Waqt il-kampanja elettorali li tinsab għaddejja għall-Parlament Ewropew, fid-diskussjonijiet li jinqalgħu, anke fid-djar, ta’ sikwit tqum il-mistoqsija – Bħala pajjiż żgħir, għandna xi leħen, xi saħħa fl-Ewropa? Uħud isemmu kif fil-Parlament żgur, Malta qisha qiegħda hemm biex tkun lesta ħalli tiġi akkużata u kkritikata bla rażan.
Issa jien kont wieħed minn dawk li fl-imgħoddi wissew kif fil-kumpanija ta’ pajjiżi ferm akbar minn Malta, u marbuta magħhom b’regoli li tfasslu għalihom, bilfors se jiġri li l-leħen ta’ Malta se jkun dgħajjef. Għedt kif mhux se jirnexxilu jikkuntrasta biżżejjed ma’ leħen sħabu “l-kbar”. Kienu jgħajruni li f’hekk qed nuri sens ta’ inferjorità lejn pajjiżi Ewropej oħra. Qatt ma stajt nifhnmha dil-kritika għax min kien qed jagħmilha, baqa’ jsostni fl-istess waqt li waħidha, u mingħajr sħubija mal-pajjiżi Ewropej l-oħra, Malta ma kinitx se tkun kapaċi tilqa’ għall-isfidi tal-futur!
Insomma, dawn argumenti tal-imgħoddi. Illum imma, quddiem il-kritika dwar Malta bħala ġenna fiskali u bejgħ ta’ passaporti u ma nafx xiex aktar, l-istess argumenti qed jerġgħu iqumu. Kemm hu minnu li Malta tinsab żvantaġġjata fiċ-ċokon tagħha?
Naħseb li hemm żewġ punti li jridu jitqiesu. L-ewwel ħaġa hi li l-Unjoni Ewropea topera skont regoli li jkunu ġew negozjati bejn il-pajjiżi membri u li japplikaw mal-kontinent kollu. Hi ħaġa ċara li meta dawn ir-regoli jitfasslu, isir sforz biex kemm jista’ jkun huma jitħaddmu għal kulħadd bl-istess mod. Jekk le, u kulħadd jitlaq għal rasu, għalfejn wieħed għandu jidħol għall-ħidma tal-għaqda? Issa, fl-isforz biex jitfasslu regoli għal kulħadd l-istess, bilfors li ma jistax jiġi kkuntentat kulħadd. Fil-prinċipju, kulħadd għandu jċedi xi ħaġa b’sens ta’ bilanċ u ġustizzja. Fis-sew: hekk jiġri?
Li jwassalna għat-tieni punt. Aktar ma pajjiż ikun kbir u jkollu importanza ekonomika u soċjali, aktar se jkun meħtieġ li ma jsir xejn li joħnoq ħidmietu. Il-priorità tkun biex dil-ħaġa ssir bla dannu għal ħadd. Fil-prattika, id-dwejjaq tal-kbar iridu jieħdu l-akbar post, u dan b’mod naturali, għax huma dawn id-dwejjaq li l-aktar jista’ jkollhom konsegwenzi għall-kontinent kollu kemm hu. L-istess ħaġa ma tistax tingħad dwar iż-żgħar. U allura, l-periklu hu li huma l-interessi taż-żgħar li l-aktar jitwarrbu malajr.
Mhux għax bilfors dik tkun ix-xewqa jew għax l-għan tal-kbar hu li jgħaffġu liż-żgħar. Imma għax hi fin-natura tal-kompromnessi bejn kbar u żgħar, li fl-aħħar mill-aħħar, ftehim se jispiċċa jħalli l-akbar spazju, lil min għandu l-akbar preżenza.

***

KAĊĊA U INSIB

Nerġa’ lura għal-laqgħat li jkolli meta nħabbat il-bibien tad-djar. Li qed jolqotni hu n-numru ta’ nies li jitkellmu dwar kif kaċċaturi u nassaba mhumiex se jivvotaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Nisma’ dan mingħand persuni li jipprattikaw id-delizzju, familjari tagħhom u oħrajn li jirrakkontaw xi jgħidu sħabhom li wkoll għandhom ħajjithom marbuta mal-kaċċa u l-insib.
Issa jien m’għandix u qatt ma kelli dan id-delizzju. Imma naf kemm hu fond is-sentiment tiegħu f’ħafna u ħafna miċ-ċittadini tagħna. Naf min qed isofri minn dipressjoni qawwija minħabba li qed ikollu jwarrab mid-delizzju tiegħu.
Naf ukoll li hawn ħafna Maltin li huma kontra l-kaċċa u l-insib. Napprezza l-fehmiet u d-drawwiet ta’ kemm min hu favur u kemm min hu kontra. Nibqa’ nitkellem maż-żewġ naħat.
Nemmen li l-bżonnijiet tal-kaċċaturi u n-nassaba għandhom jiġu rispettati. Imma meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, konna ffirmajna “liġi” li tirrestrinġi bil-kbir id-delizzju tagħhom. Wissejt kemm-il darba dwar hekk, għalkemm ma ngħatajtx widen biżżejjed. Issa li ninsabu membri tal-Unjoni Ewropea, irridu nirrispettaw il-liġijiet tagħha kif imħaddma minn dawk li qiegħdin hemm biex iħaddmuhom.
Dwar hekk se nibqa’ ngħid il-verità qarsa kemm hi qarsa. M’inix se noqgħod niddieħek bin-nies billi nwiegħdehom dak li ma narax kif jista’ jsir. Ħaddieħor jagħmel li jrid. Jekk kaċċarturi u nassaba jridu jemmnu l-kliem vojta ta’ min min-naħa tal-PN qed jerġa’ jwegħedhom is-salvazzjoni, affarihom. Min daħak bik darba, tafdah għat-tieni darba? Ma nindaħalx aktar dwar hekk.
Biss hu importanti li kulħadd ikun jaf kif it-triq li twassal għal aktar xkiel fuq id-delizzji msemmija għadha miftuħa. Jekk kaċċaturi u nassaba u l-familji tagħhom ma jivvotawx fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jiftħu it-triq għal min irid inaqqas dejjem aktar mill-iżvog tagħhom – kif inhi l-intenzjoni. Dan għax la jibqgħu lura mill-vot, se jispiċċaw bla ħadd biex jisma’ x’għandhom xi jgħidu.
Dwar hekk, kelli diskussjoni interessanti mal-mexxejja tal-Għaqda Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti. Huma wkoll ma jaqblux li kaċċaturi u nassaba ma jivvotawx. Xorta se jiġu eletti sitt deputati għall-Ewropa, qaluli. X’interess se jkollhom is-sitta eletti fil-kawża tal-kaċċaturi u n-nassaba jekk dawn se jkunu assenti mill-vot? staqsew.
***
MHUMIEX JAQBLU DAQSTANT

Ilu jintqal, anke f’din il-paġna, kif bit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Ġermanja u Franza se jkunu duo dominanti fl-Ewropa. Diġà, bħal fir-riformi li jissemmew għaż-żona tal-ewro, il-pajjiżi membri l-oħra donnhom jispiċċaw jistennew l-inizjattiva taż-żewġ pajjiżi biex jitħarrku. Jagħmlu dan għax jafu li jekk it-tnejn ma jkunux iridu bidla, xejn mhu se jsir. U wkoll jagħmlu dan biex jaraw sa fejn qed iwasslu l-ideat “ġodda” li t-tnejn se joħorġu bihom, qabel jiddeċiedu fuq xi jridu huma.
Dil-biċċa ma togħġobx lil kulħadd, m’hemmx għalfejn ngħidu. Mil-lvant speċjalment, id-dwejjaq għal xinhu jiġri ilu jissensel. Biss kien hemm ilħna oħra wkoll li lmentaw kontra l-ħolqien ta’ xi “direttorat” Franko-Ġermaniż.
Iż-żewġ pajjiżi qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jaħdmu flimkien. It-trattat ta’ ħbiberija li ffirmaw ftit ilu b’tiġdid tal-ftehim li kellhom bejniethom mis-snin sittin tas-seklu l-ieħor, kien turija ta’ dan. Issa, huma marbuta li jżommu laqgħat konġunti tal-kabinetti tal-ministri; li jmexxu xi servizzi dipomatiċi flimkien; u li jippromwovu f’pajjiżhom l-ilsien ta’ xulxin. Biss fir-realtà, meta jitqanqlu materji prattiċi ta’ importanza kbira, Franza u l-Ġermanja qed jidhru li mhumiex daqstant jaqblu bejniethom.
Il-miżuri li qablu dwarhom bħala riformi għaż-żona tal-ewro jaħbtu bogħod sew milli ried il-President Franċiż Macron. Uħud mill-kelliema Franċiżi ma qagħdux lura milli jesprimu d-diżappunt tagħhom. L-istess ġara meta Macron ħareġ mill-ġdid bil-proposti għal avvanz sħiħ fir-rinforzar tal-għaqda Ewropea – li semmih “rinaxximent”. It-tweġiba tas-segretarja ġenerali tal-partit demokristjan Ġermaniz, AKK kif inhi magħrufa, kienet bierda għall-aħħar. Kontro-proposta tagħha xxukkjat lill-Franċiżi. Kienet biex il-Parlament Ewropew ma jibqax jiltaqa’ Strasbourg imma jinġabar għal kollox fi Brussell. Għax ma pproponietx li anke l-Bank Ċentrali Ewropew ma jibqax fi Frankfurt imma hu wkoll jittieħed Brussell? staqsa kummentatur Franċiż li qed jibża’ li pajjiżu jispiċċa taħt tutela Ġermaniża.
Punt ieħor fejn ma kienx hemm qbil bejn iż-żewġ naħat dan l-aħħar kien dwar il-bejgħ lis-Sawdi Għarabja ta’ armi sofistikati li jipproduċu bejniethom. Wara l-qtil tal-ġurnalista Khashoggi f’Istanbul, kienu daħħlu embargo fuq bejgħ ta’ dawn l-armi. Issa l-Franċiżi jridu jneħħuh. Il-gvern ta’ koalizzjoni Ġermaniż inqasam fuq dil-ħaġa, bis-soċjalisti jridu jżommu l-embargo, u l-bqija lesti li jiċċaqalqu għal li jridu l-Franċiżi, għalkemm mingħajr wisq entużjażmu.
Għal li ġej, minkejja kull ma ntqal sa issa, hi ħaġa ċara li mhux se jkun faċli li jintlaħaq ftehim bejn il-Ġermanja u Franza fuq materji ta’ importanza kruċjali.

Facebook Comments

Post a comment