Jien u sejjer bil-mixi lejn il-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta li għadda filgħodu, aktar kmieni mis-soltu, daħlu messaġġ u telefonata li fil-mixi ma ndunajtx bihom. Meta wasalt fil-Parlament sibthom irreġistrati; kienu mingħand David Casa u ċempiltlu lura. Saqsieni jekk hux kulħadd kien qawwi u sħiħ fid-delegazzjoni Laburista għax kien għadu kemm twettaq attakk terroristiku fuq Zaventem. B’hekk sirt naf bil-bombi fl-ajruport nazzjonali ta’ Brussell.
Waqt li tkellimna, bomba oħra splodiet fl-istazzjoni tal-metro ta’ Maelbeek, qrib ħafna tal-Parlament Ewropew. Kont għadni kemm għaddejt minn quddiemu fi triqti lejn il-Parlament. Kieku mhux għax kellna laqgħa kmieni tal-kumitat ekonomiku u finanzjarju, x’aktarx li kont bħas-soltu nimxi minn quddiemu fl-istess waqt jew kważi, li fil-qiegħ tiegħu, splodiet bomba li qerdet il-ħajja ta’ għoxrin ruħ.
Il-belt ta’ Brussell tista’ tgħidilha li trid: kwieta, monotona, griża, interessanti, belt tax-xogħol, tiekol tajjeb fiha… Imma mhijiex belt li tiflaħ għall-vjolenza li ġarrbet dil-ġimgħa fuq l-iskala li seħħet. Waqt li ngħalqu l-aqwa arterji tal-belt, kif ukoll il-metro u t-trammijiet, matul il-ġurnata s-sireni tal-ambulanzi u tal-karozzi tal-pulizija baqgħu jidwu ma’ kullimkien. It-televixin ħabbar li ħidma ta’ attakk fuq terroristi kienet qed tittella minn forzi tal-gvern, waqt li r-rapporti dwar salvataġġ fost il-midrubin ta’ Zaventem u ta’ Maelbeek ma naqsux.

TERRORIŻMU

Fis-sew kien ilu mistenni li se jitwettaq attentat kbir fi Brussell minn mindu wara l-atti terroristi ta’ Novembru li għadda f’Pariġi, instab li dawn kien ġew ippjanati minn subborg ta’ Brussell u ttellgħu minn hemm. Erbagħt ijiem qabel, fi kwartier ta’ Brussell, inqabad wieħed mit-terroristi li wettqu l-qerda ta’ Pariġi.
It-Tlieta u anki l-Erbgħa, Brussell tat dehra ta’ belt issummata, u bir-raġun. Tinsab fiċ-ċentru tal-Ewropa, bl-ajruport internazzjonali tagħha jilqa’ kuljum delegazzjonijiet ġejjin minn kull parti tal-Ewropa għat-trattattivi u negozjati bejniethom u ma’ delegazzjonijiet minn barra l-Ewropa. Issa rat parti mill-ajruport tagħha jsir ħerba mdemmija. L-istess fil-metro ta’ Maelbeek li jinsab qrib ħafna tal-istituzzjonjiet Ewropej, il-Kummissjoni u l-Parlament.
Fil-waqt li qed nikteb, għad ma hemmx informazzjoni sħiħa dwar kif twettqu l-attakki bil-bomba. Biss hu ċar li l-mira terroristika tal-estremisti Iżlamiċi tinsab riesqa lejn l-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar xhur din kienet qed tiffoka fuq ħidma sħiħa dwar ir-refuġjati mis-Sirja u tikkordina (bla ma rnexxielha wisq) ħidma ta’ sigurtà Ewropea kontra t-terroriżmu.
Ħafna mill-atti terroristiċi qed jitwettqu minn persuni li huma ċittadini ta’ pajjiżi Ewropej. Qed isir dejjem aktar urġenti għall-Ewropa li tiddetermina xinhu jwassal biex daqstant nies li trawmu fi ħdanha, jikkommettu dawn l-atti ta’ ħruxija eċċezzjonali. Reġgħet bdiet tissemma l-ħtieġa li l-miżuri ta’ sigurtà jissaħħu, ħaġa li tagħmel sens. Biss kontra nies li lesti joqtlu lil ħaddieħor bl-istess mewt tagħhom, jissaħħu kemm jissaħħu l-miżuri tas-sigurtà, se jibqgħu jinstabu modi ġodda u differenti kif jinżera’ t-terrur.
L-Ewropa għandha quddiemha l-isfida ta’ kif tifhem għaliex fi ħdanha stess qed twelled għedewwa kriminali li lesti għal kull sagrifiċċju personali, l-aqwa li jkunu qerdu u qatlu.

DUBJI U OĠĠEZZJONIJIET

L-attakki bil-bomba ta’ Brussell tefgħu fil-ġenb tal-attenzjoni publika, l-ħidma li telqet biex id-deċiżjonijiet li ħa l-Kunsill Ewropew dwar il-ftehim mat-Turkija fuq ir-refuġjati jitwettqu. Il-probabbiltà hi li dal-proċess mhux se jseħħ bla diffikultajiet kbar. Fuq quddiem nett, hemm in-naħa prattika tiegħu. Qed jiġi stmat li n-nies meħtieġa fil-Ġreċja biex jilqgħu r-refuġjati dieħla, biex jipproċessaw it-talbiet tagħhom, biex jibagħtuhom lura jew iżommuhom, u biex jilqgħu refuġjati oħra mibgħuta mit-Turkija jlaħħqu mal-eluf. Iridu jintbagħtu mill-pajjiżi membri fl-imkejjen fejn qed jaslu l-immigranti, jiġu organizzati u nkwadrati – ħaġa li mhix faċli tagħmilha mil-lum għal għada.
Ukoll, kien qed ikollhom jitwittew problemi ta’ dan it-tip: skont il-liġi internazzjonali, biex il-Greċja tista’ tibgħat refuġjati lura lejn it-Turkija, riedet l-ewwel tirrikonoxxi lil dal-pajjiż bħala wieħed li hu “salv” għar-refuġjati li jintbagħtu lura fih. Numru ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom il-Greċja, kienu għadhom ma tawx dan ir-rkonoxximent lit-Turkija. Il-Greċja ma xtaqitx li tkun waħdiha li tagħti dan ir-rikonoxximent kif uħud xtaqu!
Effettivament il-kritika li l-ftehim milħuq jikser il-liġijiet internazzjonali dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem komplew jinfirxu. Il-kritika saret mill-aġenzija tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tar-refuġjati, mill-grupp tat-Tobba Bla Fruntieri, u minn Amnesty International. L-ewwel tnejn iddikjaraw li se jwaqqfu kull sehem tagħhom fil-ħidma li se ssir fil-Ġreċja biex jiġu miżmuma l-immigranti rreġolari hekk kif jaslu.
Sadattant, kritiċi oħra bdew jgħidu li jekk il-ftehim jirnexxi kif iriduh l-Ewropej, huma se jkunu sempliċement qed iwaddbu aktar piżijiet ta’ refuġjati ġodda ħerġin mis-Sirja għal fuq it-Turkija. Veru li din issa ingħatat il-prospett li minflok tliet biljun ewro, eventwalment l-Unjoni Ewropea tibgħatilha sitta. Jeżistu dubji madankollu dwar kemm dawn il-flus se jinħarġu malajr.
Kollox ma’ kollox, il-ftehim mat-Turkija għadu wieħed b’futur inċert.

BREXIT JISTA’ JSEĦĦ

Fuq front ieħor, l-inċertezzi żdiedu dil-ġimgħa dwar kemm il-Prim Ministru Ingliż Cameron se jirnexxielu jirbaħ ir-referendum li se jorganizza f’Ġunju dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea jew le. Mill-kabinett Ingliż irriżenja l-ministru tas-servizzi soċjali, Iain Duncan Smith, li darba kien mexxej tal-Partit Konservattiv. Hu wieħed mill-ministri li qed jagħmlu kampanja favur il-Brexit.
Ir-raġuni li ġab għar-riżenja kienet li l-aħħar baġit Ingliż xaqleb wisq lejn l-għonja u ttratta ħażin lil dawk bi dħul baxx. Imma r-raġuni vera nftehmet bħala li Duncan Smith ried ikollu kull libertà jikkampanja sal-aħħar kontra s-sħubija tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea.
L-ispettaklu li qed jagħti l-Partit Konservattiv, ta’ firda interna qawwija, qed jaffettwa ħażin l-attitudni tal-poplu. Il-kampanja favur il-ħruġ tar-Renju Unit ikkargat u għall-ewwel darba r-riċerka tal-opinjoni publika qed turi li tinsab fuq quddiem.

Facebook Comments

Post a comment