Reġa’ beda jissemma fl-aħbarijiet it-TTIP – il-ftehim li qed jiġi negozjat bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea ħalli joħolqu żona magħquda bejniethom dwar kummerċ ħieles u investimenti. Taha prominenza l-President Barak Obama fiż-żjara li għamel fl-Ewropa, żjara li donnha saret biex hu jikkommemora t-tmiem tas-servizz tiegħu bħala President Amerikan.
Xi sentejn ilu, l-Istati Uniti laħqu ftehim tal-istess sura mal-pajjiżi tal-Baħar Paċifiku u jinsabu fil-proċess li jirratifikawh. Jixtiequ jagħmlu l-istess ħaġa mal-Ewropa u negozjati komplikati ilhom għaddeja xi sentejn għal tlieta. Ftit ilu, spiċċa t-tnax-il rawnd ta’dawn in-negozjati u dil-ġimgħa kien qed jitmexxa t-tlettax-il rawnd. Hi ħaġa ċara li Obama jixtieq li l-ftehim jekk jintlaħaq fil-waqt, jimmarka suċċess ieħor fi tmiem il-Presidenza tiegħu. Oħrajn, kemm fl-Istati Uniti nfushom, kemm fl-Ewropa, huma ħafna aktar xettiċi. Ma tantx huma interessati li t-tmiem ta’ Obama bħala President Amerikan iseħħ f’ċerimonji ta’ ferħ. Aktar iridu jkunu żguri li ma jiffirmawx ftehim li jqajjem wara, diżgwid fl-ekonomiji tagħhom.

KONTROVERSJI

Sa mill-bidu nett, it-TTIP qanqal kontroversji kbar, kif għadu jagħmel. Ambjentalisti rawh bħala manuvra mill-Istati Uniti biex jippromwovu użu tar-riżorsi naturali fuq l-istess mudell bħal tal-Amerikani. Fil-kontroversja daħlu kwistjonijiet bħall-aqwa użu tal-art biex jinstabu żejt u minerali prezzjużi; il-modi kif il-laħam jiġi proċessat; il-metodi kif iż-żrieragħ jiġu mibdula ġenetikament.
Mil-lemin Ewropew, it-TTIP tqies bħala abbandun ieħor tad-drittijiet nazzjonali tal-ġnus Ewropej, sakemm ikun hemm xi qligħ xi jsir. U mix-xellug Ewropew il-kritika kienet li barra milli jdaħħal laxkezza ambjentali ġdida, t-TTIP kien se jżid fid-dominanza ekonomika tal-kumpaniji mulitnazzjonali l-kbar, l-aktar Amerikani, u jkompli jgħattan lit-trejd unjins. Biss hemm ukoll Ewropej li jinkwitaw dwar x’jiġri jekk it-TTIP jibqa’ fl-ajru. Jaraw lill-Amerika tiftiehem mal-pajjiżi tal-Paċifiku, biex bejniethom joħolqu l-aqwa suq tad-dinja, waqt li mingħajr it-TTIP, l-Ewropa se tisfa “waħidha”.
Biss, id-diskors ta’ kontroversja jinsab għaddej maż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Trejd unjins u ħaddiema Amerikani ma jridu xejn mit-TTIP. Iqisu l-ftehim bħala mod kif iddaħħal f’pajjiżhom prodotti Ewropej maħduma bl-irħis biex jirvinawlhom l-impjiegi fil-fabriki. Isostnu li hekk ġara wara li l-Istati Uniti kkonkludew ftehim mal-Messiku fuq l-istess binarju bħal tat-TTIP.
B’riżultat ta’ dil-kritika, il-kontestanta demokratika għall-uffiċċju ta’ President Hillary Clinton ħarġet kontra l-ftehim… meta kienet hi bħala segretarju tal-istat Amerikana li fetħet in-negozjati. Issa bil-kampanja populista ta’ Donald Trump li rnexxiet bil-kbir fost ir-Repubblikani, l-aspettattiva hi li se jkun hemm reżistenzi politiċi akbar min-naħa Amerikana kontra li t-TTIP jitwassal sa tmiemu. Forsi hu għalhekk li l-President Obama li m’għandu xejn x’jitlef, spiċċa l-aktar wieħed li qed jimbotta favur li n-negozjati jintemmu malajr kemm jista’ jkun.
Fil-prattika, il-qofol tal-ftehim fl-oqsma differenti għandu jkun dak li ż-żewġ naħat idaħħlu l-istess regoli ta’ tmexxija u ta’ stendards ta’ kwalità fis-swieq ta’ prodotti u servizzi. Il-problemi li jsibu l-esportaturi taż-żewġ naħat mhumiex il-protezzjoni permezz ta’ dazji u tariffi; imma li l-Amerika u l-Ewropa jinsistu fuq regoli differenti kif tinħadem il-bigħa. Dan joħloq spejjeż enormi biex il-prodotti u s-servizzi ta’ naħa jinbidlu ħalli jkunu jistgħu jinbigħu fin-naħa l-oħra.

JAĦARQU

Fl-Ewropa, fost l-aktar kwistonijiet jaħarqu li nqalgħu matul in-negozjati kien hemm dik ta’ kif kumpanija Amerikana tkun tista’ tagħmel protesti kontra gvern li skont hi, ikun bidel il-liġijiet biex il-kondizzjonijiet kummerċjali li fihom topera jeħżienu. L-ewwel abbozzi tal-ftehim kien jgħidu li r-rimedju għal kumpanija f’dil-qagħda kellha tieħu l-forma ta’ tribunal indipendenti li jiddeċiedi l-ħtijiet u l-kumpens. Qam kjass politiku fuq hekk. Ħafna qiesu li bil-ftehim mal-Istati Uniti, il-liġijiet u l-qrati tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea se jiġu soġġetti għall-interessi tal-kumpaniji multinazzjonali Amerikani.
Imbagħad il-Kummissjoni Ewropea sabet formola għal kif jistgħu jitwaqqfu tribunali speċjali biex quddiemhom jitpoġġew tilwimiet bejn kumpaniji multinazzjonali u gvernijiet firmatarji tal-ftehim. Għalkemm mhux kulħadd qabel ma’ dal-kompromess, sa issa n-negozjati baqgħu għaddejja fuq il-bażi li b’mod jew ieħor se tinstab soluzzjoni għal dil-problema.
U fil-fatt, kompromess simili iddaħħal fi ftehim ta’ kummerċ ħieles li l-Unjoni Ewropea iffirmat dan l-aħħar mal-Kanada. L-argument hu li la dal-kompromess ġie maqbul għall-Kanada, għaliex ma għandux ikun ukoll aċċettat fil-ftehim mal-Istati Uniti? Xorta waħda, dal-punt għadu mhux deċiż għal kollox.
Effettivament, wara l-President Amerikan Obama, l-aktar li kienet attiva biex tħarrek il-pass tan-negozjati tat-TTIP kienet l-istess Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissarju Cecilia Malmstrom fl-aħħar xhur ħadmet ħafna biex iżżid il-laqgħat tekniċi bejn iż-żewġ naħat. It-tnax il-laqgħa ta’ din is-sensiela “teknika” intqal li marret tajjeb ħafna u malajr malajr kien saru arranġamenti għat-tlettax-il waħda ta’ dil-ġimgħa. Negozjaturi Amerikani wkoll sostnew ta’ spiss li r-rata li biha qed jiżvolġu d-diskussjonijiet saret inkoraġġanti.

KONSENTURI

Biss il-konsenturi għadhom hemm. L-akbar dubji u dwejjaq jinsabu fi Franza. Is-segretarju tal-istat Franċiż responsabbli min-negozjati dwar it-TTIP ħareġ pubblikament jikkritika fejn waslu l-affarijiet. Għamilha ċara li l-gvern tiegħu xejn mhu sodisfatt bil-progress li qed isir. Skont hu, fl-oqsma fejn l-Ewropej għandhom l-aktar interess li jimxu ‘l quddiem, l-Amerikani qed joffru konċessjonijiet ċkejkna ħafna li ma jiswew xejn. Semma l-biedja u s-servizzi finanzjarji fost l-oħrajn.
Semma wkoll il-qasam tal-bejgħ u x-xiri (“procurement”) li jagħmlu l-gvernijiet u l-awtoritajiet publiċi. Waqt li l-Ewropa diġà bir-regoli tagħha fetħet parti sostanzjali mis-suq tagħha tax-xiri publiku għal kompetizzjoni mad-ditti tad-dinja kollha, l-Amerikani le. Ħafna stati u awtoritajiet reġjonali jinsistu li x-xiri tagħhom għandu jsir mingħand impriżi Amerikani. Franza għamlitha ċara li mhux se tkun lesta taċċetta ftehim battal minn miżuri serji jew fejn l-Amerikani jkunu qed jingħataw vantaġġi mingħajr ma l-Ewropej jibbenefikaw minn vantaġġi tal-istess importanza.
Fiż-żjara tiegħu fl-Ewropa, il-President Obama ħalla l-offensiva diplomatika tiegħu favur it-TTIP għal meta jasal Berlin. Uħud beżgħu li għal darb’oħra se jqum dissens fil-beraħ bejn Franza u l-Ġermanja. Imma sakemm Obama wasal Berlin, iż-żewġ gvernijiet kienu ltaqgħu u ħarġu stqarrija komuni.
Fiċ-ċirkostanzi, diffiċli tifhem kemm se jkun possibbli li n-negozjati jispiċċaw b’suċċess fix-xhur li ġejjin, waqt il-kampanja presidenzjali fl-Istati Uniti. Madankollu s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea taħt il-Kummissarju Malmstrom għadhom fiduċjużi…

Facebook Comments

Post a comment