Quddiem il-firxa kbira ta’ problemi li qed jaffaċċjaw lill-Unjoni Ewropea bħalissa, dil-ġimgħa talanqas jidher li sar progress kbir fuq front wieħed. Dak tat-talba tar-Renju Unit biex jirrinegozja l-kondizzjonijiet tas-sħubija tiegħu fl-Unjoni. F’negozjati intensivi mmexxija mill-President Ewropew Donald Tusk, li fihom milli jidher il-Kummissjoni Ewropea qagħdet lura, inlaħaq abbozz ta’ ftehim preliminari. Il-Prim Ministru Ingliz Cameron qal li hu sodisfatt bih, għalkemm stqarr li għad baqa’ ħafna xogħol tekniku xi jsir.
Issa wieħed irid jara kif l-istati membri l-oħra se jilqgħu il-ftehim. Għandhom ġimagħtejn ta’ diskussjonijiet jekk iridu jlaħħqu s-summit tal-aħħar ta’ Frar biex jaslu għal deċizjoni finali. Wieħed irid jara wkoll kif il-ftehim, jekk jiġi finalizzat, se jintlaqa’ fir-Renju Unit innifsu, mill-partiti u mill-poplu. Jekk kollox jibqa’ għaddej bir-ritmu ta’ bħalissa, sa nofs is-sena fir-Renju Unit jinzamm referendum dwar il-kwistjoni kollha.

GĦAQDA DEJJEM AKBAR

In-negozjati ppernjaw fuq erba’ punti ewlenin. Wieħed minnhom kien is-sejħa fit-trattati li jikkostitwixxu l-Unjoni Ewropea għal għaqda dejjem akbar bejn il-pajjizi membri. L-Inglizi stqarru li huma ma jridux jipparteċipaw f’dil-mira, u għandu jiġi rikonoxxut lilhom dan id-dritt bl-aktar mod ċar. Iridu garanzija li mhumiex se jiġu ttrattati b’diskriminazzjoni minħabba f’hekk.
Mingħajr ma jinbidlu l-ftehimiet ezistenti tal-Unjoni, ġie maqbul mod kif f’dikjarazzjonijiet solenni mill-pajjizi membri l-oħra, din it-talba tiġi milqugħa għas-sodisfazzjon ta’ Cameron.
It-tieni mizura li xtaq il-gvern Ingliz u li ma tantx dwiet sa issa mal-elettorati, kienet li l-Unjoni Ewropea tniedi u twettaq mizuri li jkabbru l-kompetittività tagħha, billi ma tiħux mizuri li jxekklu l-kompetittività.
Hawn l-Unjoni Ewropea se timpenja ruħha biex terġa’ tieħu passi ħalli tnaqqas il-burokrazija u l-ispejjez amministrattivi fuq in-negozji z-zgħar maħluqa mir-regolamenti tagħha. Wieħed jittama li din il-parti tal-ftehim ma tispiċċax tiġġenera aktar formolarji u regolamenti ġodda maħsuba biex itejbu, jimmodernizzaw u jqassru formolarji u regolamenti li jkunu ħarġu sal-lum.

MAZ-ZONA EWRO

Talba oħra Ingliza kienet biex il-pajjiż jingħata garanzija li l-mizuri li jieħdu l-membri taz-zona ewro biex iħarsu l-valur tal-munita tagħhom u jsaħħu t-tmexxija tagħha, ma jispiċċawx ikunu ta’ dannu għal membri tal-Unjoni li jinsabu barra z-zona jew jiddiskriiminaw kontrihom. Din it-talba tqanqal punti delikati għall-membri tal-ewro. Jekk tintlaqa’, se jiġi jfisser li min hu barra z-zona se jkun qed jieħu sehem f’deċizjonijiet dwarha?
Il-ftehim milħuq hu f’forma ta’ dikjarazzjoni li tipprojbixxi lil dawk barra u dawk ġewwa z-zona tal-ewro milli jiddiskriminaw kontra xulxin. Pajjizi li mhumiex membri taz-zona, kull fejn hu possibbli, jkunu jistgħu jattendu għal deċizjonijiet fejn iz-zona twaqqaf strutturi ġodda tagħha ta’ tmexxija. Barra minn hekk, dawk li jinsabu barra l-ewro mhu se jkolhom l-ebda responsabbiltà finanzjarja għal mizuri meħuda miz-zona li jirrekjedu nefqa ta’ fondi ġodda.
Biss l-akbar ksir ir-ras jidher li kien dwar il-proposta Ingliza għal tibdil fil-mod kif jiġu trattati ċittadini mill-pajjizi l-oħra tal-Unjoni Ewropea li jmorru joqogħdu u jaħdmu fir-Renju Unit. Huma bħalissa ntitolati minnufih għall-benefiċċċji tas-sigurtà soċjali Ingliza mingħajr ma kienu jkunu għamlu l-ebda kontribuzzjoni. Dan qed jagħti lok għal ħafna abbuz u jpoġġi pressjoni kbira mhux aċċettabbli fuq is-servizzi tas-sigurtà soċjali kollha kemm huma, sostnew il-Brittaniċi.
Diversi membri tal-Unjoni qiesu li l-Inglizi riedu jattakkaw pilastru ewlieni tal-binja Ewropea, dik li biha ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jmorru jgħixu u jaħdmu kull fejn iridu fl-Ewropa. L-aktar li ddejqu kienu pajjizi bħall-Polonja għax ħafna ħaddiema Pollakki emigraw lejn ir-Renju Unit fl-aħħar snin. Dan zamm lill-gvern Pollakk tal-lum, li jaqbel ma’ ħafna mill-ideat tal-gvern konservattiv Ingliz, milli jagħtih l-appoġġ sħiħ tiegħu fl-aħħar xhur.
Il-kompromess li nstab ma jinvolvix xi bidla fit-trattati. Se tintuża klawsola fid-dokumenti eżistenti li tippermetti lill-pajjiżi membri tal-Unjoni inkluż ir-Renju Unit, jaqblu li dan tal-aħħar qed jaffaċċja emerġenza fis-sistema ta’ servizzi soċjali tiegħu. Minn hekk imbagħad, isir qbil għal tnaqqis fil-ħlasijiet ta’ benefiċċji soċjali li r-Renju Unit jagħti lill-immigranti minn ġol-Unjoni Ewropea, waqt li jżommhom jistennew aktar qabel ikunu jistgħu jibdew igawdu minnhom.
Kemm dan l-arranġament se jogħġob lill-Polonja għad irridu naraw, anki jekk Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew hu nnifsu Pollakk. Li mistenni jiġri hu li sal-aħħar ta’ Frar, il-pajjiżi membri jkunu ddiskutew u flew xinhu jiġi propost. It-tama hi li jkunu jistgħu jiftehmu u b’hekk jagħlqu pjaga żejda għall-Ewropa fi żmien ta’ kriżijiet. Imbagħad niġu għar-referendum fil-Gran Brittanja dwar il-ftehim milħuq.

PRESSJONI FUQ IL-GREĊJA

Pressjoni politika ġdida qed titpoġġa fuq il-Greċja, mhux biss dwar it-twettiq tal-pjan ta’ “salvataġġ” finanzjarju tagħha fiż-żona tal-ewro. Ilu jintqal li l-pajjiż mhux qiegħed jamministra tajjeb il-fruntiera barranija tiegħu u qed iħalli wisq refuġjati deħlin bla ma jikkontrallahom tajjeb biżżejjed. Fost oħrajn intqal li ma kinux qed jinżammu reġistri tajba ta’ min kien dieħel, u jitħalla jibqa’ sejjer lejn in-nord tal-Ewropa miż-żona ta’ Xengen.
Fl-aħħar ġimgħat l-akkużi kontra l-Greċja bdew isiru bil-miftuħ. Il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura biex tinvestiga kif qed titmexxa l-fruntiera tal-Greċja. Sar theddid li jekk ma jkunx hemm titjib sostanzjali fit-tmexxija tal-fruntieri min-naħa tal-Greċja, hi titneħħa miż-żona ta’ Xengen. Filfatt, il-proċedura li fetħet il-Kummissjoni Ewropea tista’ twassal għal hekk.
Quddiem l-ilmenti li sarulha, l-Greċja ma baqgħetx lura. Saħqet li l-għajnuna li ntbagħtitilha ma kinitx biżżejjed. F’ħafna każi, tħalliet waħidha tiffaċċja l-mewġ ta’ refuġjati li waslu fl-eluf tagħhom. Il-kontroversja għadha qawwija, minkejja li l-Kummissjoni pprovat tagħmel mill-aħjar biex turi li qed isir progress u li l-proċedura li qed issegwi hi parti mill-mod kif il-kriżi għandha tiġi indirizzata.
Fil-verità, qed jagħmlu min-naħa tagħhom, il-pajjiżi Balkani l-oħra u fuq kollox il-Ġermanja qed jagħmlu pressjoni fuq il-Kummissjoni. Fil-Ġermanja, id-diżgwid politiku baqa’ għaddej bil-qawwi minħabba r-refuġjati li jaslu u ma hemmx li jieqfu. Il-kanċellier Merkel kellha tibqa’ fuq id-difensiva. Minn jum għal jum, id-diskors tagħha dwar ir-refuġjati mhux ħlief jibbies, f’attentat biex tilqa’ għall-kritika li qalgħet mill-kwartieri kollha dwar it-tmexxija tagħha f’dil-kwistjoni.
X’aktarx li soluzzjoni għall-kriżi tar-refuġjati se tkun ħafna aktar diffiċli biex tinstab għall-Greċja u għall-Ġermanja, milli tista’ qed tkun fil-każ tat-talbiet tar-Renju Unit.

Facebook Comments

Post a comment