F’ġimgħa fejn il-ġrajja tal-Brexit daħlet f’fażi straordinarja, bilfors tqum diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa. Mhux dik id-diskussjoni li tellaq Jean Claude Juncker xi sena u nofs ilu u li għadha għaddejja. Il-Kummissjoni Ewropea tiegħu kienet ħarġet numru ta’ dokumenti fejn tellgħet proposti dwar kif l-iżvilupp tal-Ewropa jista’ jiżvolġi. Il-Parlament Ewropew mexxa seduti plenarji fejn kapijiet ta’ gvern ġew jagħtu l-viżjoni tagħhom ta’ kif jista’ jissaħħaħ il-futur tal-Ewropa. Fl-aħħar seduta ta’ dis-sensiela tkellem il-Prim Ministru soċjalista ta’ Spanja Pedro Sanchez, li qed imexxi gvern ta’ minoranza.
Il-veru dibattitu li għaddej hu dwar jekk aħniex resqin lejn bidla f’kif l-Unjoni Ewropea tqis il-miri tagħha u mbagħad twettaqhom. Sa sena ilu, is-suċċess politiku li kiseb Emmanuel Macron fl-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ta’ Franza taw it-tama lill-entużjasti tal-Ewropa magħquda li l-kurrenti tal-opinjoni publika kienu daru favurihom. Ħassew hekk anke waqt li fil-Ġermanja, il-kanċellier Merkel kienet qed tara l-inizjattivi tagħha biex twaqqaf koalizzjoni ta’ gvern ġdid jistaġnaw.
Illum, minkejja li l-forzi politiċi, l-aktar tal-lemin “estrem” li huma kritiċi tal-Ewropa, għadhom ma rkuprawx minn telfiet elettorali (bħal fl-Olanda u fi Franza), l-ottimiżmu ta’ sena ilu jew ftit aktar fost l-avversarji tagħhom, qisu ċċassa.

TAZZA NOFSHA VOJTA

Għal min hu “pessimist” u jara nofs it-tazza vojta, dawn huma d-dwejjaq li jħoss madwaru:
***il-fjask tal-Brexit;
***il-mod kif Emmanuel Macron fi Franza ra t-trijomf politiku tiegħu jinbidel fi ftit xhur fi kriżi enormi, li għadu ma solviex, bir-rewixta tal-ġakketti safor;
***id-disfatti tal-kanċellier Merkel li dgħajfuha għall-aħħar, hekk li kellha tħalli t-tmexxija tal-partit tagħha s-CDU;
***it-twaqqif fl-Italja ta’ gvern populista, bil-Lega mmexxija minn Matteo Salvini timbotta aġenda qawwija;
***it-twaqqif fl-Awstrija ta’ koalizzjoni ta’ gvern bejn il-lemin u l-lemin estrem;
***in-nuqqas ta’ qbil fi ħdan l-Unjoni Ewropea dwar żviluppi fl-immigrazzjoni, iż-żona tal-ewro, ambjent u oħrajn;
***riformi meħtieġa fit-tmexxija tal-ewro għadhom fuq l-ixkaffa.
Dawk li jitqiesu bħala pessimisti jgħidu kif arja ta’ dwejjaq qed taħkem lil wisq nies fl-Ewropa, minkejja li l-ekonomija Ewropea ilha għal numru ta’ snin tikber, anke jekk mhux b’xi rata qawwija. In-nuqqas ta’ sodisfazzjoni – il-fehma li l-familji sejrin għall-agħar aktar ma jgħaddi ż-żmien – daħlu sew u qed iqanqlu sfiduċja fit-tmexxija tal-partiti.
Argument tal-pessimisti hu li l-elites soċjali qed jikkapparraw kollox u jmexxu d-deċiżjonijiet skont kif jaqbel lilhom u lil familthom. Sadattant, iċ-ċittadini Ewropej tħallew waħidhom jaqdfu għal rashom fil-kurrenti kbar li nqalgħu biex jimminaw il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Il-kritika li qed issir minnhom mhux se tittaffa fi ftit taż-żmien u ċ-ċansijiet huma li dan id-diżgwid se jaffettwa bil-kbir l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-forzi “anti” Ewropa – b’Salvini fuq quddiem – qed jgħidu li se jibnu front qawwi li jiddefendi ideat dwar l-Ewropa li sa issa baqgħu mwarrba.
Għax l-Ewropa bagħet ma ħaditx il-passi ’l-quddiem li kellha tieħu lejn għaqda sħiħa, issa tinsab imhedda bi sfrakass.
Dak hu l-argument tal-pessimisti.

TAZZA NOFSHA MIMLIJA

Niġu għall fehma ta’ dawk li mhux qed juru l-panikk tal-pessimisti. Anzi bil-maqlub. Kummentatur magħruf Spanjol kiteb artiklu ġimagħtejn ilu fejn stqarr li l-Unjoni Ewropea qatt ma kienet magħquda daqs illum. Għal min seta’ jaħseb li dan kien argument stramb, semma kif matul id-deċennji li għaddew, l-Unjoni kienet mifnija bi kriżijiet kbar ta’ firda li rnexxielha ssolvi u tkompli għaddejja. Fosthom: fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor, meta Franza taħt il-Ġeneral de Gaulle irrifjutat li tieħu sehem fil-ħidma tal-Unjoni (dak iż-żmien is-Suq Komuni) u kienet tħalli s-siġġu tagħha vojt; it-tilwim li kien jinqala’ mar-Renju Unit fi żmien il-Prim Ministri Harold Wilson u Margaret Thatcher fis-snin sebgħin u tmenin tas-seklu l-ieħor; it-taqlib li kien qam sakemm ġew issettjati l-kondizzjonijiet li taħthom kienet se titwaqqaf iż-żona tal-ewro (snin disgħin); il-fjask bil-proposta li titħejja Kostituzzjoni tal-Ewropa; u l-kriżijiet enormi li nqalgħu bil-kraxx finanzjarju li seħħ mis-sena 2008 ’il-quddiem.
Il-firdiet ta’ dawk iż-żminijiet bejn pajjiż membri m’għadekx issibu llum, sostna l-espert Spanjol. Fin-negozjati dwar il-Brexit (ikun xi jkun il-punt finali tagħhom) l-Ewropej żammew ruħhom magħquda kif qatt ma għamlu qabel. Terġa’ mhux biss irnexxielhom jegħlbu l-kriżi li ħakmet lill-ewro, talli ż-żona tal-ewro issa ilha numru ta’ snin turi tkabbir ekonomiku li mhux ta’ min jarmih.
Skont dil-fehma, jidher ukoll li għadda l-aqwa tal-mewġa favur il-“populiżmu”. Anke l-President Trump qala’ tkaxkira fl-elezzjonijiet għall-Kungress li ġew f’nofs il-mandat tiegħu u qed jitqanżah biex jipprova jara kif se jirrispetta l-wegħda li għamel biex jinbi ħajt fuq il-fruntiera ta’ bejn pajjiżu u l-Messiku. Hu punt li saħqet fuqu dil-ġimgħa f’artiklu interessanti l-gazzetta New York Times.
U fuq dan imbagħad jissemmew:
***il-problemi li qed ikollu il-Prim Ministru Viktor Orban fl-Ungerija, wara li daħħal liġi li tinforza l-overtime bla ħlas, ħaġa li għall-ewwel darba qanqlet kontra tiegħu protesti popolari kbar;
***problemi tal-istess tip li qamu fil-Polonja;
***il-fatt li Marine Le Pen għadha ma stejqritx mit-telfa li sofriet fl-elezzjoni presidenzjali Franċiża;
***diżgwid fit-tmexxija tal-gvern Taljan u riżervi fin-nord tal-pajjiż fost id-dirġenti tan-negozji dwar il-mod kif qed timxi l-Lega ta’ Salvini;
***il-fatt li l-ekonomija Ewropea baqgħet tikber u toħloq l-impjiegi fl-aħħar snin.
F’dan l-istadju, diffiċli tgħid min għandu raġun, jekk hux dawk li qed jaraw it-tazza nofsha vojta, jew dawk li qed jarawha nofsha mimlija. L-agħar għall-Ewropa f’dan kollu jista’ jispiċċa li t-tnejn għandhom raġun u ftit ftit jaslu għal punt li ħadd ma għandu maġġoranza imma kulħadd ikollu minoranza sostanzjali.
Fuq il-livell tal-Parlament Ewropew per eżempju dan ikun ifisser li jrid jinstab kompromess mal-“estremisti”. Ħaġa li sa issa għadha qatt ma ġrat.

Facebook Comments

Post a comment