DWAR IL-ĠERMANJA:

L-inkwiet il-kbir din il-ġimgħa fl-Ewropa kien dwar il-Ġermanja. Fallew it-taħdidiet bejn il-partiti CDU/CSU immexxija mill-kanċellier Merkel, u l-partiti tal-Liberali u tal-Ħodor. Bejniethom dawn kellhom jiftehmu dwar programm ta’ gvern li setgħu jmexxu f’koalizzjoni ta’ tliet partiti. Ma waslux.
Il-mistoqsija kienet: x’se jiġri issa?
Seta’ jitwaqqaf gvern ta’ minoranza: bis-CDU/CSU waħidhom; jew ma’ wieħed miż-żewġ partiti li kienu fit-taħditiet ta’ koalizzjoni. Gvern hekk ikollu jinnegozja dwar kważi kull vot li jitla’ quddiem il-Bundestag, bis-sogru l-ħin kollu li se jitlef voti kruċjali jew inkella jkollu jipposponihom. Qatt ma kien hemm gvern li mexa b’dal-mod fil-Ġermanja moderna. Il-kanċellier Merkel innifisha stqarret li ma tarax kif gvern ta’ minoranza jista’ jmexxi sew. Hi għalhekk tippreferi li tinżamm elezzjoni ġdida. Dal-prospett madankollu jbeżża’ lil ħafna nies. Il-President tal-Ġermanja Steinmeier li ħareġ mill-partit tas-soċjalisti appella lin-naħat kollha biex jerġgħu jipprovaw jaslu għal ftehim. Sadattant, is-soċjalisti infushom kienu ħadu d-deċiżjoni minnufih wara l-elezzjoni li jmorru fl-Oppożizzjoni. Issa qamet pressjoni kbira fuqhom biex jew jingħaqdu f’koalizzjoni “kbira” ma’ Merkel, jew isostnu bil-vot tagħhom minn barra fil-Parlament, gvern ta’ minoranza mmexxi minnha.
Hi ħaġa naturali li bħala l-akbar stat membru tal-Unjoni Ewropea, dan it-taħwid politiku fil-Ġermanja jikkawża wkoll inkwiet barra mill-pajjiż. Biss, l-inkwiet inħass għal raġunijiet li jmorru lil hinn mis-saħħa tal-pajjiż fil-profil Ewropew.

TENSJONIJIET:

Fl-ewwel post hemm il-ħsieb li l-Ġermanja dejjem tqieset bħala stabbli – fil-fatt l-aktar pajjiż stabbli fl-Ewropa. Tant li wara li waqa’ l-ħajt ta’ Berlin, irnexxielha tegħleb b’mod sod u ppjanat, anke t-taqlib kbir li ġabet magħha r-riunifikazzjoni tal-pajjiż (li kien mifrud bejn Punent u Lvant sal-bidu tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor).
Id-diżgwid politiku tal-lum fil-Ġermanja jagħti xhieda ta’ kif il-ġrajjiet tal-aħħar snin imminaw il-bażi li fuqha l-partiti l-kbar Ewropej kienu fl-imgħoddi jirregolaw bejniethom il-ħidma politika. Fil-Ġermanja, dejjem mexxew il-partiti taċ-ċentru-lemin jew taċ-ċentru xellug. Ġieli waħidhom, ġieli flimkien, ġieli bil-parteċipazzjoni tat-tielet partit, ħafna iżgħar minnhom, ġeneralment il-Liberali, imma anke l-Ħodor.
Fl-aħħar, it-tensjonijiet li nġemgħu fl-Ewropa qed jirnexxielhom iħollu bil-kbir il-bilanċi li kienu jinbnew. L-ewwel li qalgħuha kienu s-soċjalisti Ġermaniżi, il-partit tal-SDP. Fil-bidu ta’ das-seklu, il-gvern soċjalista demokratiku immexxi mill-kanċellier Schroeder, daħħal “riformi” ekonomiċi u soċjali, imsejħa r-riformi Harz. Huma naqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u tat-trejd unjins fin-negozjati ta’ ftehimiet kollettivi. Għamlu hekk biex l-ekonomija Ġermaniża terġa’ ssir kompetittiva fi żmien meta kienet qed taqta’ nifisha u titlef l-impjiegi. Għalkemm wara li twettqu r-riformi, l-ekonomija rpiljat, għadd kbir ta’ votanti soċjalisti abbandunaw lill-SDP. Għadhom sal-lum imbiegħda minnu. Wara, magħhom ingħaqdu f’dat-tbegħid, oħrajn – dawn li xejn ma niżlulhom tajjeb il-pożizzjonjiet li s-soċjalisti ħadu matul il-kriżi taż-żona tal-ewro.
Politikament, din il-kriżi (tal-ewro) ma tantx affettwat ħażin lill-partiti taċ-ċentru lemin, is-CDU u s-CSU. Fl-elezzjoni għall-Bundestag ta’ erba’ snin ilu, it-tnejn ġabu riżultat sabiħ. Imma mbagħad sentejn wara, skattat il-kriżi tal-immigrazzjoni. Id-deċiżjonijiet li ħadet Merkel biex tħalli jidħlu fil-pajjiż ir-refuġjati kollha, begħdu minnha miljuni ta’ voti. Fil-Bavarja, s-CSU issa qed jibża’ li se jitlef l-ewwel post li dejjem kellu fl-appoġġ popolari, lill-partit tal-Alternattiva għall-Ġermanja (AfD). Dan tal-aħħar beda bħala partit li kien kontra l-ewro u rikeb fuq id-dwejjaq tan-nies minħabba fl-ewro. Imbagħad induna kemm id-dwejjaq kien se jkun akbar minħabba l-immigrazzjoni u għafas fuqha. Il-voti li tilfu s-CDU u s-CSU, rebaħhom hu.
Quddiem dan it-tgerbib fl-istrutturi politiċi Ġermaniżi, il-biża’ Ewropew hu li l-ankra Ġermaniża għat-tmexxija tal-Ewropa f’daqqa waħda tista’ ssir anqas qawwija, anqas soda. Għax waqt li ħafna Ewropej kienu jiddejqu li l-Ġermanja tieħu pożizzjoni daqshekk qawwija fil-mod kif titfassal il-politika Ewropea, fl-istess ħin kienu jqisuha bħala fattur ta’ stabbiltà. Jibdew jinkwetaw jekk minn blata, l-Ġermanja tispiċċa titbandal fl-inċertezzi ta’ ngħidu aħna, elezzjoni oħra ta’ malajr li trid issir, jew ta’ gvern minoritarju li mil-lum għal għada jista’ jitneħħa mill-poter.
Tiżdied ma’ dan, il-ħsara li l-kanċellier Merkel sofriet fix-xbieha politika tagħha. Sa ftit taż-żmien ilu, kienet mitqiesa bħala l-aqwa mexxejja tal-Ewropa. Li tgħid hi jgħodd. Dak li hi tkun kontra tiegħu, ma jasal imkien. F’daqqa, dehret bħala dgħajfa f’pajjiżha stess. Forsi quddiem il-mistoqsija dwar min jista’ jieħu postha, il-poplu Ġermaniż ftit jinkwieta. Xi ħadd jinstab. Hemm ħafna politiċi ta’ kalibru fil-pajjiż li jistgħu jagħtu tmexxija mill-aqwa.
Imma min se jidħol flok Merkel se jkollu bżonn iż-żmien biex isib saqajh fit-tmexxija tal-Ġermanja. Aħseb u ara biex jimbotta ’il quddiem xi inizjattiva Ewropea ġdida. (Li hu mniżżel fil-maskil f’dan kollu, tista tpoġġieh fil-feminil bla problema.) Issa dwar il-prospett ta’ miżuri ġodda għat-tmexxija tal-Ewropa, Merkel kellha tkun kruċjali.

L-IMPATT FUQ L-EWROPA:

Biżżejjed niftakru d-diskorsi u r-rapporti li saru fl-aħħar sentejn. Kollha kienu mmirati biex jerġgħu jtellqu żviluppi ġodda fil-binja Ewropea, speċjalment fiż-żona tal-ewro. L-ideat kif dan kellu jsir baqgħu jidhru f’rapport wara l-ieħor. Is-sena 2017 kienet waħda mimlija elezzjonijiet nazzjonali li setgħu jmorru “żmerċ”, mill-perspettiva ta’ dawk li jimbottaw għal għaqda akbar fl-Ewropa.
Fuq quddiem nett, kien hemm l-elezzjoni għall-presidenza Franċiża fejn ħafna beżgħu li min jispiċċa jmexxi fil-Palazz tal-Elysee se jkun xettiku dwar aktar Ewropa, jekk mhux kontriha. Bl-elezzjoni ta’ Emmanuel Macron, ġara bil-maqlub. Franza ilha ma jkollha mexxej daqstant lest li javvanza bil-qawwi fil-bini ta’ Ewropa aktar magħquda. Macron ta diskors fl-Università tas-Sorbonne f’Pariġi fejn fisser l-ambizzjonijiet wiesgħa tiegħu biex jagħti rankatura qawwija lill-Ewropa.
Wara l-kraxx tal-Brexit, dan sensel ħerqa ġdida fost dawk li kien ilhom jippriedkaw il-ħtieġa ta’ progress fl-għaqda Ewropea. Għall-ewwel, il-Brexit ixxukkjahom; imbagħad bdew jgħidu… naħseb bir-raġun… li t-tluq tal-Brittaniċi se joffri skop aħjar biex l-Ewropej jiżviluppaw proġetti ġodda ta’ għaqda. B’Macron imexxi Franza, infetħet tieqa ta’ opportunità għall-bidla fl-Ewropa. Hekk qal il-President tal-Kummissjoni Juncker f’Settembru li għadda. Skont hu, l-Ewropej riedu issa jieħdu x-xoqqa f’moxtha u jitilqu fuq it-triq li qed jurihom Macron.
Biss l-istrateġija tal-President Franċiż bilfors kellha tiddependi ħafna fuq ir-rieda tajba tal-kanċellier Ġermaniża Merkel. Macron għamel minn kollox biex f’dak li jgħid u jagħmel, iżomm qrib tagħha. L-aspettativa tiegħu, bħal ta’ Juncker, kienet li hi se terġa’ ssir kanċellier tal-Ġermanja wara l-elezzjonijiet f’dak il-pajjiż. Mingħajr l-appoġġ tal-Ġermanja, il-proposti ta’ Macron ma setgħux jimxu ’l quddiem.
Anke jekk b’mod jew ieħor, jinstab kompromess fil-Ġermanja u l-Liberali, il-Ħodor u l-partiti ta’ Merkel jifformaw koalizzjoni, diffiċli tara kif jista’ jkun hemm progress fuq il-kwistjonijiet Ewropej fuq il-linji li ħassel Juncker. Anqas u anqas dan jista’ jiġri, jekk il-Ġermanja jkollha terġa’ tniedi elezzjoni oħra. Barra miż-żmien li trid tieħu biex titmexxa, waqt li tkun dejjem riesqa l-iskadenza tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Mejju 2019, tibqa’ l-inċertezza ta’ kif se jivvotaw iċ-ċittadini Ġermaniżi. Jidher li l-lemin estrem, dak ta’ kontra l-immigranti, għadu qed iżid fir-rankatura tiegħu.
Il-lemin estrem Ġermaniż hu kontra l-ewro. Imma anke jekk dal-partit jibqa’ jinżamm fil-ġenb, forzi politiċi oħra wkoll – bħal-Liberali Ġermaniżi u uħud fost is-CSU – mhumiex jaħsbuha bħal Macron u Juncker. Iridu jibqgħu aktar kawti. Għalhekk, żviluppi lejn għaqda akbar fl-Ewropa mhux se jkunu jistgħu jsiru qabel ma tinħall it-taħbila politika fil-Ġermanja.

Facebook Comments

Post a comment