ELEZZJONIJIET EWROPEJ

Qed joqorbu l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u kif ma setax jonqos, qamu d-dibattiti dwar kif dawn għandhom jiġu organizzati. F’liema dati? B’liema metodu? X’għandha tkun it-tifsira tagħhom?
Dwar id-data meta jinżammu l-elezzjonijiet, ma tantx tqajmu kontroversji. Jidher li kulħadd riesaq għall-fehma li l-aħħar terz tax-xahar ta’ Mejju 2019 jagħmel sens.
Il-komplikazzjoni li tqanqlet ġejja mit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Il-pajjiż kellu numru sostanzjali ta’ siġġijiet li jinqasmu l-aktar bejn il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi, tal-grupp tal-konservattivi u tal-partit “independentista”, fejn poġġew Nigel Farage u sħabu. X’għandu jiġri mis-siġġijiet tar-Renju Unit: għandhom jitħassru mill-kont tal-Parlament Ewropew jew jinżammu u jitqassmu skont arranġamenti ġodda?
Jekk is-siġġijiet tal-Brittaniċi jitneħħew, l-ispiża ta’ tmexxija tal-Parlament Ewropew (u tal-Unjoni) titnaqqas. Hemm min qed jargumenta b’dal-mod, u ma tistax issostni li qed jgħid il-ħmerijiet.
Sadattant, insibu ċerti pajjiżi li jħossu (uħud bir-raġun) li għandhom siġġijiet anqas fil-Parlament milli suppost ikollhom bil-kejl tal-popolazzjoni tagħhom. Hemm pajjiżi oħra barra l-Unjoni li ilhom jippuntaw biex isiru membri. Dwar tal-aħħar, qam il-ħsieb li għandhom jinżammulhom siġġijiet lesti fil-Parlament biex ikunu tagħhom meta u jekk isiru membri. Fuq quddiem nett f’dal-kalkolu, nsibu lill-pajjiżi tal-punent tal-Balkani.
Imbagħad terġa’, kien hemm il-proposta ta’ ħolqien ta’ siġġijiet hekk imsejħa transnazzjonali – jiġifieri ta’ deputati li jittellgħu minn kostitwenzi “Ewropej” mifruxa mal-Unjoni li jkunu jkopru pajjiżi jew partijiet minn pajjiżi separati. B’hekk, intqal, il-popli jitgħallmu jaħsbu fl-Unjoni Ewropea tassew bħala għaqda bejn il-ġnus differenti tal-kontinent.
Fost dawk li ressqu dil-proposta nsibu lill-President Emanuel Macron ta’ Franza. Il-proposta sabet ħafna li faħħruha, ħafna oħrajn li ma qablu xejn magħha.
Il-Parlament Ewropew kellu riżoluzzjoni quddiemu dwar il-biċċa kollha. Għaddew il-proposti dwar it-titjib tal-qagħda f’siġġijiet ta’ diversi pajjiżi, u dwar li siġġijiet oħra jinżammu vojta bil-lest għal meta jidħlu membri ġodda fl-Unjoni. Imma l-proposta għal siġġijiet transnazzjonali ġiet miċħuda. Lili xejn ma kkonvinċietni u vvotajt kontriha.

***

KOALIZZJONI MĦAWDA

Fil-Ġermanja, il-partiti fl-alleanza konservattiva ta’ Merkel (is-CDU u s-CSU) kien ilhom il-ġimgħat jinnegozjaw mas-soċjalisti tal-SPD immexxija mill-eks President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz biex iwaqqfu koalizzjoni “kbira” ta’ gvern (“Groko”). L-ewwel waslu għal ftehim preliminari, li kellu jgħaddi mill-konferenza ġenerali tas-soċjalisti. Dan seħħ b’vot mhux daqstant tajjeb ta’ anqas minn 55 fil-mija tad-delegati favur.
Imbagħad komplew in-negozjati li wasslu għal ftehim definittiv. Fih, iddaħħlu ħafna mill-punti li kienu ilhom jisħqu fuqhom is-soċjalisti, fosthom dwar politika Ewropea li tkun aktar attiva u anqas marbuta mal-awsterità. Minnufih, mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell u minn kapitali oħra, ħarġu messaġġi ta’ sodisfazzjon għax sa fl-aħħar, il-Ġermanja kien se jkollha gvern li jmexxiha u dan f’direzzjoni “Ewropea”.
Imma sadattant, fil-pajjiż innifsu qam kjass dwar kif biex tibqa’ fil-poter, Merkel kienet ċediet wisq. Il-midja Ġermaniża fetħitilha dwar kif Merkel kienet qablet li tibqa’ tmexxi fi gvern “tas-soċjalisti”, li kienu se jingħataw tliet postijiet ministerjali tal-akbar importanza – affarijiet barranin, finanzi, u xogħol u servizzi soċjali. Jista’ jkun li din il-publiċità kienet maħsuba l-aktar biex tgħeġġeġ lill-membri tal-partit soċjalista (ftit anqas minn nofs miljun) li kellhom jivvotaw fuq il-ftehim qabel jista’ jiġi attwat, biex jiddeċiedu favur. Imma qam diżgwid fost iċ-ċentru lemin: tassew bosta fosthom qiesu li Merkel kienet ċediet iżżejjed. Saru appelli biex Merkel tibda tħejji għas-suċċessjoni tagħha.
Biss, imqabbel mat-taħwid li nqala’ fost is-soċjalisti, id-diżgwid tal-lemin kien dgħajjef. Meta tħabbar il-ftehm, intqal ukoll li Martin Schulz kien se jsir ministru tal-affarijiet barranin u li se jitlaq minn mexxej tal-partit biex il-post tieħdu Andrea Nahles, li tmexxi l-grupp parlamentari tas-soċjalisti fil-Parlament Ġermaniż. Il-ministru tal-affarijiet barranin attwali, Sigmar Gabriel li kien mexxej tas-soċjalisti qabel Schulz sal-aħħar tas-sena 2016, qal fi stqarrija li stenna aktar rispett minn sħabu; ta wieħed x’jifhem li lanqas biss kienu qalulu li Schulz se jerġa’ jeħodlu postu. Fl-istess waqt, qamet kontroversja fost is-soċjalisti dwar kif Schulz sa ftit tax-xhur qabel kien iddikjara li qatt mhu se jservi bħala ministru f’kabinett immexxi minn Merkel, u issa bela’ kliemu.
Biex ma jħallix dil-kontroversja tibdel id-dibattitu dwar il-ftehim ta’ koalizzjoni bejn konservattivi u soċjalisti f’wieħed dwar il-personalitajiet, Schulz iddikjara li se jirtira milli jservi bħala ministru tal-affarijiet barranin. Imma fl-istess waqt, skattat kontroversja oħra dwar kif Nahles kienet qed tiġi dikjarata li se tmexxi l-SPD qabel ma tnediet kampanja suriet in-nies għal dil-kariga. L-affarijiet ma jistgħux jibqgħu jiġu deċiżi bejn erba’ min-nies tal-qalba li jinsabu fuq nett u mbagħad jistennew li l-bqija tal-membri jsegwu dak li jgħidulhom li għandu jsir… hekk qam l-argument.
Sadattant ukoll, telqet kampanja fost is-soċjalisti biex jivvotaw kontra l-ftehim ta’ koalizzjoni. Is-soċjalisti ħteġilhom jonoraw il-wegħda tagħhom li jmorru fl-Oppożizzjoni biex jiġġeddu – hekk qalu ż-żgħażagħ soċjalisti pereżempju. Xejn mhi ħaġa żgura li meta l-militanti tal-partit jagħtu l-vot tagħhom, dan se jiġbed favur li titwaqqaf koalizzjoni. Ħafna jgħidu li anke jekk il-koalizzjoni titwaqqaf, għomorha se jkun qasir. Iż-żmien ta’ inċertezza politika fil-Ġermanja għadu ma ntemmx.

***

L-GĦAŻLA TALJANA

L-elezzjonijiet Taljani qed jagħtu stampa differenti minn dik tal-Ġermanja għalkemm l-inċertezzi hawn ukoll, mhumiex jonqsu aktar ma tavvanza l-kampanja. Qed jinħass sew li fil-parlament ġdid, il-logħba politika x’aktarx se tispiċċa tintlagħab bejn erba’ blokok. U l-mistoqsija se tkun: liema tnejn minnhom se jinsabu f’qagħda qawwija biżżejjed biex jifformaw koalizzjoni b’saħħitha?
Is-soċjalisti tal-Partit Demokratiku mmexxi minn Matteo Renzi kienu sew fuq quddiem sa tliet snin ilu imma kemm ilhom fil-gvern, tilfu sew mill-popolarità tagħhom. Min iwaħħal fl-hekk imsejħa arroganza ta’ Renzi nnifsu li baqa’ jimbotta bla waqfien riformi fit-tmexxija ekonomika u fil-kostituzzjoni tal-pajjiż; min iwaħħal fir-riformi nfushom, li ma ntgħoġbux min-nies. Il-Partit Demokratiku tilef parti mill-membri tiegħu meta mexxejja “mill-qodma” li ma qablux ma’ Renzi, telqu u waqqfu partit ġdid tagħhom. Għalkemm x’aktarx li huma ma tantx se jmorru tajjeb elettoralment, se jfixklu żgur bil-kbir lill-Partit Demokratiku. Din id-darba, Renzi għamel minn kollox biex il-kandidati għall-elezzjoni li joħorġu mad-Demokratiċi jkunu fidili lejh.
Min-naħa l-oħra, l-Partit ta’ Berlusconi Forza Italia, flimkien mal-alleati tiegħu, issoda. Jinsab f’kuntrast mal-Ħames Kwiekeb, partit li sa m’ilux, ftit kienu jiħduh bis-serjetà, imma li baqa’ jnaqqar mill-voti ta’ Forza Italia. L-isfond għall-għażliet li jridu jsiru mill-elettorat hu magħmul minn kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, li ġabet magħha tensjonijiet kbar; mid-dwejjaq bil-qagħda ekonomika u mhux l-anqas, bir-riformi ekonomiċi li daħħal Renzi u li laqtu ħażin lil ħafna nies; u min-nuqqas ta’ sodisfazzjoni bl-Unjoni Ewropea, u fuq kollox bl-ewro – ħafna Taljani jqisu li l-ewro jaħti għall-istaġnar ekonomiku fil-pajjiż. Xhieda tal-isfidi pjuttost skabrużi li qed taffaċċja l-Italja hi l-kontroversja kerha li nqalgħet dwar l-immigrazzjoni, wara li Taljan mar jispara fuq immigranti min-Niġerja. Is-suġġett tal-immigrazzjoni jista’ jispiċċa determinanti fir-riżultat aħħari.
Fi Brussell, ħafna qed jittamaw li mir-riżultat elettorali toħroġ xi forma ta’ koalizzjoni “ċentrista” li ttaffi s-sentimenti “anti”-Ewropej li nfirxu wisq.

Facebook Comments

Post a comment