MALTA FIŻ-ŻONA TAL-EWRO

Għandu jkun eżerċizzju utli għal pajjiżna li wieħed jistaqsi fejn ninsabu llum, ekonomikament u soċjalment, bħala parti integrali miż-żona tal-ewro. Id-deċiżjoni biex insiru hekk kienet forsi importanti daqs dik li ratna nsiru parti mill-Unjoni Ewropea. Għax biha, il-munita nazzjonali tal-pajjiż ma baqgħetx aktar il-lira Maltija, irregolata mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Saret l-ewro, munita mmexxija f’perspettiva Ewropea mill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ Frankfurt. Dan kien ifisser li l-valur tal-munita li biha nixtru u nbigħu, ġewwa u barra l-pajjiż, kien se jiġi deċiż skont fatturi li jmorru lil hinn minn kwistjonijiet li jaffettwaw biss lil Malta. Fin-nofs kienu se jidħlu fatturi ferm usa’, li jirriflettu l-bżonnijiet u l-qagħda tal-pajjiżi Ewropej l-oħra, ħafna akbar minna, li huma parti miż-żona ewro.
Hu minnu li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2014 ġabet magħha l-obbligu li l-pajjiż f’ħin jew ieħor idaħħal l-ewro bħala l-munita tiegħu. Biss, l-għażla tad-data kienet f’idejna. Il-gvern Nazzjonalista ddeċieda li jdaħħal lil Malta fiż-żona tal-ewro malajr kemm jista’ jkun.

KIF DĦALNA

Dak iż-żmien, sħabi u jien fil-Partit Laburista ressaqna l-argument li din kienet deċiżjoni mgħaġġla wisq. Malta kien għad trid iddaħħal sew u tidra l-kondizzjonijiet tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Kien ikun jaqbel li l-ewwel inħallu dan il-proċess jitlesta sal-aħħar qabel nitilqu bil-proċess l-ieħor, dak li ndaħħlu l-kondizzjonijiet meħtieġa għal sħubija fiż-żona tal-ewro. Imma l-gvern webbes rasu. Mill-Unjoni Ewropea nnifisha – fejn is-“soft power” tal-blokk kien tela’ għal ras ħafna mill-mexxejja tagħha – sab min jinkoraġġih f’din it-triq.
Allura sħabi u jien qbilna li fl-interess nazzjonali ma nibqgħux noġġezzjonaw għad-deċiżjoni, li wasslet biex fl-1 ta’ Jannar 2008, il-pajjiż addotta l-ewro bħala l-munita tiegħu. Fit-tliet snin ta’ qabel, il-gvern kellu jibdel u jirranġa t-tmexxija tal-finanzi tiegħu kif ukoll it-tmexxija ekonomika tal-pajjiż biex dawn jiġu konformi mar-regoli li kienu viġġenti dak iż-żmien fiż-żona tal-ewro, jiġifieri taħt il-Patt ta’ Tkabbir (Ekonomiku) u Stabbiltà. Din il-ħtieġa kompliet tnaqqas il-flessibiltà tal-gvern u tal-ekonomija biex jaddattaw skont iċ-ċirkostanzi tagħna, għall-bidliet li kienu għaddejja fil-pajjiż – mhux l-anqas bħala riżultat tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Dak iż-żmien u wara, sal-lum, is-sanedrini uffiċjali baqgħu jgħidu li d-deċiżjoni li ttieħdet dwar l-ewro mill-amministrazzjoni Gonzi kienet it-tajba. Hekk jaqblilhom jgħidu.
Imma ara x’ġara fir-realtà: sas-sena 2008, nħassu sew l-effetti tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-ħidma ekonomika tas-setturi tradizzjonali Maltin – l-industrija, il-biedja u s-sajd, it-tarznari – naqset sew. Sadattant, il-settur ġdid tas-servizzi finanzjarji kien għaddej minn żmien iebes ta’ konsolidament sakemm addatta ruħu hu wkoll għaċ-ċirkostanzi ġodda tas-sħubija. Li għenu biex jilqgħu għal dan l-effett kienu l-fondi li daħlu mill-Unjoni Ewropea. Għall-bidu kienu jingħataw bħala għajnuniet diretti lill-gvern. Għalhekk, fl-ewwel snin dawn il-fondi kienu jaslu b’mod regolari. Qrib iż-żmien meta dħalna fiż-żona tal-ewro, fondi mill-Ewropa bdew jingħataw fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet għal proġetti. Qabel mal-proġetti jkunu tħejjew sew – proċess li jrid iż-żmien – il-fondi ma kinux jaslu. U allura kienu jaslu bl-iskossi. Ġieli f’sena jidħlu f’fawra kbira; ġieli f’sena oħra jinxfu għal kollox.

IL-KRIŻI TAL-2008

Issa, eżatt kważi maż-żmien li Malta daħħlet l-ewro, faqqgħet il-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 u wara. L-ekonomija dinjija staġnat, il-prezz taż-żejt spara ’l fuq. Dan ħoloq kif nafu kriżijiet kbar ġewwa ż-żona tal-ewro nnifisha. Kellhom jittieħdu miżuri iebsa, li jgħoddu għall-membri kollha, biex iż-żona tinżamm sħiħa, jekk mhux soda. Il-miżuri kienu jinkludu kondizzjonijiet ġodda ta’ tmexxija u obbligi finanzjarji li xekklu aktar il-ħila tal-gvernijiet biex jieħdu azzjoni għal rashom. Il-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà ngħata s-snien.
L-istess gvern Malti sab ruħu fil-pożizzjoni li kellu jnaqqas l-ispiża tal-aħħar baġit li għadda mill-Parlament Malti b’xi 60 miljun ewro, wara li l-Kummissjoni Ewropea qaltlu li inkella jkun qed jikser ir-regoli tal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà. U l-gvern Malti kellu jobdi. Fl-istess waqt, il-finanzi tal-gvern Malti kienu qed jiġu miflija u kontrollati mill-Kummissjoni taħt proċeduri maħsuba biex ma jħallux lill-gvernijiet taż-żona tal-ewro jtellgħu defiċits “eċċessivi”.
Għal darba wara l-oħra, l-gvern ma kienx qed jirnexxilu jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu ta’ dħul. Madankollu, l-oqsma tradizzjonali, inklużi l-bini, baqgħu tista’ tgħid staġnati. B’xorti tajba sa dan iż-żmien, is-settur tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna kien qed jirkupra u beda jikber il-qasam tal-imħatri bl-internet. Għaż-żewġ attivitajiet, sa issa, ftit li xejn teżisti regolamentazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala suq wieħed magħqud, u wisq anqas regolamentazzjoni miż-żona tal-ewro.
Is-sanedrini uffiċjali għadhom jgħidu li mn’alla dħalna fiż-żona tal-ewro għax kieku konna negħrqu fil-ħalel li qajmet il-kriżi tal-2008. Ħrafa mill-kbar, bla ebda evidenza biex issostniha. Kriżijiet akbar minn tal-2008 seħħew fis-snin sebgħin, li kienu ta’ periklu kbir għall-ekonomija Maltija. Imma hi ħarġet minnhom bl-unuri minkejja li kellha – jew aħjar, għax kellha – l-lira Maltija bħala l-munita nazzjonali tagħha.

PROSPETTI

Il-verità tibqa’ li matul l-ewwel tnax-il sena ta’ dal-millenju, it-tkabbir ekonomiku reali u l-ħolqien ta’ impjiegi fl-ekonomija Maltija kienu fost l-aktar baxxi mill-Indipendenza lil hawn. Minkejja l-ħafna wegħdi li saru qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-ewro, l-investimenti minn barra f’Malta, lil hinn mill-fondi li daħlu bħala parti mis-servizzi finanzjarji – li mhumiex investimenti imma fondi miżmuma għal xi żmien fil-pajjiż – ukoll waqgħu lura sew.
Dan kollu ġab miegħu konsegwenzi politiċi u soċjali li m’hemmx dubju, jaħtu bil-kbir għad-disfatta elettorali enormi tal-PN fis-sena 2013. Minn dak iż-żmien lil hawn, b’direzzjoni politika u ekonomika ġdida, fl-aħħar l-ekonomija Maltija sabet in-nifs li kienet damet imċaħħda minnu tul talanqas l-għaxar snin ta’ qabel. It-tkabbir ekonomiku li ntlaħaq beda jpatti għall-istaġnar reali u relattiv, li kien ippersista wisq fit-tul.
Hu minnu li fl-istess żmien, kien ħfief is-sħab fuq iż-żona tal-ewro, fejn reġa’ telaq it-tkabbir. Biss dan it-titjib waħdu ma jispjegax il-qabża ’l quddiem li wettqet l-ekonomija Maltija fl-aħħar snin.
Li jwassal għall-mistoqsija: Għal li ġej, kif tista’ tiġi affettwata l-ekonomija Maltija mis-sħubija tagħha fiż-żona tal-ewro?
L-ewwelnett x’jiġri jekk għal raġuni jew oħra, it-tkabbir ekonomiku jmajna? F’każ hekk, il-bużillis għall-gvern ikun li waqt li jonqoslu d-dħul, jista’ jsib li l-ispejjeż baqgħu għolja u telgħin. Allura jidħlu fis-seħħ ir-regoli ġodda u qodma taż-żona tal-ewro, li jġagħluh iqatta’ mill-ispejjeż. Obbligu bħal dan, bl-awsterità li jġib miegħu, joħloq problemi politiċi, ekonomiċi u soċjali mhux żgħar.
Lil hinn minn dan, jibqa’ l-obbligu għal pajjiżna li jaddotta r-regoli kollha taż-żona tal-ewro. Għedna li s-setturi li l-aktar kibru fostna fl-aħħar snin (is-servizzi finanzjarji u l-qasam tal-imħatri bl-internet) ftit li xejn huma affettwati mir-regoli li tħaddem bħalissa ż-żona. Kif sejrin l-affarijiet, dan mhux bilfors se jibqa jreġi. Hemm inizjattivi għaddejja biex il-pajjiżi Ewropej jirregolaw aktar is-servizzi finanzjarji tagħhom u jdaħħlu lkoll strutturi li jixxiebhu ta’ taxxi. Jekk b’mod jew ieħor dawn l-inizjattivi jseħħu, żgur jispiċċaw jaffettwaw ħażin l-oqsma msemmija, li saru vitali għall-ekonomija Maltija.
Terġa’, inizjattivi oħra li qed jissemmew jaħsbu biex jiddotaw liż-żona ewro bil-ministru tal-finanzi tagħha u b’teżorerija li magħha żgur iġġib ukoll il-possibiltà li fiż-żona jiġu ssettjati taxxi “Ewropej” ġodda. Teknikament, ħaġa bħal din tagħmel sens. Imma b’mod reali, jkollha l-effett politiku li tikkonċentra l-poter f’idejn il-Ġermanja (u magħha forsi Franza) waqt li għal pajjiż ċkejken bħal Malta tista’ tkompli tnaqqas il-flessibiltà ta’ azzjoni. Ħaġa bħal din tkun tajba? ħażina?
It-tweġiba għal dil-mistoqsija mhux se tibqa’ l-istess matul is-snin. Se tinbidel skont iċ-ċirkostanzi u l-iżviluppi li jkunu seħħu fl-ekonomija Maltija. Hu għalhekk li rridu nkomplu attenti sew għal dak li jkun qed jiġri lill-ewro, illum il-munita nazzjonali tagħna.