Dil-ġimgħa, fil-bidu tad-dibattitu tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li nżamm f’Diċembru, l-President tal-Kunsill, il-Pollakk Donald Tusk stqarr li hu minnu li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja diffikultajiet. Imma dawk li jqisuha bħala moribonda qed jeżaġeraw bil-kbir. L-Unjoni qed tiffunzjona tajjeb f’ħafna oqsma, qal, għadha qawwija u tqanqal l-għira ta’ inħawi oħra tad-dinja.
L-appell ta’ Tusk kellu tifsira speċjali: minn meta il-kanċellier Merkel ħabbret li l-fruntieri Ġermaniżi se jkunu miftuħa bil-kbir għall-immigranti u r-refuġjati mis-Sirja, ma naqsux żviluppi negattivi. Dawn irrankaw diżgwid li donnu kiber bejn membri tal-Unjoni. Ħafna minnu kien imqanqal appuntu mill-kriżi tal-immigrazzjoni, imma mhux kollu.

IL-POLONJA FIL-MIRA

Barra mid-diżgwid mal-pajjiżi tal-Balkani, fl-aħħar ġimgħat rajna jinbtu kontroversji bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Polonja, bejn l-Italja u l-Kummissjoni Ewropea u qed tinħema kwistjoni delikata mad-Danimarka.
Il-gvern il-ġdid Pollakk — lemini u “populista”, anki “ewro-xettiku” — li jikkontrolla wkoll il-Presidenza ta’ pajjiżu pprova jreġġa’ lura miżura li l-gvern ta’ qablu ħa fl-aħħar ġimgħat tal-ħatra tiegħu. Dan kien appunta fil-qorti kostituzzjonali ħames imħallfin ġodda biex jassigura li jekk jitlef l-elezzjoni, ikollu l-maġġoranza enormi tal-imħallfin mill-kamp tiegħu. Biex ipatti għal dan, il-gvern il-ġdid immexxi mill-Prim Ministru Beata Szydlo, appunta numru ieħor ta’ imħallfin fil-qrati. B’liġi daħħal ir-regola li l-qorti kostituzzjonali kellha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, mhux waħda sempliċi.
Fl-istess ħin, il-gvern il-ġdid bidel it-tmexxija tax-xandir publiku, fejn sa qabel l-elezzjoni, kienu jmexxu diriġenti u ġurnalisti tal-gvern il-qadim, li kien wieħed taċ-ċentru lemin. Malajr tqajmet kontroversja Ewropea dwar il-biċċa kollha.
L-azzjonijiet tal-gvern Pollakk kienu jammontaw għal theddida lill-valuri Ewropej dwar ir-rispett tal-liġijiet. Kienu qed ipoġġu theddida wkoll fuq il-libertà tal-kelma barra milli jintimida lill-ġurnalisti. Hekk beda jintqal. Il-gvern ta’ Szydlo irribatta dan billi sostna li kull ma sar kien li jikkoreġi l-abbużi li wettaq il-gvern ta’ qablu, li fix-xandir publiku daħħal in-nies tiegħu biss u żamm kontroll strett fuq il-ġurnalisti.
Fil-Polonja nnifisha ttellqu dimostrazzjonijiet kontra l-gvern il-ġdid u skattaw dimostrazzjonijiet oħra favuru minn forzi li jappoġġjawh. Tal-aħħar saħqu dwar kif il-kritika li qed issir lill-Polonja kienet imnebbħa mill-Ġermanja li xejn ma ggostat id-deċiżjoni li ħa l-gvern li jibqa’ lura mill-pjan Ewropew biex jilqa’ għall-kriżi tal-immigrazzjoni.

TIDĦOL IL-KUMMISSJONI

Qamu argumenti li jekk il-gvern Pollakk ma jibdilx id-direzzjoni tiegħu, għandhom jittieħdu passi taħt it-trattati li jikkostitwixxu l-Unjoni. F’każi gravi ħafna, dawn il-passi jistgħu jwasslu biex stat membru jitlef il-vot tiegħu fl-Unjoni. Fl-aħħar snin madankollu, ddaħħlet proċedura aktar “ratba” li biha l-pajjiż li dwaru jqumu diffikultajiet, jintalab mill-Kummissjoni li jispjega ruħu quddiemha. Jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tkunx sodisfatta b’li ssir taf, tmexxi ‘l quddiem il-proċedura l-“iebsa”.
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li titlaq bil-proċedura “ratba” kontra l-Polonja.
Id-deċiżjoni kompliet iżżid il-kontroversja. Il-gvern Pollakk aċċetta li jispjega ruħu imma għamilha ċara li mhux se jħalli s-sovranità tal-pajjiż tiġi mminata mill-Unjoni Ewropea. Wara l-manuvrar kollu, ġie allegat, kien hemm intenzjonijiet politiċi. Fi żmien il-gvern l-Pollakk l-antik, mill-Unjoni Ewropea ma qamu l-ebda oġġezzjonijiet għall-abbużi u l-korruzzjoni kbira li kienu jitwettqu.
Sadattant, il-Parlament Ewropew ħareġ stedina biex il-Prim Ministru Szydlo tattendi għal dibattitu dwar il-kwistjoni kollha. Hi aċċettat. Matul id-dibattitu, ġew repetuti l-oġġezzjonijiet u l-kritika bejn naħa u oħra.
Personalment insib dil-kwistjoni kollha pjuttost ironika. Tfakkarni wkoll kif gvernijiet Laburisti ġew ittrattati matul is-snin minn istanzi Ewropej. Ideoloġikament ftit għandi demm mal-gvern Pollakk ta’ Szydlo, imma hu minnu li quddiem l-abbużi flagranti tal-gvern l-antik fil-Polonja, l-Ewropej ma kinux iċċaqalqu. Nifhem li l-gvern Pollakk kellu jara kif se jilqa’ għall-aħħar miżuri abbużivi li ħa ta’ qablu. Nissuspetta li għandhom raġun dawk li jargumentaw li l-biċċa kollha tqanqlet bħala skuża u li l-problema kollha zbroffat għax il-Polonja qed taddotta politika skomda sew għall-pajjiżi membri l-kbar. U dan mingħajr preġudizzju għal jekk l-azzjonijiet tal-gvern Pollakk attwali humiex leġittimi jew le.
L-istorja tkompli…

IT-TALJANI MDEJQA

L-istorja l-oħra… tal-konfront bejn l-Italja u l-Kummissjoni Ewropea… hi stramba u għal ħafna mhux mistennija. Madankollu, ilu ż-żmien li f’diversi oqsma tat-tmexxija ekonomika Taljana bdew jidhru konsenturi li mhumiex qed jissewwew malajr.
Minkejja d-dinamiżmu politiku u anki ekonomiku li wera l-gvern ta’ Matteo Renzi, ir-riżultati ekonomiċi fl-Italja baqgħu anqas tajba milli mixtieqa. Ir-reżistenzi għal bidla fil-modi ta’ tmexxija amministrattiva u soċjali ma naqsux. Fuq kollox, problema enormi ta’ self kbir li ma jistax irendi baqgħet qisha xabla mdendla fuq banek Taljani. Fl-aħħar il-gvern ta’ Renzi kien beda “jsolviha” billi jara kif jirranġa ħalli s-self ħażin li kienu mgħobbija bihom il-banek jitwaddbu fuq istituzzjoni waħda li hu kellu jara x’se jagħmel biha.
Jidher li dil-proċedura qed iddejjaq lill-Kummissjoni Ewropea. Qed tqisha bħala forma ta’ għajnuna tal-istat li mhix permissibbli aktar taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea. U l-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea qed iddejjaq bil-kbir il-gvern ta’ Renzi.
Diskors dirett ta’ mexxejja tal-Kummissjoni Ewropea fosthom il-President tagħha Jean Claude Juncker, u diskors “anonimu” rapportat li ġej mill-Kummissjoni Ewropea, kienu kritiċi sew tal-gvern Taljan. Il-Prim Ministru Renzi u sħabu, min-naħa tagħhom, ma qagħdux lura. Sorsi Taljani bdew jgħidu li wara l-“attakki” kontra l-Italja, kien hemm il-Ġermanja. Juncker mhux se “jattakka” lill-Italja qabel ma jkun żgur li minn Berlin mhumiex kontra. Waħda mill-verżjonijiet kienet li l-kanċellier Merkel xejn ma ħadet gost li t-Taljani kienu qed jinsistu li t-3 biljun ewro li l-Unjoni Ewropea qed twiegħed lit-Turkija biex tieħu ħsieb ir-refuġjati mis-Sirja, jitħallsu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Mentri l-Kummissjoni Ewropea tqis li parti sostanzjali minnhom iridu joħorġu dritt mingħand il-pajjiżi membri.
Mhijiex ħaġa ċara kemm se ddumm għaddejja dil-problema jew jekk hijiex se tiżvinta malajr malajr. Li hemm żgur hu li mhix qed tagħmel ġid, għandu min għandu raġun. Jista’ jkun wara kollox li l-biċċa tirrigwarda l-mod kif l-Italja qiegħda tlaħħaq jew le mal-miri tal-Patt tas-Stabbiltà u Tkabbir taż-żona ewro. U allura Renzi pprovoka l-kontroversja biex jilqa’ għal dak li tista’ tkun se tipproponi l-Kummissjoni Ewropea dwar pajjizu.
Hi xinhi r-raġuni għal dan l-aħħar żbroff fil-milja ta’ argumenti li qed jinbarmu madwar il-politika Ewropea, tiġġustifika l-prudenza li wera Tusk meta ħeġġeġ biex ħadd ma jeżaġera d-diffikultajiet li jinsabu quddiem l-Unjoni Ewropea bħalissa.
Jaqbel allura li nħallu d-diskussjoni dwar x’inqala’ mad-Danimarka għal darb’oħra.

Facebook Comments

Post a comment