L-EWROPA U S-SERVIZZI FINANZJARJI

Kienet ilha ġejja. Li telqet waqt li għaddejja kampanja elettorali f’Malta lanqas ma kienet xi sorpriża kbira. Fl-Unjoni Ewropea, is-servizzi finanzjarji ilhom iqajmu diskussjoni u kontroversja. Hu l-qasam li l-aktar kiber u qed jikkontribwixxi għat-titjib ekonomiku f’pajjiżna. L-ispunti ta’ kritika dwar kif dawn is-servizzi qed jitmexxew f’Malta ilhom itektku. Għalhekk ma tantx kienet sorpriża li l-kontroversja dwar il-ħidma tas-servizzi finanzjarji f’Malta tieħu n-nar issa.
Fhiex jikkonsistu dawn is-servizzi finanzjarji?
L-ekonomiji moderni jaħdmu fuq bażi globalizzata, kif nafu, mifruxa mad-dinja kollha. Biex ikunu jistgħu jagħmlu l-kummerċ bejniethom, żviluppaw metodi dejjem aktar sofistikati ta’ kif iwasslu l-fondi li jeħtieġu b’ħeffa kbira minn naħa għall-oħra tad-dinja. Il-fondi jikkonsistu f’pagamenti, depożiti, profitti u jieħdu diversi forom: ċedoli ta’ self, ċedoli ta’ investimenti, flus kontanti, wegħdi ta’ ħlas… Biljuni fuq biljuni ta’ dollari u euros u valuti oħra huma mdaħħla kuljum f’negozji fejn jidhru impriżi enormi u ċkejkna – industrijali u oħrajn li jipprovdu servizzi, kumpaniji tal-assigurazzjonjijiet, banek, gvernijiet, kumpaniji tal-accountants, individwi, fost oħrajn.

NEGOZJI DINJIJA

Wieħed mill-għanijiet ta’ dil-ħidma finanzjarja dinjija li dejjem għaddejja hu biex il-fondi li qed jintużaw jitħaddmu bl-aqwa profitt għas-sidien tagħhom. Pereżempju, billi l-fondi jinżammu għal ċertu żmien f’valuta (bħad-dollaru) minflok f’oħra (bħall-jen eċċ.). Jew per eżempju, billi ċedoli ta’ ċertu tip mill-Asja jinbidlu ma’ ċedoli oħra ta’ self mill-Istati Uniti li se jiġu jrendu aktar.
Jew eżempju ieħor: u dan l-aktar wieħed li qajjem il-kontroversji tal-aħħar żminijiet: billi kumpanija stabbilita f’diversi pajjiżi, turi l-profitti u l-pagamenti li tagħmel f’pajjiż minflok f’ieħor biex tħallas taxxi anqas fuq il-qligħ li tagħmel. L-istess ħaġa jipprovaw jagħmlu sinjuruni u nies ċelebri biex juru d-dħul tagħhom b’mod li jnaqqsilhom it-taxxi li jkollhom iħallsu.
Hu dan l-operat finanzjarju kollu li jaqa’ taħt il-kappa tas-servizzi finanzjarji. Hu mmexxi minn accountants, bankiera, avukati, u esperti finanzjarji. Jaħdmu għal rashom jew f’kumpaniji li uħud minnhom spiċċaw huma wkoll jinxterdu mad-dinja kollha. Fit-tfittxija għall-aħjar mod kif isiru t-transazzjonijiet ta’ fondi u valuri, ċerti pajjiżi, fosthom Malta, irnexxielhom jipprovdu bażi li minnha jiġu organizzati il-kurrenti finanzjarji. Jagħmlu dan billi jdaħħlu liġijiet li jagħtu n-nifs lill-operaturi finanzjarji ħalli jorganizzaw il-ħidma tagħhom. Fost miżuri oħra li jieħdu, dawn il-pajjiżi jaraw kif jiżguraw li t-taxxi li jissettjaw ma joħolqux xkiel “żejjed” għall-operaturi finanzjarji li jpoġġu għandhom.
Fl-aħħar snin, is-suċċess ta’ Malta biex tiġbed lejha operaturi finanzjarji kien tassew kbir. Il-qasam tas-servizzi finanzjarji sar l-akbar wieħed fl-ekonomija tagħna; meta ddaħħal miegħu l-oqsma tal-imħatri bl-internet u tar-registrazzjonai tal-vapuri (li huma marbuta mas-servizzi finanzjarji) dal-qasam sar dominanti. Waħdu kien responsabbli għal biċċa essenzjali mit-tkabbir ekonomiku li rajna f’pajjiżna. Jekk jogħtor, l-ekonomija Maltija taqla’ daqqa mhux żgħira.

TASSAZZJONI U KONTROLL NAZZJONALI

Waħda mir-raġunijiet għaliex dan kollu kien possibbli ħarġet mill-fatt li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, fil-ftehimiet ta’ bejniethom, ħallew it-tassazzjoni fuq id-dħul tal-individwi u fuq il-profitti tal-kumpaniji kważi mija fil-mija f’idejn il-gvernijiet nazzjonali. Fuq hekk, l-Unjoni donnha kienet qed tħallihom jikkompetu bejniethom dwar liema tkun l-aħjar sistema ta’ taxxi għall-kumpaniji li jitwaqqfu għandhom. Madankollu, meta Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea, kellu jsir qbil mal-Ewropej dwar ir-regoli li bihom setgħu jitwaqqfu kumpaniji f’Malta. Daħlu regoli ġodda li suppost assiguraw li ma jkun hemm l-ebda differenza bejn kumpaniji mwaqqfa biex joperaw f’Malta u kumpaniji mwaqqfa biex joperaw barra l-gżejjer tagħna.
Issa x’kien qed jiġri fl-aħħar snin fl-Ewropa, speċjalment wara li faqqgħet il-kriżi tal-2008? Tqanqlu erba’ kurrenti li għadhom qawwija sew.
L-aktar kurrent qawwi – u għadu hekk sal-lum – beda jirrombla meta ħarġu fil-beraħ dokumenti kunfidenzjali dwar kif ċentri li joffru servizzi finanzjarji, bħal ta’ Malta, kienu qed jagħtu trattament privileġġjat lil ċerti kumpaniji kbar. Dawn iwaqqfu impriżi għandhom u b’hekk jevitaw li jħallsu t-taxxi f’pajjiżi fejn ikunu qed itellgħu profitti kbar. Id-dokumenti li ħarġu mil-Lussemburgu (Luxleaks) u mill-Isvizzera (Swiss leaks) urew kif per mezz ta’ dawn il-maniġġi, il-baġits ta’ gvernijiet Ewropej kienu qed jitilfu biljuni ta’ ewro kull sena fi dħul minn taxxi fuq il-profitti u fuq dħul ta’ ċittadini. Il-biċċa kompliet tagħqad meta bl-iskandlu tal-karti tal-Panama, inkixfu ħafna aktar maniġġi ta’ sinjuruni u nies imlaħħqa li b’arranġamenti dubjużi mis-servizzi finanżjarji ta’ diversi pajjiżi, baqgħu jevitaw li jħallsu taxxi dovuti minnhom.

KURRENTI

Dawn is-sejbiet ġabu flimkien politikanti Ewropej mil-lemin, miċ-ċentru u mix-xellug biex jiddenunzjaw dak li kien għaddej. Trejdunjins, sidien ta’ impriżi żgħar u għaqdiet mhux governattivi ngħaqdu fil-protesti. Għall-Ewropa, iż-żmien kien wieħed fejn il-gvernijiet kollha jew kważi, ta’ kull xejra, kien ssikkaw iċ-ċinturin u naqqsu l-ispejjeż. Xejn ma kienet aċċettabbli l-idea li fl-istess ħin, jintilfu biljuni ta’ ewro f’taxxi li ma jinġabrux. L-inħawi minn fejn is-servizzi finanzjarji jorganizzaw dil-ħaġa bdew jiġu investigati. Regoli ġodda bdew jiġu diskussi biex iliġġmu l-operat ta’ ċentri minn fejn jitmexxew is-servizzi finanzjarji, imlaqqma “ġenna fiskali”. Malta bdiet tinqabad fl-aħħar sentejn f’dan l-attakk. Id-diskussjoni tinsab għaddejja bil-kbir fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Sadattant, it-tieni kurrent li qed jolqot is-servizzi finanzjarji jintrabat mal-ewwel wieħed. Qamet ċaqliqa fost il-pajjiżi Ewropej il-kbar, favur li l-Ewropa timxi lejn qafas ta’ tassazzjoni li jkun jixtiebah minn pajjiż għal pajjiż, xi ħaġa li tissejjaħ armonizzazzjoni tat-taxxi. Il-pjan hu – f’parti minnu – li l-kumpaniji li jagħmlu negozju f’aktar minn pajjiż wieħed jibdew jissottomettu publikament il-kontijiet tagħhom maqsuma skont il-bejgħ, xiri u profitti li jagħmlu pajjiż pajjiż.
Minn hemm imbagħad, jiddaħħlu regoli komuni għall-pajjiżi Ewropej kollha li bihom kull pajjiż ikun qiegħed jimponi rata minima ta’ tassazzajoni fuq il-profitti. Fost il-pajjiżi Ewropej, speċjalment iż-“żgħar” u magħhom Malta, kien hemm reżistenza għal dawn il-proposti. Jitqiesu bħala xkiel fuq kif huma jistgħu jibqgħu kompettitivi meta jiġu biex jippromwovu l-investimenti u x-xogħol fi ħdanhom. Mentri l-pajjiżi kbar qed jaraw dawn il-miżuri bħala diga essenzjali kontra l-evażjoni ta’ taxxa mill-kumpaniji li jagħmlu l-profitti fit-territorju tagħhom.
Hemm kunsiderazzjonijiet oħra li jidħlu fl-istorja. Bħal pereżempju: jekk kumpaniji Ewropej jiġu obbligati li jippreżentaw il-kontijiet tagħhom bil-mod imsemmi, waqt li kumpaniji mhux Ewropej jibqgħu mingħajr dan l-obbligu, tal-aħħar se jibdew igawdu minn vantaġġ. Se jkunu jafu tajjeb ħafna kif il-kumpaniji Ewropej qed imexxu l-operat tagħhom, Minkejja dawn l-oġġezzjonijiet, il-proposta biex it-taxxi jiġu “armonizzati” għadha miexja ’l quddiem.

ĠENNA FISKALI?

It-tielet u r-raba’ kurrenti ta’ bidliet li se jaffettwaw is-servizzi finanzjarji mhumiex qawwija daqs l-ewwel tnejn, imma xorta se jkollhom xi darba jew oħra, l-importanza tagħhom. Hemm il-proposta biex fuq il-bejgħ u x-xiri finanzjarju li jsir, tiġi ċċarġjata taxxa ġdida, imsejħa t-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (FTT). Din ukoll kienet proposta kontroversjali tant li xi għaxar pajjiżi biss membri tal-Unjoni Ewropea urew xewqa li jidħlu għaliha. Kellhom jiftehmu bjeniethom kif se jwettquha imma ilhom mat-tliet snin jiddiskutu bejniethom il-kif, u għadhom ma waslux. Forsi madakollu li jkun tajjeb f’okkażjoni oħra, li niddiskutu dil-kwistjoni f’aktar dettall.
Kif ukoll, ta’ min jiddiskuti aktar, ir-raba’ kurrrent li fl-Ewropa, se jkun qed jaffettwa s-servizzi finanzjarji internazzjonali: il-proġett biex fi ħdan iż-żona tal-ewro, jinħoloq suq wieħed magħqud għall-ħruġ taċ-ċedoli ta’ investimenti u self, f’dik li tissejjaħ unjoni tas-swieq tal-kapitali.
Hu xinhu bħalissa, fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, il-prioritajiet għal Malta huma ċari.
Li ma tħallix min jagħtiha l-fama li qed topera bħala ġenna fiskali għall-ħasil ta’ flus u għall-evażjoni tat-taxxa.
U li kemm jista’ jkun taħdem ħalli fl-Unjoni Ewropea, jiddgħajjef l-isforz biex it-taxxi li bħalissa huma r-responsabbiltà tal-istati membri fl-Unjoni Ewropea jinqabdu f’politika komuni li ġġiegħel lill-membri jiċċarġjaw l-istess rati ta’ taxxa.

Facebook Comments

Post a comment