Il-waqfa għall-vaganza tal-Għid ħbiet tajjeb l-inkwiet li baqa’ jissensel fl-Ewropa fl-aħħar ġimgħat. Kif wieħed seta’ jistenna tul l-aħħar sena, il-kriżi tal-immigrazzjoni rregolari u tar-refuġjati, tħabblet mat-theddida li daqt se jseħħ attakk terroristiku ġdid f’xi kapitali Ewropea. Forsi Pariġi, forsi Brussell. Il-gvernijiet Ewropej, l-istess Unjoni Ewropea dehru minn ġimgħa għal ġimgħa bħala li mhumiex qed jikkontrollaw tajjeb dak li kien qed jiġri. U li mhumiex jaqblu bejniethom.
Il-ftehim li sar mat-Turkija dwar kif se jkunu mrażżna l-kurrenti ta’ immigranti resqin lejn l-Ewropa forsi kien l-aħjar arranġament li seta’ jintlaħaq fiċ-ċirkostanzi. Imma x’aktarx ukoll li ma ssodisfa lil ħadd. Aħjar hekk, minn xejn jew agħar, dak kien il-mod kif intlaqa’ l-ftehim. Mhix ħaġa sorprendenti allura li d-dubji dwar kemm jista’ jitwettaq b’mod effettiv għadhom ma battewx. Tqajmet f’diversi pajjiżi Ewropej, kritika mil-lat tad-drittijiet tal-bniedem, dwar dak li jinsab għaddej. Minn punti oħra, ħarġet informazzjoni dwar kif it-twettiq ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fuq livell Ewropew ma kienx qed ikun effettiv jew qed jiġu injorati minn uħud mill-gvernijiet. Din l-inċertezza mhijiex tagħmel tajjeb.

JISTENNEW DAQQA OĦRA

Fil-ġimgħa u nofs li għaddew mill-attakki terroristi ta’ Brussell, waqt li baqgħet miexja l-investigazzjoni tal-pulizija Belġjana u saru numru ta’ arresti, ħarġet ukoll informazzjoni inkwetanti dwar kemm l-għassa kontra t-terroriżmu mhix qed tkun effettiva. Hi ħaġa ċara li l-ebda servizz poliżjesk ma jista’ jipprevedi kull konfoffa qerrieda li tista’ titfaqqas, sakemm pajjiż ma jitmexxiex bil-kontrolli totalitarji ta’ stat polizjesk. Ħadd ma jrid dil-ħaġa fl-Ewropa.
Madankollu, sar magħruf kif il-pulizija Belġjana u servizzi oħra tas-sigurtà kienu waslulhom minn qabel twissijiet dwar uħud mit-terroristi. Fuq hekk, ma ttieħdet l-ebda azzjoni. Pereżempju, mit-Turkija ntbagħtet twissija li wieħed mill-kamikaże ta’ Brussell kien inqabad se jaqsam lejn is-Sirja. L-FBI bagħtet permezz tal-Olanda twissija dwar tnejn oħra. Issa kemm fil-Belġju u kemm fi Franza, il-forzi tas-sigurtà kienu kollha fuq alert dwar il-probabbiltà dejjem tikber ta’ ħidma terroristika ġdida – kienu qed jistennew daqqa oħra.
Quddiem dawn il-fallimenti, faret kontroversja fi ħdan il-ministeru tal-intern Belġjan. Publikament il-ministru ċanfar lill-uffiċjal li kien irċieva t-twissija mill-Olanda u ħalliha torqod. Il-kap tal-unjin tal-pulizija Belġjana min-naħa tiegħu attakka bl-aktar mod qawwi lill-istess ministru talli tkellem kif tkellem. Kemm il-ministru tal-intern u dak tal-ġustizzja offrew ir-riżenja tagħhom. Dawn ma ġewx milqugħa mill-prim ministru Belġjan. Sadattant, ġurnalist indipendenti ġie arrestat fuq suspett li kien wieħed mill-attakkanti tal-ajruport ta’ Zaventem. Imma ftit wara kellu jerġa’ jiġi meħlus għax il-pulizija ma setgħux isibu provi materjali konvinċenti kontra tiegħu.
Dan kollu wera li s-servizzi ta’ sigurtà Ewropej għadhom lura sew milli jipprovdu risposta xierqa għat-theddida tat-terroriżmu kif qed tiżvolġi fi żminijietna. Il-ministri tal-intern u tal-ġustizzja Ewropej iltaqgħu numru ta’ drabi fl-aħħar ġimgħat. Darba minnhom fil-Ġimgħa l-Kbira. Biss il-problema għadha dik li jeżisti nuqqas ta’ koperazzjoni bejn is-servizzi nazzjonali ta’ sigurtà. Ilu ħafna jsir diskors dwaru. Tnedew sforzi biex jiddaħħlu modi ġodda kif dawn is-servizz jistgħu jaħdmu flimkien. Li dil-problema għadha akuta qed titqies bħala ħaġa inkwetanti ħafna.

IL-FTEHIM MAT-TURKIJA

Minkejja d-dubji u l-kritika, it-tħejjijiet biex il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija jitwettaq baqgħu javvanzaw. Suppost li jkun effettiv minn għada, t-Tnejn. In-naħa Torka jidher li qed tonora diġà l-parti tagħha tal-ftehim għax in-numru ta’ immigranti ġejjin mit-Turkija naqas sew fl-aħħar ġimagħtejn. Xorta waħda fil-Ġreċja għad hemm konfużjoni kbira fl-inkwadrament tal-immigranti li diġà waslu. Il-fruntieri Balkani fin-nord baqgħu magħluqa u eluf ta’ immigranti spiċċaw jgħixu f’kondizzjonijiet orribbli f’nofs għelieqi mimlija tajn.
U kif kien mistenni, ingħata bidu għal ċaqliq tal-immigrazzjoni minn żona oħra. Waqt li naqsu l-immigranti li qed jaqsmu lejn il-Greċja, reġgħu bdew jiżdiedu l-immigranti li telgħin bid-dgħajjes mill-Afrika ta’ Fuq. Fl-Italja daħlu aktar minn 3,000 immigrant fl-aħħar għaxart ijiem. In-numri tagħhom x’aktarx jogħla fil-ġimgħat li ġejjin. Waqt li kien qed jiġi negozjat il-ftehim mat-Turkija, ir-Renju Unit, l-Italja, Malta, il-Greċja u Ċipru kienu ltaqgħu biex iqisu kif se jilqgħu għal dan iċ-ċaqliq prevedibbli. Ix-xbieki ta’ traffikanti tal-bnedmin li huma attivi fil-Mediterran għad għandhom is-saħħa u l-ħila li fi ftit taż-żmien, jibdlu l-mudell ta’ kif joperaw. Jekk jitwaqqfu minn naħa, jkomplu b’xogħolhom minn naħa oħra, ħaġa li tirrifletti ħażin ukoll fuq is-servizzi Ewropej tas-sigurtà. B’xorti ħażina dan l-iżvilupp qed iseħħ f’mument meta s-sitwazzjoni fil-Libja kompliet tikkomplika ruħha.
U ta’ min jgħid li għalkemm il-ftehim mat-Turkija miexi ’l quddiem, l-iskolli u d-diffikultajiet mhumiex jonqsu. Fil-verità fost l-Ewropej teżisti antipatija… jekk dik hi l-kelma t-tajba, lejn il-President Erdogan li hu mitqies bħala wisq awtoritarju u dejjem lest jisfida. Min-naħa tiegħu, Erdogan dejjem irriġetta l-akkużi li sarulu mill-Ewropa, u anki akkuża lill-mexxejja tagħha bħala ipokriti. L-aħħar tilwima qamet meta fil-mezzi ta’ kumnikazzjoni Ġermaniżi għamlet furur kanzunetta satirika dwar Erdogan. Bħala you tube kellha suċċess fantastiku. Erdogan ipprotesta kontra tagħha mal-gvern Ġermaniż. Dan wieġeb li f’pajjiżu tinżamm libertà sħiħa tal-espressjoni.

Facebook Comments

Post a comment