Semmejna diġà f’din il-paġna, l-isfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea meta tiġi biex tissettja l-pjan finanzjari tagħha għas-seba’ snin wara l-2020. Se nerġgħu nsemmuhom illum biex naraw kemm sar progress wara li dan l-aħħar il-kapijiet tal-gvern u tal-istat fl-Ewropa ltaqgħu biex jiddiskutu x’toroq għandhom quddiemhom. U għad ikun hemm okkażjonijiet oħra fejn nerġgħu nqanqlu das-suġġett!
Ma ninsewx li fil-biċċa l-kbira tiegħu l-baġit tal-Unjoni Ewropea jikkonsisti f’fondi għal proġetti u ħidmiet li jitwettqu fil-pajjiżi membri, li għal dan jitwieżnu b’fondi li joħroġ il-pajjiż innifsu. Dawn il-flus Ewropej huma mfittxija ħafna għax jgħinu lill-gvernijiet ivaraw inizjattivi siewja mingħajr ma jkollhom għalfejn joħorġu kollox minn “buthom”. Hu għalhekk ukoll li l-baġit tal-Unjoni Ewropea hu mitqies bħala wieħed ta’ “investiment”.
Suppost li spiċċaw l-argumenti tal-imgħoddi dwar li kull pajjiż jistenna kif tal-kontribuzzjonjiet fi flus li jgħaddi fil-baġit tal-Unjoni, ikollu sehem tajjeb mill-fondi li toħroġ imbagħad l-Unjoni għall-proġetti u programmi tiegħu. L-argument sar li s-suq wieħed, “komuni” Ewropew qed jaħdem b’mod regolari, kulħadd sejjer tajjeb bih, u mingħajr dannu għal ħadd, il-fondi Ewropej qed jintużaw fejn l-aktar ikunu meħtieġa.
Fir-realtà, l-kalkoli għadhom isiru mill-pajjiżi differenti biex jaraw humiex qed jispiċċaw minn taħt jew minn fuq. Biss mhux dejjem il-kejl isir f’kont tal-ewro. Pereżempju il-Ġermanja taf li qed tħallas fil-baġit Ewropew aktar sew milli ddaħħal minnu. Biss taf ukoll li qed tibbenefika minn vantaġġi oħra tas-sħubija tagħha, fil-kummerċ, fl-industrija u f’oqsma oħra. L-istess ħaġa kienet tgħodd għar-Renju Unit. Għalkemm spiċċa joħroġ aktar lill-baġit Ewropew milli jdaħħal, dal-pajjiż kien qed jieħu benefiċċji tremendi mis-servizzi finanzjarji bbażati fih u mmirati lejn is-suq wieħed Ewropew.

IL-ĦOFRA TAL-BREXIT

Il-problemi l-kbar li issa jridu jinħallu nafu x’inhuma. Qabel kollox: bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, dħul ta’ xi 12-il biljun ewro se jintilef (din hi ċ-ċifra li qed tissemma issa). Kif se jiġi kumpensat dan it-telf?
Imbagħad hemm il-ħtieġa li jinstabu l-flus għall-proġetti ġodda tal-Unjoni, fuq quddiem nett l-immigrazzjoni. Dwar din tal-aħħar, li kulħadd jaqbel għandu jsir “xi ħaġa” u allura jridu jinstabu riżorsi ġodda biex jitwettqu l-miżuri meħtieġa. Fis-snin li ġejjin, dan jista’ jsir biss jekk l-Unjoni toħroġ aktar flus apposta għal dan il-għan.
Biss, waħda mill-aktar toroq ċari biex wieħed jilqa’ għat-tnaqqis fid-dħul hu billi jitnaqqsu l-ispejjeż. Qamet proposta biex jitnaqqsu l-fondi għall-programmi Ewropej li l-aktar jibilgħu fondi mill-baġit: il-biedja u l-hekk imsejħa “koeżjoni”.
Issa l-biedja, għalkemm naqqset sew mill-importanza li kien ikollha daqs erbgħin sena ilu fil-ħidma Ewropea (meta kienet ġieli tibla’ sa 80 fil-mija tal-baġit tal-Unjoni Ewropea), għadha tirċievi l-akbar ammonti, jew kważi erbgħin fil-mija tal-baġit. Interessi vestiti enormi, speċjalment fi Franza, imma anke fl-Italja, Spanja u l-Ġermanja, xejn ma jieħdu gost jaraw l-impenn finanzjarju tal-Unjoni f’dal-qasam jitqasqas. Kemm ilu li qam dal-punt, ma setax jonqos li Franza… anke taħt il-President Macron… qajmet riżervi kbar.
L-istess riżervi tqajmu mill-pajjiżi li morru tajjeb mill-fondi tal-“koeżjoni” . Dawn iservu biex joħolqu investimenti ta’ fejda fil-membri tal-Unjoni li jinsabu anqas avvanzati mill-bqija. Anqas ma jkunu avvanzati, aktar jirċievu fondi. L-investimenti jsiru f’toroq, impjanti tal-elettriku, binjiet industrijali fost oħrajn. Huma maħsuba biex jagħtu lill-pajjiżi fejn jitwettqu, rankatura ekonomika akbar li tippermettilhom ilaħħqu mal-pajjiżi avanzati. Il-Polonja, l-Ungerija, ir-Rumanija… insomma, l-pajjiżi tal-lvant, u dawk tas-sud mal-Mediterran… Greċja, Portugall… ftit setgħu jqisu dil-proposta b’għajn ħanina.
Madankollu fil-laqgħat “informali” tal-kapijiet tal-gvern u tal-istat biex jipprovaw isibu punt tat-tluq komuni dwar il-finanzi Ewropej tal-futur, jidher li l-bieb ma ngħalaqx fuq il-ħtieġa li jrid jinstab mod kif l-ispejjeż – anke għall-biedja u għall-koeżjoni – jitnaqqsu.
U ġara l-istess ħaġa dwar proposta oħra dwar kif tista’ tilqa’ għall-ħofra tal-Brexit fil-baġit Ewropew, proposta li fl-aħħar mill-aħħar hi wkoll evidenti: dik li l-pajjiżi membri jżidu l-kontribuzzjoni li jagħmlu lill-baġit. Bħalissa, kull pajjiż jagħti kontribuzzjoni li tlaħħaq xi 1 fil-mija tal-valur ekonomiku li hu joħloq (il-Prodott Gross Domestiku, hekk jissejjaħ). Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet bl-idea li din il-kontribuzzjoni għandha tiżdied għal 1.1 fil-mija (il-Parlament Ewropew ippropona żieda għal 1.3 fil-mija).

SENS KOMUN

Issa proposti bħal dawn fl-imgħoddi kienu jintlaqgħu b’reżistenza totali mir-Renju Unit, li did-darba m’għandux siġġu waqt dawn id-diskussjonijiet. U jidher li s-sens komun qed jagħmel tiegħu: għax jekk id-dħul se jonqos, u trid iżżomm l-ispiża bħal qabel jew aktar, trid tara wkoll minn fejn se ġġib aktar riżorsi. Jidher li fid-diskussjonijiet li saru, il-Kummissjoni Ewropea baqgħet mistagħġba xi ftit kif ma kienx hemm tassew qawwi biex din it-triq tingħalaq. Il-pajjiżi membri se jibqgħu kawti fin-negozjati li se jkunu għaddejja imma donnhoma aċċettaw li għal li ġej, iridu jaraw kif se jżidu l-fondi li jgħaddu lil Brussell.
Li jġibna għall-materji fejn l-Unjoni Ewropea b’deċiżjonijiet tagħha stess, żgur se jkollha żżid l-ispiża. Il-qbil f’dal-qasam hu ċar fir-rigward tal-immigrazzjoni. Din ħolqot kriżi fl-Ewropa li l-effetti tagħha għadhom ma battewx. Il-ħtieġa li jkun hemm politika Ewropea dwarha jifhimha kulħadd għalkemm għad m’hemmx qbil totali dwar kif għandha titmexxa. Imma anke sakemm dan il-qbil jinstab, l-Unjoni tkun tiġi provduta b’riżorsi ġodda biex tista’ tkampa ma’ dak li jeħtieġ isir.
Imbagħad hemm il-politika Ewropea dwar id-difiża li qed tiġi mħassla. Jimbuttawha bil-kbir sa issa kien hemm il-Ġermanja u Franza. Bit-tluq mill-Unjoni tar-Renju Unit, li dejjem oppona dil-politika, se jkunu qed jiddaħħlu miżuri biex tirranka. Se jkollha bżonn aktar fondi Ewropej. U hawn jidher li hemm qbil biex jinstabu dawn il-fondi, li se jżidu mal-piż tal-baġit tal-Unjoni. Ma jfissirx li se jkunu kbar wisq. Bl-ebda mod ma jitqabblu mal-fondi għall-biedja per eżempju, imma hemm qegħdin bħala żieda u jridu jiġu finanzjati.
Sadattant, it-tielet qasam fejn jidher li hemm qbil li għandhom jiżdidulu l-fondi jirrigwarda proġetti bħal tal-Erasmus, fejn żgħażagħ u studenti jmorru jistudjaw u jgħixu f’pajjiżi Ewropej barra pajjiżhom. Għall-bidu, kien issemma li dawn il-proġetti ukoll iridu jitnittfu mill-flejjes li jirċievu. Qam rebus dwar hekk, speċjalment fil-Parlament Ewropew. U jidher li kemm il-Kummissjoni Ewropea u kemm il-gvernijiet tal-pajjiżi membri fehmu li dawn il-programmi joħolqu fost iż-żgħażagħ li jidħlu għalihom u fost il-familji tagħhom sentiment favorevoli għall-għaqda Ewropea. Allura għandhom jiġu sostnuti u mkabbra, mhux mogħtija żabra.

***

Fiċ-ċirkostanzi, jidhirli li l-ħidmiet tal-Unjoni Ewropea biex tasal għal kompromessi fattibbli dwar kif se jinbena l-baġit tagħħha fil-futur mhumiex sejrin daqshekk ħażin, minkejja l-problemi komplikati li bilfors se jinqalgħu. Ċerti linji informali ta’ tmexxija diġà ħarġu. Issa jkompli l-proċess diffiċli li bih kull pajjiż, Malta inkluża, irid iqis kif se jintlaqat mil-linji ta’ tmexxija li qed jitħejjew.
Il-Kummissarju Oettinger, responsabbli mill-baġit tal-Unjoni, għandu jressaq l-ewwel abbozz tal-pjan finali sa Mejju. Sadattant, qed iżur il-kapitali tal-pajjiżi membri biex iqis kif qed jonfoħ ir-riħ….

Facebook Comments

Post a comment