Fl-Unjoni Ewropea – bħal f’kull sistema politika oħra wara kollox – huma l-kisbiet u l-ftehimiet il-kbar li l-aktar jissemmew fid-dettall. Dwar l-affarijiet li jibqgħu mdendla jew jisfrattaw, ta’ spiss jew id-diskors jibqa’ nieqes, jew ma jqumx wisq interess fid-dettalji li jkunu qed iżommu lura l-progress mixtieq. L-eċċezzjoni kbira għal dan fl-aħħar sentejn kienu n-negozjati tal-Brexit li sa issa, diffiċli tgħid li ssarrfu f’xi suċċess ta’ min jiftaħar bih, imma li ssemmew f’dettall kbir.
Fuq kollox, irid jingħad li bħala għaqda ta’ 28/27 pajjiż, bilfors se jqumu l-problemi quddiem xi pass ġdid li se jaffettwahom ilkoll. Jekk dal-pass jiddependi minn qbil tal-membri kollha, ma jistax ma jinqalgħux komplikazzjonijiet sakemm jiftehmu. Matul is-snin, saru u twettqu proposti biex dawn il-komplikazzjonijiet jitnaqqsu. Iddaħħlu regoli ta’ tmexxija li bihom proposta tista’ tiġi maqbula u mwettqa mhux bl-unanimità tal-membri imma b’maġġoranza msejħa “kwalifikata”. Pereżempju fuq proposta dwar politika barranija, dil-maġġoranza tikkonsisti minn 55 fil-mija tal-pajjiżi membri (16 minn 28 membru) u dawk il-pajjiżi li jivvotaw favur irid ikollhom 65 fil-mija tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Biss ta’ spiss jinstab li anke biex dawn il-maġġoranzi jintlaħqu, id-diffikultajiet ikunu kbar ħafna.

MIGRAZZJONI

Ta’ min inħarsu llum lejn żewġ oqsma fejn tista’ tgħid li fl-aħħar snin, minkejja l-urġenza tal-kwistjonijiet involuti u minkejja l-ħafna laqgħat li saru, il-progress lejn deċiżjoni baqa’ mwaħħal. Qasam wieħed ftit jeħtieġ introduzzjoni: l-immigrazzjoni. It-tieni wieħed għalkemm jissemma u semmejnieh f’dil-paġna aktar minn darba, jibqa’ għal ħafna nies kemxejn oskur: l-għaqda bankarja.
Il-migrazzjoni minn barra dejjem kienet suġġett delikat fl-Unjoni Ewropea u fil-membri tagħha. Forsi minħabba f’hekk, it-trattament tas-suġġett bħala kwistjoni Ewropea baqa’ lura u ma tqiesx bħala li għandu jkun parti mill-kompetenza tal-Unjoni. Arranġamenti ta’ kordinament u koperazzjoni fuq il-materja baqgħu tista’ tgħid barra mill-operat tal-Unjoni.
Fil-ftehim ta’ Dublin bejn il-pajjiżi membri, kien miftiehem fost oħrajn li meta jaslu jew refuġjati jew immigranti rregolari, waqt li dawn għandhom jingħataw l-aqwa trattament umanitarju fir-rispett tad-drittijiet “universali” tal-bniedem, huma għandhom jinżammu fil-pajjiż fejn l-ewwel jidħlu. Mill-bqija, ftit li xejn kien hemm interventi tal-Unjoni Ewropea bħala Unjoni f’dal-qasam. Kien żmien meta għalkemm bdew jiżdiedu l-wasliet ta’ immigranti rregolari speċjalment mill-Afrika biex ifittxu x-xogħol fl-Ewropa, il-maġġoranza tal-pajjiżi baqgħu jqisu dak li kien għaddej bħala relattivament ta’ importanza ċkejkna. Aktar u aktar għax kien ukoll iż-żmien, wara s-sena 2008, meta l-attenzjoni politika kienet ikkonċentrata fuq kif se jinbena lqugħ kontra l-kriżi finanzjajra.

IL-PAJJIŻI TAL-FRUNTIERA

Kif nafu dis-sitwazzjoni nbidlet bil-kbir fi ftit tax-xhur hekk kif il-gwerra tas-Sirja faret bl-atroċitajiet. Miljuni ta’ refuġjati ħarbu minn dak il-pajjiż imfarrak. Sadattant, baqgħu jaslu mill-Afrika, aktar immigranti kollha jfittxu x-xogħol fl-Ewropa mitqiesa minnhom bħala l-aqwa “art” ta’ prosperità. Il-problema tal-immigrazzjoni saret għalhekk bl-aktar mod ċar sfida Ewropea. Imbagħad, id-deċiżjoni tal-kanċellier Merkel li tiftaħ il-fruntieri tal-Ġermanja għar-refuġjati ħalqet terrimot politiku f’pajjiżha u fil-pajjiżi ta’ madwar. Aktar minn hekk, pajjiżi bħall-Greċja u l-Italja li kienu fil-“fruntiera” tal-Unjoni sabu li qed ikollhom jilqgħu aktar u aktar nies. U riedu jipprovdulhom fejn se joqgħodu u x’jieklu. Inqalgħu problemi enormi ta’ finanzi u ta’ kif dawn in-nies kollha li qed jaslu se jiġu akkomodati.
Skont il-ftehim ta’ Dublin, kif għedna, huma kellhom jinżammu fil-pajjiż Ewropew fejn jillandjaw. Il-ftehim ma kienx imfassal għat-tip ta’ sitwazzjoni li żviluppat. Politikament u ekonomikament, saret ħaġa ċara li l-pajjiżi tal-“fruntiera” ma kinux jistgħu jkomplu jġorru waħidhom il-piżijiet tal-immigrazzjoni anke jekk l-Unjoni Ewropea bdiet toħroġ fondi sostanzjali mill-baġit tagħha biex tgħinnhom iħallsu l-ispejjeż maħluqa mill-immigrazzjoni. Deher ċar li kien hemm bżonn ta’ politika Ewropea komuni ħalli tilqa’ għall-isfida li kienet qamet.
L-għażla kienet bejn żewġ toroq. Li l-pajjiżi tal-Unjoni jżommu mal-prinċipji ta’ solidarjetà mal-maħqurin li dejjem iddikjaraw bħala valuri Ewropej: kellhom idaħħlu r-refuġjati għandhom biex jagħtuhom kenn, waqt li jaqsmu bejniethom b’mod ġust il-piżijiet li jinħolqu. Jew inkella, jagħlqu l-fruntieri tagħhom u ma jħallux lir-refuġjati u immigranti jidħlu.
Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u numru sostanzjali ta’ pajjiżi membri qablu mal-ewwel għażla. Pajjiżi oħra, mil-lvant l-aktar, riedu tat-tieni. Saru ħafna proposti biex tiġi segwita l-ewwel triq. Kull inizjattiva li ttieħdet f’das-sens, ma waslet imkien – aktar u aktar għax anke fost il-pajjiżi li reduha, jinstabu minoranzi qawwija tal-poplu li jippreferu t-tieni triq. Issemmew inċentivi, multi, arranġamenti biex min ma jridx jieħu r-refuġjati f’daru, jikkontribwixxi fi flus għaż-żamma tagħhom mill-pajjiżi l-oħra…
Dan kollu ma wassal imkien. Sal-lum… sa futur prevedibbli… l-Unjoni Ewropea se tkun baqgħet mingħajr politika komuni dwar l-immigrazzjoni.

BANEK

Li jġibna għat-tieni qasam: dak tal-għaqda bankarja fi ħdan iż-żona tal-ewro. Jiġifieri arranġament komuni li bih fil-pajjiżi membri taż-żona, il-banek jitmexxew skont l-istess regoli. B’hekk, il-ħsieb hu li jista’ jiġi evitat il-falliment ta’ xi wieħed minnhom li jispiċċa periklu għall-ekonomija ta’ pajjiżu. Imbagħad, il-gvern jipprova jsalva l-bank u jinqabad hu wkoll f’gażiba finanzjarja manja.
Allura kien hemm qbil li din l-għaqda bankarja tinbena fuq tliet binarji. L-ewwel jidħlu regoli komuni ta’ tmexxija għall-banek Ewropej, li kellhom jiġu sorveljati minn awtorità indipendenti. Banek li jkollhom problemi jiġu jew megħjuna jfiequ jekk jitqiesu li huma salvabbli; jew mitluqa biex ifallu jekk il-każ tagħhom ikun iddisprat wisq.
It-tieni binarju kien li jinbena fond fuq numru ta’ snin, li jikkontribwixxu għalih l-istess banek. Kellu jkun kbir biżżejjed biex ikun jista’ jagħmel operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq banek li jmorru żmerċ.
L-ewwel żewġ miżuri qed jitwettqu, għalkemm għadhom mhumiex kompluti. It-tielet miżura biex tassew l-unjoni bankarja tista’ titwettaq, hekk kif ġie maqbul bejn il-membri taż-żona tal-ewro, kienet din: li tinħareġ garanzija lid-depożitanti fil-banek Ewropej. Jekk il-bank li fih ipoġġu flushom ifallu, huma ma jitilfux il-fondi li jkunu fdawlhom. Dwar dan qamet polemika li għadha ma nqatgħetx. Il-garanzija kienet se tfisser li l-banek Ewropej se jaqsmu bejniethom is-sogri ta’ self li joħorġu u li ma jrendux.
Biex jingħata bidu għall-iskema Ewropea ta’ garanzija, beda jintqal kif hemm bżonn li l-ewwel il-banek konċernati jridu jnaqqsu u jeħilsu mis-self perikoluż jew fallut li diġà qed iġorru. Inkella l-banek li m’għandhomx il-piżijiet ta’ self li ma jrendix jispiċċaw iġorru l-kanna tal-bqija. Qabel taqsam ir-riskji intqal, kien hemm bżonn li r-riskji jitnaqqsu bank bank.
Minn hawn qamet polemika li għadha għaddejja: Kif għandhom isiru l-affarijiet? Għandu l-ewwel jitwettaq sal-aħħar it-tnaqqis tar-riskji? Jew dan jista’ jitmexxa fl-istess ħin, pass pass mad-dħul ta’ ħidma li biha kulħadd jaqsam fir-riskji? Fuq quddiem nett fil-għajta li jridu l-ewwel jitnaqqsu r-riskji bank bank, kien hemm il-Ġermanja. Din baqgħet tibża’ li se titpoġġa f’sitwazzjoni fejn ikollha tħallas għall-iżbalji ta’ ħaddieħor. Imma anke hawn, il-Ġermanja ma kinitx waħidha.
U allura fl-aħħar erba’ snin u aktar, id-diskors dwar l-għaqda bankarja baqa’ jagħqad fuq das-suġġett: Meta u kif se jkunu tnaqqsu r-riskji li l-banek iġorru? Meta u kif se tidħol il-garanzija fuq id-depożiti? Għal dit-taħbila għadha ma nstabitx soluzzjoni, li bla dubju ta’ xejn, aktar minnn kollox, trid tkun soluzzjoni “politika”.

***
Ilu jidher li bħal fir-rigward tal-immigrazzjoni, il-binja ta’ unjoni bankarja fl-Ewropa imtellgħa fuq tliet linji ta’ ħidma meħtieġa, se tibqa’ mwaħħla.