Ġimgħa ilu f’dil-kolonna tlaqna biex inwieġbu għall-mistoqsija jekk l-idea ta’ Brexit – tal-ħruġ ta’ pajjiż membru mill-Unjoni Ewropea, kif se jagħmel ir-Renju Unit – tistax tapplika għal Malta. Qed inwieġbu għall-mistoqsija mhux billi nisparaw bla ħsieb, iva jew le ta’ konvenjenza, imma billi nqisu xinhuma l-fatturi ewlenin li għandhom jiddeterminaw liema hi l-aħjar triq. Għalhekk ġimgħa ilu, bħala l-ewwel pass, tkellimna dwar il-bilanċ ta’ kisbiet li laħqet Malta kemm ilha membru tal-Unjoni Ewropea.
Xieraq illum li nqisu x’kienu l-iżviluppi fi ħdan l-Unjoni Ewropea matul l-istess żmien, fir-rebħiet u d-disfatti li għaddiet minnhom, u fil-proposti għal aktar ħidma li jinsabu quddiemha. Bħal-lum ġimgħa, nkunu nistgħu naraw fl-isfond ta’ x’ġara u qed jiġri fostna, fl-Ewropa u fil-bqija, kif jaqbel li l-aħjar nirrispondu għall-isfida tal-Brexit.
Wieħed jista’ jagħraf żewġ stadji fl-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea minn mindu twaqqfet sal-lum. L-ewwel stadju tagħha kien dak li matulu ġabet flimkien lill-pajjiżi Ewropej tal-punent, għaqqdithom u ħolqot il-kondizzjonijiet li bihom twarrbu kważi għal kollox iċ-ċansijiet ta’ gwerer ġodda bejniethom – kif kienu nqalgħu matul it-tliet sekli ta’ qabel. F’dan l-għan, jiġifieri li twaqqaf għal kollox is-sensiela ta’ gwerer li qatlu miljuni ta’ ċittadini Ewropej, l-Unjoni Ewropea – dak iż-żmien magħrufa bħala l-Komunità Ewropea – kienet suċċess stupend.
L-istess suċċess beda jħajjar aktar pajjiżi jingħaqdu mal-Komunità Ewropea. Il-pajjiżi membri mill-bidu, raw is-suċċess tal-ħidma tagħhom bħala sinjal biex ikomplu jingħaqdu aktar bejniethom, allavolja kienu jafu li l-popli Ewropej kulturalment u politikament huma marbuta bil-kbir mas-sens tan-nazzjonalità tagħhom. Imbagħad seħħ il-kollass tal-Unjoni Sovjetika fil-bidu ta-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, u l-għadd ta’ pajjiżi Ewropej tassew indipendenti żdied bil-kbir. Dawn kollha jew kważi, bdew iħarsu lejn il-Komunità/Unjoni Ewropea bħala mudell għal fejn riedu jaslu, mhux l-anqas biex ma jibqgħux ikunu dominati mill-“ors” Russu, sa ftit qabel Sovjetiku.

AKBAR, AKTAR PROFONDA

B’hekk, l-Unjoni Ewropea matul is-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, telqet għat-tieni stadju tal-iżvilupp tagħha sa issa. Il-mexxejja tal-Unjoni iddeċiedew li minn naħa, se jkabbruha billi jdaħħlu aktar pajjiżi Ewropej membri. Min-naħa l-oħra kienu se jagħmlu aktar profondi l-istrutturi ta’ għaqda u tmexxija tagħha, billi jifirxuhom għal iżjed oqsma u jorbtu lil xulxin aktar fil-fond bl-impenji tal-għaqda.
Rajna għalhekk ħidma li għadha sejra sal-lum, biex l-Unjoni Ewropea żżid fil-membri tagħha. Biex jidħlu, il-ġodda kellhom jaċċettaw l-impenji kollha li l-qodma diġà kienu daħħlu. Kellhom jaqblu wkoll li jkomplu fil-proċess ta’ għaqda dejjem akbar. Fost il-pajjiżi membri ġodda li daħlu, barra Malta u Ċipru, kien hemm diversi pajjiżi li sa ftit tas-snin qabel, kienu jgħixu fid-dell tal-Unjoni Sovjetika, bħall-pajjiżi tal-Baltiku, jew il-Polonja u r-republika Ċeka.
Kważi kollha daħlu fuq mewġa ta’ ottimiżmu qawwi, sentiment li l-futur kien ta’ għaqda Ewropea dejjem akbar. Minnha nnifisha, l-Unjoni Ewropea sabet li kellha “soft power” – jew il-poter ta’ ġibda u influwenza fuq il-fehmiet u x-xewqat ta’ miljuni ta’ Ewropej – qawwi ħafna, biex ma ngħidx irresistibbli. Li tidħol membru tal-Unjoni, saret il-mira ta’ firxa dejjem usa’ ta’ pajjiżi.
Fl-istess żmien, seħħ avvanz konsiderevoli fuq it-tieni front, dak tal-approfondiment tal-oqsma li l-Unjoni Ewropea kellha tinbena fuqhom. Is-suq wieħed Ewropew, l-aktar kolonna importanti tal-għaqda, ġie mkabbar għal setturi ġodda tal-ekonomija, fosthom il-finanzi u s-servizzi. Regoli ġodda li jorbtu lil kulħadd bdew jidħlu f’oqsma ewlenin bħall-ambjent u l-enerġija.
Imma l-aqwa żviluppi ġraw fl-oqsma ewlenin tal-munita u tas-sigurtà. Ġiet varata ż-żona tal-ewro, anke hi bis-“soft power” tagħha li ġibed lejha dejjem aktar pajjiżi xewqana li jsiru membri tagħha malajr kemm jista jkun. U twaqqfet iż-żona ta’ Xengen, li permezz tagħha ċittadini Ewropej minn pajjiżi differenti setgħu jżuru lill-pajjiżi l-oħra membri ta’ Xengen bl-akbar libertà.

IL-KRIŻI FINANZJARJA U L-AWSTERITÀ

Minkejja l-ottimiżmu li bih saru dawn il-bidliet kollha, il-problemi f’dak li kien qed jitwettaq ma setgħux jiġu injorati. Bit-tkabbir tal-Unjoni kif seħħ, id-differenzi ekonomiċi u soċjali bejn pajjiżi membri – li ma tantx kienu kbar meta l-Unjoni Ewropea kienet għadha fl-ewwel stadju ta’ ħajjitha, issa saru kbar u lampanti. L-istess beda jgħodd malajr għaż-żona tal-ewro.
L-intenzjoni kienet li bir-rankatura għal tkabbir ekonomiku li l-għaqda se ġġib magħha, id-differenzi bejn reġjuni Ewropej differenti se jiċkienu waħidhom.
Problema oħra kienet li waqt li l-għaqda Ewropea qed issir aktar profonda f’diversi oqsma, l-istrutturi ta’ tmexxija tħallew nieqsa mill-poter li kienu jeħtieġu biex jikkontrollaw tajjeb dak li kien qed jiġri fil-għaqda. Il-verità kienet li l-membri l-aktar importanti ma ridux iċedu l-poteri nazzjonali tagħhom lil xi awtorità ċentrali ta’ natura “federali”. Pereżempju, mat-twaqqif taż-żona Xengen, ma twaqqfet l-ebda awtorità ta’ sigurtà li tista’ taħdem bla xkiel kull fejn hemm Xengen biex tikkontrolla l-kriminalità – bħal ma għandhom pereżempju l-Istati Uniti bil-Federal Bureau of Investigation (FBI).
Wieħed ma jridx jinsa jsemmi lanqas, li dawn l-iżviluppi ġraw fuq sfond dinji li kien qed jinbidel b’ħeffa kbira. Daħlet l-globalizzazzjoni ekonomika, li biha l-bejgħ u x-xiri mad-dinja kollha donnu qed isir f’suq wieħed. Sadattant, il-mezzi tal-komunikazzjoni diġitali (internet, telefown, televixin eċċ) komplew jagħmlu banju wieħed mill-kontinenti.
L-istrutturi li tnedew fl-Unjoni Ewropea biex imexxuha bit-tkabbir li għaddiet minnu, u bl-“approfondiment” tagħha, ma kinux qawwija biżżejjed biex isostnu il-bżonnijiet ta’ deċiżjoni li nħalqu. Dil-ħaġa setgħet tinħeba sakemm l-andament ekonomiku jkun favorevoli. Il-kriżi kellha tiskatta hekk kif il-qagħda tinbidel għall-agħar. Hekk ġara mill-2008 sal-lum.
L-ewwel bil-kriżi finazjarja li skattat f’dik is-sena u li l-effetti tagħha għadhom jinħassu. B’risposta għaliha, taħt il-gwida Ġermaniża, l-Ewropa nediet politika ta’ awsterità li żammet il-qgħad għoli u daħħlet diżillużjoni ġdida fost il-popli. Is-“soft power” tal-Unjoni qala’ daqqa li għadu ma rkuprax minnha.
Imbagħad kien hemm il-kriżijiet tal-immigrazzjoni u tat-terroriżmu, li għalihom għad ma nstabitx soluzzjoni xierqa. Aktar minn hekk, bil-problemi li nqalgħu, id-diverġenzi bejn inħawi differenti tal-Unjoni Ewropea minflok naqsu, komplew jiżdiedu (għalkemm forsi kienu jibqgħu jiżdiedu xorta waħda, anke mingħajr it-taħsir ekonomiku tal-aħħar snin).

DILEMMI EKONOMIĊI U SOĊJALI

Li jġibna għall-isfidi quddiem l-Unjoni Ewropea llum u għal li ġej. Biex issostni l-binja tagħha kif żviluppat fl-aħħar għoxrin sena, l-Unjoni teħtieġ b’mod urġenti strutturi ta’ tmexxija federali, kemm fiż-żona tal-ewro, kemm fl-oqsma tas-sigurtà u tat-tmexxija tal-ekonomija. Tneħħi l-Parlament Ewropew, ma jidhirx li hemm xi forma ta’ maġġoranza favur dan il-pass. Il-kalkolu ta’ ħafna hu li l-federaliżmu jwassal għal dominanza Ġermaniża akbar milli diġà hi; u li sakemm l-ekonomiji tal-pajjiżi membri jibqgħu ċassi, se jitla’ mill-qiegħ fost iċ-ċittadini f’pajjiżi differenti, rifjut tal-federaliżmu. Il-Ġermanja nnifisha xejn mhi entużjasta tal-federaliżmu.
X’għandha tagħmel l-Unjoni allura fiż-żmien li ġej? Tieħu l-pass li jmiss lejn il-federaliżmu u tirranġa biex min ma jaqbilx ikun jista’ jieħu triq differenti, simili għall-Brexit?
Tikkonsolida sa fejn waslet u tikkonċentra fuq li tnaqqas id-diverġenzi bejn naħa u oħra tal-firxa tagħħa?
Tmur lura għal tmexxija stretta mill-Kunsill Ewropew u l-kunsilli tal-ministri fejn huma l-istati li jiddeċiedu bejniethom dwar x’għandu jsir?
Għad m’hemm xejn deċiż. Kollox għadu fl-arja. U l-aktar sfida taħraq hi: kif l-Unjoni Ewropea se terġa’ tirranka tassew ekonomikament?
Hu f’dan l-isfond li rridu naraw xinhuma l-għażliet quddiemna, qabel naqtgħuha liema hi l-aħjar għalina.
Dnub li f’pajjiżna dawn il-kwistjonijiet ftit li xejn jissemmew.

Facebook Comments

Post a comment