F’dan l-aħħar wieħed f’sensiela ta’ tliet artikli qed naraw kif u jekk it-triq tal-Brexit – dik li pajjiż jiddeċiedi li joħroġ mill-Unjoni Ewropea – tgħoddx għal Malta. Qed nipprovaw nagħtu tweġiba, iva jew le, mhux bi spirtu pront, imma bil-ħsieb.
Fl-ewwel artiklu, flejna l-impatt li kellha fuq Malta is-sħubija fl-Unjoni Ewropea matul is-snin. Fit-tieni, li deher il-ġimgħa li għaddiet, qiesna xinhuma l-kisbiet u d-disfatti tal-Unjoni u kif l-isfidi quddiemha bħalissa, jistgħu jintlaqgħu. Illum naraw kif jaqbel li pajjiżna jqis illum u għal li ġej, l-għażla tal-Brexit.
Biex inqisu din l-għażla, fil-fehma tiegħi għandu jkun hemm kriterju wieħed fuq quddiem nett, jekk mhux hu biss waħdu: l-interess ta’ Malta u l-Maltin – mil-lat ekonomiku, soċjali, kulturali: mil-lati kollha. Li kwalunkwe deċiżjoni tittieħed minn xi lat “Ewropew”, hu xinhu, tkun pożizzjoni falza, li tiġbed l-aktar lejn l-interessi ta’ saffi privileġġjati fis-soċjetà tagħna, l-elites li jiġri x’jiġri, se jkollhom bhiex u kif iżommu fil-wiċċ u aqwa minn fil-wiċċ.
Il-mistoqsija li qed nikkonsidraw saret importanti wara r-riżultat tar-referendum Brittaniku. F’daqqa waħda, il-proposta li xi pajjiż jew ieħor jitlaq mill-Unjoni Ewropea ma baqgħetx idea fl-ajru, imma saret waħda konkreta, li se titwettaq. Tista’ ssir proposta li tissemma aktar ta’ spiss fis-snin li ġejjin.

OQSMA SOĊJALI

Nemmen li biex nidħlu fil-qalba tal-kwistjoni, l-aqwa element li għandu jitqies hu l-lat ekonomiku. Ma nistgħux madankollu nwarrbu elementi oħra. Fil-każ tar-Renju Unit ngħidu aħna, jidher li ħafna votanti ma waslux għad-deċiżjoni tagħhom skont kalkolu ekonomiku.
Issa, mil-lat soċjali u kulturali, ir-realtà hi li qed ikun hemm konverġenza kbira bejn il-pajjiżi Ewropej kollha. Dan ftit għandu x’jaqsam mas-sħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Jaħtu għaliha l-iżviluppi kbar fil-mezzi ta’ kumnikazzjoni, fuq quddiem nett l-internet, li qed iwasslu biex il-popli jaddottaw l-istess imġiba, l-istess gosti u l-istess stili ta’ ħajja; kif ukoll l-istess aspirazzjonijiet u tamiet għal ħajja aħjar. Barra jew ġewwa l-Unjoni Ewropea, dil-ħaġa se tibqa’ tiżviluppa b’qawwa kbira.
Jekk inqisu oqsma oħra bħall-ambjent u s-sigurtà, il-pressjonijiet biex il-ġnus Ewropej jiftehmu bejniethom se jibqgħu kbar ħafna. Kollha għandhom interess li jsolvuhom flimkien, barra jew ġewwa l-qafas tal-Unjoni Ewropea. L-isfidi li mhumiex limitati għal pajjiż wieħed u ma jistgħux ikunu maħlula f’qafas ta’ ħidma nazzjonali. Biss m’hemm xejn li jgħidilna li biex dil-koperazzjoni meħtieġa sseħħ, il-pajjiżi Ewropej iridu bilfors jifformaw parti mill-istrutturi tal-Unjoni Ewropea.
L-istess argument ma jgħoddx għall-qasam tal-immigrazzjoni. Hawn ukoll, soluzzjoni fuq bażi nazzjonali ftit hi possibbli. L-Ewropa tinsab imdawra b’reġjuni fejn hemm eċċess kbir ta’ popolazzjonijiet żgħażagħ li mhumiex jgħixu ħajja tajba fejn jinsabu u li jridu jemigraw. Hemm reġjunijiet fejn minħabba l-gwerer, in-nies qed jaħarbu.
Niddubita kemm tista’ tinstab tweġiba għal din l-isfida barra minn qafas ta’ għaqda stretta bejn pajjiżi Ewropej fuq diversi oqsma u livelli, bħal dak li tipprovdi l-Unjoni Ewropea. B’koperazzjoni governattiva biss bejn il-pajjiżi konċernati, x’aktarx li ma naslux.
B’xorti ħażina, sal-lum anke fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi Ewropej għadhom ma sabux soluzzjoni sodisfaċenti għall-immigrazzjoni. Anzi bil-maqlub; għadha tqajjem diżgwid serju fosthom. Xorta, ma narax kif l-immigrazzjoni għad tista’ tinġab taħt kontroll barra mix-xibka ta’ ftehimiet li minnha hi magħmula l-Unjoni Ewropea. Fuq dal-punt, għalkemm sa issa ma kienx hemm progress, interess vitali għal Malta jkun li tinstab xi soluzzjoni Ewropea bil-mezzi li tagħti l-Unjoni Ewropea. Allura, bi qbil wiesa’, il-piżijiet jinqasmu b’mod ġust mal-membri kollha.

EKONOMIJA MARBUTA

Meta niġu għall-ekonomija, se nsibu kif diġà semmejna, li l-ekonomija tagħna kemm ilna sħab fl-Unjoni Ewropea, intrabtet bil-kbir mill-qrib mal-kontinent Ewropew, minn investiment, kummerċ u swieq. Sadattant, naqqset mid-diversifikazzjoni tagħha. L-industrija u l-oqsma żgħar “lokali” bħall-biedja, tilfu mis-saħħa li kellhom. Il-konċentrament fuq servizzi, speċjalment tat-turimu, dawk finanzjarji u llum ukoll tal-logħob tal-imħatri, kiber sew. F’każ li l-ekonomija Maltija taqla’ daqqa, għandna anqas muturi minn qabel biex bihom naħdmu għal titjib fil-qagħda.
Fiċ-ċokon tal-pajjiż, sforz biex il-fasla tar-rabtiet ekonomiċi tiegħu tinħall – kif ikollu jiġri jekk il-pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea – tippreżenta perikoli mhux ċkejkna. Waqt li bidla bħal din tkun qed isseħħ, ir-rankatura ekonomika bilfors tintilef sakemm l-operaturi ekonomiċi jifhmu u jagħrfu t-tifsira għalihom tal-bidliet li jkunu qed iseħħu ħalli jaddattaw għalihom. F’ekonomija bħal tar-Renju Unit, ħaġa bħal din tista’ ssir għax fil-kobor tal-pajjiż, ikun jeżisti lqugħ biex ipatti għat-telf, temporanju jew le, tar-rankatura ekonomika. L-istess ħaġa ma tgħoddx għal pajjiż ċkejken.
Min-naħa l-oħra, l-oqsma tas-servizzi fejn dħalna bil-kbir kemm ilna fl-Unjoni Ewropea għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom barra mir-regolamentazzjoni tal-Unjoni. Jiddependu ħafna mil-liġijiet viġġenti dwar it-tassazzjoni, qasam li għadu taħt il-kontroll tal-istati membri. Fih, Malta baqgħet iżżomm il-ħelsien u l-flessibbiltà tagħha. Is-servizzi fejn qed nispeċjaliżżaw jistgħu jiġu affettwati ħażin jekk mal-Ewropa jiddaħħlu l-istess regoli għalihom jew għall-qasam tat-tassazzjoni. Żvilupp bħal dan jista’ jqum l-aktar malajr fiż-żona tal-ewro.

FIŻ-ŻONA EWRO

Għax sadattant, għalkemm popolari mal-Maltin, is-sħubija tal-pajjiż fiż-żona tal-ewro fissret u se tibqa’ tfisser li l-flessibiltà tal-ekonomija tagħna biex tilqa’ għall-kompetizzjoni fis-swieq tagħha barranin naqset sew. Fis-servizzi finanzjarji forsi, dan ftit jimporta. Mhux l-istess fit-turiżmu u fl-industrija, fejn ta’ spiss il-prezz ta’ vaganza jew ta’ prodott ikun kruċjali biex jinkiseb ix-xogħol. Malta ma tiddeterminax il-valur tal-ewro. Biex tbaxxi l-prezz tagħha, ikollha tagħmel dak li jissejjaħ “żvalutar intern”, billi pagi, benefiċċji soċjali u għajnuniet oħra jitnaqqsu.
Fiż-żmien li ġej, se jibqgħu jsiru sforzi biex iż-żona tal-ewro ssir aktar kompatta. Bla dubju, jekk dan iseħħ, se jkun ifisser tisħiħ ta’ strutturi federali ta’ tmexxija, li bihom il-flessibiltà fit-tmexxija ekonomika ta’ pajjiżna tkompli tonqos. Bħala parti minn dan l-iżvilupp, wieħed jistenna li jkun hemm it-twaqqif ta’ sistema ta’ taxxi “federali” li jinġabru fuq bażi Ewropea; u ħidma biex kull pajjiż membru jkollu dejjem aktar sistemi ta’ tassazzjoni jixtiebhu ma’ tal-oħrajn.
Malta bilfors tintlaqat ħażin minn bidliet bħal dawn. Minn naħa, jiġu taħt attakk l-oqsma finanzjarji li kabbret matul is-snin. Mill-oħra, minħabba li r-rata tal-kambju tal-ewro ma jinsabx taħt kontroll nazzjonali, l-ekonomija Maltija tibqa’ mingħajr il-ħila li tpatti għat-telf ta’ kompetittività billi tibdel ir-rata tal-kambju tal-munita.
F’qafas bħal dan, jekk ma jidħlux miżuri ġodda li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jkunu qed jinġemgħu għall-pajjiż, alternattiva bħal tal-Brexit tibda tidher attrajenti.

***

Għalissa, ninsabu bogħod minn dak ix-xenarju. Jew hekk jidher. Biss, mhuwiex xenarju improbabbli. Hemm diversi fatturi fl-Unjoni Ewropea llum, l-aktar fiż-żona ewro, li jiġbdu lejn dik id-direzzjoni.
Kollox ma’ kollox, sal-lum it-triq tal-Brexit mhijiex vijabbli jew attraenti għal Malta fiċ-ċirkostanzi attwali. Ir-rabtiet ekonomiċi bejn Malta u l-bqija tal-Unjoni Ewropea huma wisq qawwija u marbuta ma’ xulxin. L-orjentamenti soċjali u kulturali favur is-sħubija għadhom qawwija fost il-poplu Malti.

Facebook Comments

Post a comment