minnhom tintbagħat imbagħad lil Brussell. Dawn iż-żewġ taxxi huma fuq l-użu tal-plastikk għall ippakkettjar; u fuq il-profitti tal-kumpaniji li jiġu obbligati jibdew kollha jużaw is-sistema msejħa CCCTB (“common consolidated corporate tax base”) li biha jkejlu id-dħul u n-nefqa li jagħmlu ħalli jikkalkolaw il-profitti tagħhom.
Fuq il-bażi ta’ dawn il-proposti “realistiċi”, il-Kummissjoni Ewropea stqarret li jkunu jistgħu jintlaħqu l-miri finanzjarji f’linja mal-għanijiet li qed jitpoġġew quddiem l-Unjoni għas-snin li ġejjin.

RIŻERVI
Il-proposti tal-Kumissjoni mhumiex it-tmiem imma l-bidu ta’ diskussjonijiet komplikati. Iridu jwasslu għal qbil unanimu bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni dwar il-miżuri li se jittieħdu. Wara, il-Parlament Ewropew irid japprova b’maġġoranza ta’ voti il-ftehim milħuq. Hemm mira biex dan kollu jintemm sa qabel Mejju tas-sena d-dieħla meta jinżammu l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Issa naraw.
Riżervi dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ħarġu diġà fil-beraħ.
L-Olanda u l-Awstrija fost oħrajn, mhumiex jaqblu li għandhom jispiċċaw ikollhom iħallsu ħafna aktar milli diġà qed jagħmlu.
Franza lesta tikkonsidra żieda fil-kontribuzzjoni nazzjonali tagħha imma mhijiex qed taqbel dwar tnaqqis sostanzjali fil-fondi għall-biedja. Fl-Italja hemm l-istess inkwiet dwar il-biedja.
Pajjiżi tas-sud u tal-lvant, bħall-Greċja, Spanja u r-Rumanija mhumiex jaraw b’għajn ħanina t-tnaqqis fil-fondi u proġetti ta’ “koeżjoni” li jista’ jolqothom bil-kbir.
Qamu mistoqsijiet dwar kemm huma ta’ min jafdahom iċ-ċifri tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-bidliet li qed tipproponi, speċjalment dwar jekk hix qed tagħmel il-kalkoli bil-prezzijiet tal-lum jew skont prezzijiet kontanti. Qed jintqal li t-tnaqqis li l-Kummissjoni qed tipproponi fuq biedja u koeżjoni fil-fatt hu ħafna akbar milli hi qed tgħid.
Il-Polonja u l-Ungerija qed jipprotestaw li l-miżura li l-Kummissjoni trid iddaħħal biex torbot il-ħruġ ta’ fondi mar-rispett mill-pajjiżi membri tal-valuri tal-Unjoni hi indirizzata kontrihom. Mhumiex se jaċċettawha.
L-ewwel pass lejn soluzzjoni tal-finanzjament Ewropew bejn is-snin 2020 u 2027 ittieħed. Imma tassew li għad baqa’ ħafna xi jsir.

Facebook Comments

Post a comment