Fil-bidu ta’ dis-sena, Malta għalqet għaxar snin minn meta saret membru taż-żona tal-ewro billi daħħlet dil-munita bħala l-flus nazzjonali tal-pajjiż minflok il-lira Maltija. Meta ġara dan, intqal li bl-ewro bħala l-munita tagħha, Malta se tkun tista’ tibbenefika dejjem aktar mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea għax se tkun magħquda aktar mill-qrib mas-suq wieħed Ewropew. Allura fil-bejgħ u x-xiri minn barra, l-ekonomija tagħna kienet se ssibha ħaġa eħfef li tmexxi n-negozji u se jonqsu l-ispejjeż. Terġa’, it-turisti Ewropej f’Malta u dawk Maltin fl-Ewropa kontinentali kienu se jsibuha ħaġa eħfef li jivvjaġġaw u x’aktarx se jagħmlu hekk b’anqas spejjeż.
Argument ieħor favur id-dħul tal-ewro bħala l-munita Maltija kien li waħidha, l-lira ftit setgħet tilqa’ għall-għawġ li seta’ jinqala’ fl-ekonomiji dinjija. L-ewro, bħala munita ta’ suq Ewropew kbir magħqud kien se jkollha saħħa ħafna aqwa biex tirreżisti għall-gwaj milli setgħet il-lira. Wara kollox, meta Malta saret membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea fl-2004, kienet aċċettat l-obbligu li fi żmien raġonevoli, ddaħħal l-ewro. L-istess kellhom jagħmlu l-membri kollha ġodda. Kien jagħmel sens, hekk argumenta l-gvern Nazzjonalista, li l-ewro jiġi introdott kmieni kemm jista’ jkun, mhux tard.
Issa li għaddew l-ewwel għaxar snin tal-esperjenza bil-ewro, nistgħu nagħmlu ftit is-somom biex naraw kif iggwadajna jew le bid-deċiżjoni li ttieħdet.

TĦEJJIJA U PROSPETTI

Biex il-gvern Nazzjonalista daħħal lil Malta fiż-żona tal-ewro, kellu jgħaddi minn proċess ta’ tħejjija ekonomika u finanzjarja, li ġie sorveljat il-ħin kollu mill-Kummissjoni Ewropea. Dan kien maħsub biex jiżgura li f’Malta qed jintlaħqu ċerti miri għat-tmexxija ekonomika li jirrispettaw il-kondizzjonijiet li l-membri taż-żona tal-ewro qablu li se jsostnu bejniethom. Għamlu hekk billi ffirmaw il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ekonomiku. Dal-Patt jitqies bħala l-blata li fuqha nbena l-ewro. B’hekk, fost oħrajn, l-għoli tal-prezzijiet kellu jinżamm taħt it-tlieta fil-mija fis-sena. Id-defiċit fil-baġit tal-gvern kellu jkun anqas minn 3 fil-mija tal-ekonomija kollha kemm hi, imkejla permezz tal-Prodott Gross Domestiku. B’ħafna tqanżieħ, il-gvern Nazzjonalista ta’ Dottor Gonzi ikkonvinċa lill-Kummissjoni Ewropea li Malta kienet qed tilħaq dawn il-kondizzjonijiet.
Sadattant, kien sar eżerċizzju mifrux f’Malta, u naħseb immexxi tajjeb, biex jorganiżża l-bidla fil-ħlasijiet mal-ekonomija kollha minn liri għall-ewro. Kienet operazzjoni komplikata imma diġà kien hemm mudell f’Malta ta’ kif bidla tal-munita setgħet titwettaq. Kien mudell li rnexxa: il-bidla mil-lira tax-xelini u s-soldi, għall-bidla ta’ lira biċ-ċenteżmi fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor. Matul is-sentejn li fihom tlestew it-tħejjijiet għall-bidla lejn l-ewro, ħafna mill-problemi tekniċi li ġġib magħha bidla bħal din, setgħu jinħallu.
Ma nistgħux ngħidu l-istess għall-mod kif żviluppaw il-prospetti tal-ewro kemm f’Malta u kemm fl-Ewropa fis-snin li ġew minnufih wara li dħalna fiż-żona tal-ewro. Faqqgħet il-kriżi finanzjarja tas-snin 2008/2009. Baqgħet għaddejja b’mod jew ieħor għal snin twal wara. Banek ewlenin kienu se jikkollassaw. Biex ma jħallux il-banek ifallu, ċerti gvernijiet tant ikkommettew ruħhom finanzjarjament biex jgħinuhom li faqgħu l-baġit tagħhom. Kienu se jfallu huma wkoll. Naqsu l-bejgħ u x-xogħol. Żdiedu l-qgħad u l-fallimenti tal-kumpaniji.
Iż-żona tal-ewro sabet ruħha fiċ-ċentru ta’ dil-maltempata. Uħud mill-pajjiżi membri tagħha resqu qrib il-falliment. Malta ma kinitx wieħed minn dawn il-pajjiżi, imma ħaġa kienet ċara: il-problemi tal-oħrajn fiż-żona tal-ewro, affettwawha ħażin.
Għall-bidu fit-tmexxija taż-żona tal-ewro, il-ħsieb kien li kull pajjiż irid jieħu ħsieb isewwi l-problemi tiegħu. Meta deher ċar li dan ma kienx aktar possibbli, għax gvernijiet tal-ewro bdew jogħtru taħt il-piżijiet li żdidulhom, intlaħaq qbil ta’ tip ġdid. Il-pajjiżi li spiċċaw se jegħrqu (Greċja, Irlanda, Portugall…), kellhom jingħataw self qawwi mill-pajjiżi li baqgħu fil-wiċċ (fosthom Malta). Is-self ġabilhom nifs biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-pagamenti li kellhom jagħmlu, mingħajr ma jfallu. Is-self ingħata taħt kondizzjonijiet iebsa li fihom il-pajjiżi li rċevew il-fondi, qablu li jdaħħlu miżuri qawwi ta’ issikkar taċ-ċintorin bid-diffikultajiet soċjali kbar li l-miżuri ġabu magħhom.
L-istorja hi magħrufa sew. Ilna s-snin fil-paġni ta’ it-torċa, niddiskutuha. Rajna kif Malta tgħabbiet b’piżijiet ta’ self lil ħaddieħor li qatt qabel ma kellha tidħol għalihom, la meta kellna l-lira sterlina, lanqas meta kellna dik Maltija. Bħal pajjiżi oħra taż-żona tal-ewro, Malta spiċċat titgħabba b’regoli ġodda dwar kif tmexxi l-finanzi tagħha li qatt qabel ma kellha tqis.
Hi ħaġa ċara li dawk li daħħlu lil Malta fiż-żona tal-ewro se jibqgħu jinsistu li l-pass kien ta’ ġid u siewi għall-pajjiż. Xi tridhom jgħidu? Huma jinsistu wkoll li mn’Alla Malta kienet fiż-żona tal-ewro għax kieku kienet tispiċċa tegħreq taħt il-ħalel tal-kriżi. Dan l-argument hu dgħajjef għall-aħħar. Fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, kien hemm kriżi ekonomika dinjija qawwija daqs… jekk mhux aktar… dik tal-2008/9. Kien f’dak iż-żmien li ttellqet il-lira Maltija, immexxija minn Malta. Mhux talli l-ekonomija tagħna ma għerqitx dak iż-żmien. Talli sostniet sew saħħitha u kompliet tikber. Ma daħlet għall-ebda obbligu ġdid ta’ self lil ħaddieħor jew ta’ kif tmexxi l-ekonomija u l-finanzi tagħha; ħlief m’hemmx għalfejn ngħidu, li t-tmexxija ekonomika saret b’galbu ħalli żżomm l-fiduċja ta’ pajjiżi u teżoreriji barranin.
Aktar u aktar minn hekk: illum fil-Bank Ċentrali Ewropew tlifna d-dritt li jkollna l-vot fiċ-ċirkostanzi kollha. Bħala pajjiż ċkejken, ninsabu fit-tieni ċirku ta’ pajjiżi membri taż-żona li jaqsmu u jibdlu bejniethom id-dritt li jivvotaw fuq deċiżjonijiet tal-Bank dwar iż-żona tal-ewro. F’das-sens, erġajna lura lejn meta l-lira Maltija kienet marbuta mal-lira sterlina, u dak li jiġi deċiż barra xtutna dwar l-isterlina, konna rridu nsegwuh mija fil-mija.

ŻVILUPPI OĦRA

Seħħew ukoll żviluppi oħra li għalkemm marbuta mal-ewro, ma tantx jinftehmu b’dal-mod mill-poplu. Żgur li l-ewro rabatna aktar mas-suq wieħed Ewropew. Kompla jaffettwa ħażin il-kompetittività tal-produzzjoni Maltija, l-aktar dik industrijali. Għadna anqas produttivi minn ċentri ta’ ħidma industrijali fl-Ewropa, barra milli għadna nġorru spiża ekstra tat-trasport għall-industrija billi jkollna nimportaw il-materja prima mid-distanza u nibgħatu l-prodotti tagħna lejn il-bogħod. Qabel, stajna nikkumpensaw xi ftit għal dawn l-iżvantaġġi bir-rata tal-kambju. Din m’għadhiex aktar ħaġa possibbli.
Effettivament il-qasam industrijali f’pajjiżna baqa’ jitlef mis-saħħa. It-tkabbir ekonomiku essenzjali, anke fl-aħħar snin, ġej mit-turiżmu, mis-servizzi finanzjarji u mis-settur tal-imħatri bl-internet. F’tal-ewwel għandna l-vantaġġi naturali tagħna, imma ħadna r-riħ ukoll minn problemi politiċi u problemi oħrajn ta’ uħud mid-destinazzjonijiet li jikkompetulna.
F’tat-tieni u tat-tielet, għad ma hemmx tista’ tgħid, politika waħda tal-Unjoni Ewropea jew taż-żona tal-ewro. Imma nafu kif fl-aħħar żminijiet, lill-Ewropej qed togħrokhom għajnejhom minn pajjiżi bħal tagħna li kabbru sew is-settur finanzjarju tagħhom u fejn skont huma, kumpaniji barranin jiġu ċċarġjati ratti baxxi ta’ taxxa fuq il-profitti, biex ikunu jistgħu jiżgiċċaw milli jħallsu t-taxxi dovuti f’pajjiżhom. Din hi storja li se tkompli.
Ir-realtà hi li s-sħubija tagħna fiż-żona tal-ewro kompliet tirranka proċess li matulu l-istrutturi tal-ekonomija Maltija saru aktar fraġili, fis-sens li naqqsu mid-diversità tagħhom billi saru jiddependu ħafna fuq servizzi. U fis-sens ukoll li l-istess servizzi jistgħu malajr jinxfu fuq iz-zokk jekk tinbidel il-klima politika u ekonomika. Dal-proċess beda fi żmien li l-pajjiż telaq biex jingħaqad mal-Unjoni Ewropea, u ssaħħaħ kemm ilu li daħal fiż-żona tal-ewro.
Hu minnu li bħalissa l-affarijiet sejrin tajjeb ħafna. J’alla jibqgħu hekk. Biss jagħmel tajjeb ukoll li kulħadd jibqa’ b’saqajh mal-art. M’hemmx għalfejn ngħidu, dawk li daħħluna bilġri fiż-żona tal-ewro ma jagħtu l-ebda għarfien lil dir-realtà li hi tagħna lkoll.

Facebook Comments

Post a comment