Ta’ kultant, jidher minnu dak li ġieli jintqal dwar l-Unjoni Ewropea: li tissemma l-aktar meta tkun qed taffaċċja xi kriżi. Ħafna allura, meta jiġri hekk, jipprevedu li ċ-ċansijiet qed jikbru li l-Unjoni se titfarrak minħabba fil-kriżi tal-ġurnata. Imbagħad l-affarijiet jikkwitaw sakemm tqum il-kriżi li jmiss. Fil-frattemp, bejn kriżi u oħra, l-Unjoni tibqa’ għaddejja bl-affarijiet “normali” tagħha hekk kif imexxuhom il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, … affarijiet li kważi ħadd ma jsegwi mill-qrib…
Fl-aħħar ġimagħtejn, il-kriżi li dwiet l-aktar fil-midja (għadilli kellha tikkompeti mal-logħob tat-Tazza tad-Dinja) kienet dik dwar l-immigrazzjoni. Imma talanqas tliet kaldaruni oħra ta’ problemi… kriżijiet potenzjali jekk mhux attwali… kienu wkoll qed ibaqbqu. Ta’ min wieħed jagħti ħarsa lejn fejn waslu.

IL-POLONJA
It-tilwima bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-gvern Pollakk ilha tinħema, sa minn meta l-partit tal-Liġi u l-Ġustizzja immexxi minn Jaroslaw Kaczynski rebaħ il-gvern daqs tliet snin ilu u ddeċieda li jrid iwettaq bidla fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, fosthom il-qrati. Skont hu, l-gvern ta’ qablu mmexxi għal ħafna żmien minn Donald Tusk, illum President tal-Kunsill Ewropew, kien għabba lill-ġudikatura bis-segwaċi tiegħu. Kien jaf li se jitlef l-elezzjonijiet riesqa u għaġġel jaħtarhom biex iservu ta’ xkiel lill-gvern ta’ warajh. Barra minn hekk, il-gvern ta’ Tusk kien ħalla wisq imħallfin fil-kariga li kienu nħatru taħt is-sistema komunista. Il-gvern tal-Liġi u l-Ġustizzja għalhekk telaq bi programm biex “inaddaf” u jibdel il-qrati – ħaġa li qajmet kontroversji kbar fil-pajjiż u inkwiet forsi akbar mal-Unjoni Ewropea.
L-Ewropej qiesu… fuq quddiem nett il-Parlament Ewropew u uħud fil-Kummissjoni Ewropea… li l-gvern Pollakk qed jimmina l-valuri Ewropej dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u dwar l-istat (“is-saltna”) tad-dritt. Imexxi x-xiljiet dwar hekk, kien hemm il-viċi president tal-Kummissjoni Ewropea FransTimmermanns, li wera prudenza kbira f’kif aġixxa. Ried li jimxi pass wara l-ieħor biex juri jekk kienx hemm, iva jew le, ksur tal-valuri Ewropej mit-tmexxija Pollakka.
Din tal-aħħar baqgħet twettaq il-miżuri li kellha f’moħħha. L-Unjoni Ewropea ma kellhiex jedd tindaħal fir-regoli interni tat-tmexxija tal-pajjiż, sostna l-gvern Pollakk. Baqa’ sa fl-aħħar ġimgħat, idaħħal liġijiet li tqiesu mill-Ewropej bħala attakk fuq l-indipendenza tal-ġudikatura. Fosthom fl-aħħar jiem, kien hemm id-dħul fis-seħħ ta’ liġi li biha l-membri tal-ġudikatura jkollhom jirtiraw mill-kariga malli jagħlqu 65 sena — ħaġa li wasslet biex anke l-Presidenta tal-qrati Pollakka kellha tirtira.
Wara l-pożizzjonijiet li ħadet sa issa dwar il-qagħda Pollakka, u t-twissijiet li ħarġet, il-Kummissjoni Ewropea ftit baqagħlha spazju fejn timmanuvra. Se jkollha tieħu passi kontra l-Polonja li jridu jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew. Il-biċċa tista’ tintwera bħala parti minn attakk li l-Unjoni Ewropea qed tipprova timmonta kontra partiti populisti li jirnexxilhom jitilgħu fil-gvern b’vot demokratiku. L-Ungerija diġà stqarret li se tivvota kontra kwalunkwe sanzjoni kontra l-Polonja. Ħadd ma jaf kif se jivvota l-gvern ġdid “populista” fl-Italja. L-Awstrija li se tkun qiegħda fil-presidenza tal-Unjoni Ewropea fix-xhur li ġejjin hi mmexxija minn koalizzjoni fejn qed jieħdu sehem il-populisti. X’se jiġri?

***
BREXIT
L-istess mistoqsija qed tqum dwar il-Brexit, fejn iż-żmien li fih kellhom jintemmu n-negozjati wasal lejn l-aħħar. Matul ix-xhur li għaddew, in-negozjati staġnaw. In-naħa Ewropea twaħħal fil-gvern Ingliż, li donnu ma jistax jasal internament għal ftehim dwar sa fejn irid jasal u kif. Biex inkun onest, l-ilment smajtu wkoll minn sorsi Ingliżi, mhux tal-Labour, imma tal-konservattivi, kemm li kienu kontra, kemm li kienu favur il-Brexit.
L-ilment ta’ kollha jew kważi, hu li l-Prim Ministru Ingliża Theresa May ma tistax issib tarf tal-problema dwar kif se tissodisfa lil dawk li jridu Brexit “aħrax” u dawk forsi aktar realisti, li jridu soluzzjoni “tan-nofs”, fejn pereżempju r-Renju Unit jibqa’ parti mill-għaqda doganali Ewropea. Il-kwistjoni tmur lil hinn min kif fil-fruntieri bejn ir-Renju Unit u “Ewropa” se jitwaħħlu d-dazji. Magħha, hemm ukoll imdendel il-futur tal-Irlanda, maqsuma bejn “ta’ Fuq” li hi parti mir-Renju Unit u ta’ “Isfel”, ir-repubblika ta’ Eire, membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ din tal-aħħar, bit-tnejn membri tagħha, huma kienu sabu paċi wara snin ta’ konflitt imdemmi bejn nord u sud. Bil-Brexit, dan kollu tpoġġa f’periklu. Donnu m’hemmx biżżejjed rieda u flessibiltà politika min-naħa tar-Renju Unit biex dil-ħaġa tinqata’ b’mod li jkun teknikament u politikament fattibli.

QAFAS FINANZJARJU
Il-Kummisjoni Ewropea, kif nafu, għamlet il-proposti tagħha dwar kif għandha tiġi finanzjata l-Unjoni Ewropea matul is-snin 2020 u 2027, u kif se tonfoq il-fondi tagħha. Il-proposti jinvolvu deċiżjonijiet iebsa li bihom se jitnaqqsu l-fondi dedidkati għall-biedja u għal proġetti ta’ investiment (“koeżjoni”) fil-pajjiżi membri, u żieda fl-ispiża fuq oqsma bħall-immigrazzjoni u d-difiża. Uħud mill-pajjiżi se jkollhom iħallsu aktar fil-baġit tal-Unjoni, oħrajn se jaraw il-fondi li kienu jirċievu jitnaqqsu.
Ma jistax jonqos li kulħadd kien qed jagħmel il-kakoli tiegħu fl-aħħar ġimgħat u l-kritika tal-proposti tal-Kummissjoni kienet kważi ġenerali. Din anke ġiet akkużata li ppreżentat ċifri mħawda u qarrieqa. Wieħed jieħu l-impressjoni li ħadd sa issa, ħlief il-Kummissjoni, ma kellu xi ħajra jqis il-problema kollha b’mod ġenerali u strateġiku ħalli b’xi mod jibdew jintlaħqu l-kompromessi meħtieġa. Il-presidenza ġdida tal-Awstrija ftit dehret sa issa interessata li tagħti priorità lil das-suġġett u dwar hekk ġiet ikkritikata fil-Parlament Ewropew.
It-tama kienet li qabel jinżammu l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2019, tkun instabet xi soluzzjoni. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jidher kemm se jkun diffiċli biex dil-mira tintlaħaq. Mhux biss hemm differenzi kbar u interessi konfliġġenti, imma kwistjonijiet oħra qed jieħdu ħafna aktar attenzjoni, bir-riskju li joħolqu diżgwid bejn l-istati membri.

IMMIGRAZZJONI
Fuq quddiem nett, m’hemmx għalfejn ngħidu, hemm il-kwistjoni tal-immigranti. Bl-inċidenti tal-vapuri mgħobbija bl-immigranti/refuġjati fil-Mediterran; bil-Kunsill Ewropew li suppost iddiskuta u ddeċieda dwar x’għandu jsir; bil-kriżi dwar immigrazzjoni fi ħdan il-koalizzjoni tal-gvern Ġermaniż fejn il-ministru tal-intern Seehofer mill-Bavarja hedded lill-kanċellier Merkel li se jitlaq mill-gvern jekk ma tħallihx jikkontrolla l-immigranti deħlin fil-Ġermanja minn pajjiżi oħra tal- Unjoni Ewropea… donnu ftit kien hemm post għal diskussjoni u ftehim fuq materji oħra.
M’għandniex għalfejn nidħlu hawn fid-dettall tad-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-kompromessi li saru mill-Kunsill Ewropew u l-bqija. Jien wieħed minn dawk li jemmnu li ftit li xejn ittieħdu deċiżjonijiet effettivi. Fuq ħafna punti, il-problemi tal-immigrazzjoni se jibqgħu ifawru waqt li jkomplu jħassru l-klima politika fl-Ewropa. Il-problema fondamentali hi li biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-immigrazzjoni, irid ikun hemm volontà politika ftit jew wisq komuni bejn il-pajjiżi membri – jekk mhux kollha, talanqas fil-maġġoranza kbira tagħhom. Bħala stat ta’ fatt, din il-volontà ma teżistix. Sadattant, il-gvernijiet qed iħossu l-pressjoni ta’ elettorati li qed jibżgħu mill-konsegwenzi tal-immigrazzjoni, kemm reali, kemm mistħajla.
Hu għalhekk li għandhom raġun dawk li jaħsbu li mill-isfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea bħalissa, tal-immigrazzjoni taħbat l-aktar waħda perikoluża, u dan f’ħafna sensi tal-kelma.

Facebook Comments

Post a comment