IL-BAĠIT EWROPEW

Bħal kull għaqda jew organizzazzjoni oħra, l-Unjoni Ewropea għandha bżonn il-flus biex topera. U bħal ma jiġri f’kull għaqda, minn dejjem qamu kontroversji qawwija dwar kif l-aħjar iġġib il-flus tagħha u minn fejn. Kontroversji qliel oħra qamu dwar kif għandha tonfoq il-fondi li tiġbor.
Illum bit-tluq tar-Renju Unit, il-kontroversji mistennija jsiru aktar akuti għax dan il-pajjiż spiċċa t-tieni l-akbar kontributur għall-fondi tal-Unjoni (wara l-Ġermanja). Kif se timtela’ l-ħofra finanzjarja li se jkun qed iħalli warajh?
Biss lil hinn minn din il-mistoqsija, fl-aħħar żminijiet spuntaw problemi oħra dwar l-andament finanzjarju tal-Unjoni. Quddiem l-iżviluppi fit-tmexxija tal-oqsma differenti tal-Unjoni – quddiem il-qagħda ekonomika li damet imwiegħra wara l-2008 – hekk kif il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ġew iffaċċjati bil-kriżijiet li skoppjaw waħda wara l-oħra – xterdet il-fehma li l-finanzi tal-Ewropa nnifisha se jkollhom jingħataw tindifa serja.

MATUL IS-SNIN

Il-modi li bihom l-Unjoni ddaħħal il-fondi tagħha baqgħu jinfirxu u jinbidlu matul is-snin, imma skont il-bażi li telqu minnha meta l-għaqda Ewropea kienet għadha biss bejn sitt membri. L-Unjoni Ewropea la tista’ tissellef u lanqas tiġbor it-taxxi tagħha. B’mod ġenerali mill-bidu u sal-lum, iġġib id-dħul tagħha minn kontribuzzjonjijiet li jgħaddulha l-istati membri skont is-saħħa tal-ekonomija tagħhom; minn kontribuzzjonijiet oħra li jgħaddu l-membri kkalkolati bħala parti mid-dħul li jiġbru mit-taxxa tal-VAT; mill-ġbir tad-dazji fuq prodotti li jidħlu minn barra fl-Unjoni Ewropea u li kollha jmorru fi Brussell; u minn xi dħul finanzjarju ieħor, bħal pereżempju minn multi f’ċerti oqsma ekonomiċi li l-Unjoni għandha l-poter tiċċarġja.
Xi tmenin fil-mija tad-dħul tal-Unjoni illum jiġi mill-ewwel żewġ sorsi li semmejna, skont regoli li baqgħu jiġu rranġati biex jilqgħu għall-bidliet li seħħew fiċ-ċirkostanzi tal-għaqda. Ngħidu aħna, regola komplikata li baqgħet titħaddem kienet tikkonċerna lir-Renju Unit: fi żmien il-Prim Ministru Thatcher, dal-pajjiż kien ingħata tnaqqis sostanzjali fuq kemm kellu jikkontribwixxi fondi, għax bir-regoli kif kienu qabel, kien qed jispiċċa jħallas fil-baġit tal-Unjoni ħafna aktar milli jdaħħal. Xorta spiċċa jagħmel hekk fl-aħħar snin, imma mingħajr ir-“rebate” kif isejħulu, r-Renju Unit kien ikollu jħallas wisq aktar. Bħar-“rebate” Ingliż, pajjiżi oħra kien irnexxilhom jakkwistaw bidliet fit-tħaddim tar-regoli maħsuba biex jagħtuhom aktar nifs.
Wara l-Brexit, mhux biss l-istati membri jridu jsibu dħul ġdid biex jikkompensa għat-telfa tal-fondi Ingliża, imma l-intenzjoni hi li għndhom jieħdu l-opportunità biex jissimplifikaw ir-regoli ta’ kif jiġbru l-flejjes bejniethom.

ĦRUĠ

Bl-istess manjiera kif is-sorsi tad-dħul infirxu u nbidlu matul is-snin, hekk ukoll kien qed jiġri fl-ispiża tal-Unjoni. Fil-bidu din kienet dominata mill-għajnuniet mogħtija lill-bdiewa Ewropej. Il-parti tan-nefqa Ewropea li tmur lill-biedja ġieli qabżet sew it-tmenin fil-mija.
Naturalment, il-pajjiżi li ma kellhomx qasam importanti tal-biedja riedu li n-nefqa fuqha titnaqqas. Sadattant, in-numru ta’ bdiewa Ewropej ċkien, għalkemm imbagħad kienu bdew jidħlu bħala membri fl-Unjoni pajjiżi, speċjalment tal-lvant, li kellhom oqsma tal-biedja sostanzjali. L-emfażi beda jitpoġġa fuq il-ħtieġa li l-fondi tal-Unjoni jintużaw ħalli jgħinu bl-investiment lil partijiet differenti tal-Unjoni jtejbu l-ħidma tagħhom fi ħdan is-suq wieħed Ewropew.
Fondi investiti b’dal-mod issibhom jinħarġu mill-Unjoni Ewropea waqt li tissieħeb mal-gvernijiet konċernati: jiġifieri l-Unjoni toħroġ daqstant flejjes, kif miftiehem, u dejjem bi qbil, l-istat membru jżid is-somma tiegħu mal-kontribut tal-Unjoni. Proġetti hekk issejħu “strutturali”, u anke ta’ “koeżjoni”, għax maħsuba biex isaħħu l-istrutturi ta’ ħidma ekonomika, jew biex iressqu eqreb ta’ xulxin lil partijiet differenti tat-territorju Ewropew u b’hekk jegħlbu d-differenzi bejniethom fl-istandards tal-għajxien tan-nies li jgħixu fihom. F’ċerti oqsma bħat-trasport u l-ambjent, preferibbilment l-investiment kellu jkun għal proġetti li ma jitwettqux f’pajjiż wieħed imma f’aktar minn wieħed, fejn l-għanijiet tagħhom kienu se jkunu aktar diffiċli biex jintlaħqu kieku kellhom jiġu varati bħala proġetti nazzjonali.
Sal-lum, il-parti tal-fondi li jmorru għall-biedja u s-sajd naqsu għal ftit anqas minn 40 fil-mija tan-nefqa tal-Unjoni. In-nefqa fuq il-proġetti għal titjib fil-qagħda ekonomika, soċjali u “territorjali” baqgħet tiżdied regolarment. Issa tasal sa 35 fil-mija tan-nefqa kollha. Imbagħad hemm ħidmiet oħra li jkopru ngħidu aħna, proġetti li għandhom x’jaqsmu mal-edukazzjoni u ż-żgħażgħ; mal-ġustizzja u kwistjonijiet tal-intern; u mat-tmexxija tal-politika Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni.
Ma rridux ninsew l-anqas l-amministrazzjoni tal-istess Unjoni. Minkejja l-ħafna diskors dwar ħala fit-tmexxija tal-Unjoni, interessanti li l-amministrazzjoni nnifisha tiġi anqas minn 7 fil-mija tal-ispiża kollha, ċifra rispettabbli.
Issa dan kollu jrid jiġi addattat għaċ-ċirkostanzi tal-lum. Żgur hu li ħadd ma jrid jara l-benefiċċji li gawda sa issa jitnaqqsu. Żgur hu wkoll li ħadd ma jrid li jitgħabba b’aktar spejjeż f’kontribuzzjonijiet li jrid jagħmel lit-teżorerija tal-Unjoni.
Biss hemm ukoll il-fatt li oqsma ġodda li l-Unjoni kellha tidħol fihom jew li qed titħajjar tidħol fihom, se jkollhom bżonn finanzjament ġdida. Hemm l-isfida tat-terroriżmu u tas-sigurtà fit-tmexxija taż-żona Xengen. Din se tirrekjedi spejjeż finanzjarji ġodda. Hemm l-isfida tal-immigrazzjoni li baqgħet tagħmel pressjoni qawwija fuq l-Ewropa. Hemm il-politika tas-sigurtà militari u tad-difiża li uħud mill-pajjiżi tal-Unjoni, flimkien mal-Kummisjoni Ewropea, qed jiffavorixxu. Jekk titwettaq bis-serjetà, din tal-aħħar għandha ġġib magħha żieda kbira fl-ispiża tal-Unjoni.
Minn x’imkien il-flus iridu jiġu. Mingħajrhom la tgħannaq u lanqas tbus.

IL-FUTUR FINANZJARJU

Il-kwistjoni kollha tingħaqad mad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dwar il-futur tal-Ewropa. Id-dibattitu dwar hekk telaq ftit taż-żmien ilu meta l-Kummissjoni Ewropea ħarġet dokument fejn fissret kif, skont hi, l-għażla se tkun bejn ħames xenarji possibbli għal kif l-Unjoni Ewropea tista’ tiżviluppa. Konna tkellimna dwar id-dokument f’dil-paġna ftit ġimgħat ilu. Il-Kummissjoni imbagħad ħarġet ħames studji dwar aspetti differenti marbuta mal-iżvilupp tal-Ewropa. L-aħħar studju kien appuntu dwar il-baġit tal-Unjoni.
Iddur kemm iddur mal-lewża, fl-aħħar ikollok tasal għal konklużjoni waħda. Biex tilqa’ għall-ħofra li se jħallu warajhom l-Ingliżi, u jekk fl-istess ħin, se tidħol għal impenji ġodda — jekk se tipprova ssostni l-benefiċċji li qed igawdu l-membri tal-Unjoni – ma hemmx triq oħra. L-Unjoni trid issib mezzi ġodda ta’ finanzjament. X’jistgħu jkunu?
Ftit xhur ilu, kien ħareġ rapport ieħor dwar das-suġġett, did-darba tal-eks Prim Ministru Taljan Mario Monti. Hu semma semma numru ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu imma l-aktar miżura ċara u “naturali” kienet (u għadha) dik li l-Unjoni tibda tiċċarġja t-taxxi tagħha. Dwar ir-rapport ta’ Monti konna tkellimna ftit taż-żmien ilu. Ir-rapport tqies minn ħafna b’kawtela kbira. Ħafna ċittadini fl-Unjoni Ewropea xejn ma jaqblu li għandhom iħallsu aktar taxxi, wisq anqas jekk ikunu imposti f’isem l-Ewropa. Diġà jqisu li qed iħallsu wisq flus ta’ xejn b’xejn fuq l-Unjoni.
Minn Brussell tingħata t-tweġiba li dan hu argument żbaljat. Il-baġit tal-Unjoni jlaħħaq għal anqas minn ewro f’kull mitt ewro tal-ġid ekonomiku Ewropew — u anqas minn 2 fil-mija tal-ispiża publika tal-Ewropa kollha, jiġifieri tal-ispiża magħmula mill-gvernijiet Ewropej kollha u magħduda flimkien. Jissemma wkoll kif minn kull mitt ewro li ċ-ċittadini Ewropej jaqilgħu, iħallsu medja ta’ 50 ewro f’taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali. Minn dawn il-50 ewro ta’ taxxa li jħallsu, ewro wieħed biss imur għall-baġit tal-Ewropa.
Imma dawn huma argumenti maħsuba biex jagħmlu ħelwa pillola qarsa: Il-piżijiet qodma u ġodda tal-baġit Ewropew iridu jitqassmu bejn il-membri, imma kif?

Facebook Comments

Post a comment